Editorjal | FATF: Ix-xogħol għall-Gvern għadu se jibda!

It-tajjeb ta' dan l-episodju kollu huwa li kellna ngħaddu minnu biex għamilna ċerti riformi li kienu ilhom jistennew biex jibdew snin fuq snin fuq snin. Imma kif ngħidu, aħjar tard milli qatt

Id-deċiżjoni tal-FATF li Malta ma tibqax fil-Lista l-Griża, bla dubju hija waħda li tagħti nifs lil pajjiżna, imbuttatura lill-ekonomija u tibda tirranġa bil-mod, il-mod il-ħsara reputazzjonali li saret. 

Il-fatt li ħriġna minn din il-Lista hija kawża għal sodisfazzjon iżda żgur mhux ta' fanfarri jew ċelebrazzjoni, għax kif wara kollox qal il-Prim Ministru stess, ma messna qatt dħalna fil-Lista mill-bidu nett. 

Wieħed jifhem li n-nuqqasijiet li dwarhom tkellmu l-FATF ma bdewx fl-2013, meta kien elett Gvern Laburista u li żgur kien hemm attitudni laxka fejn jirrigwarda evażjoni u anke l-mod kif jiġu trattati sidien aħħarin ta' kumpaniji (Ultimate Beneficiary Owners), qabel ma nbidel il-Gvern. Fil-fatt wieħed jista' jasal għall-konklużjoni li n-nuqqasijiet Maltin kienu riżultat ta' snin fuq snin ta' inazzjoni u aċċettazjoni ta' dak li kien ħażin. Li ġara differenti wara l-2013 kien li fl-2017 inqatlet ġurnalista u filli konna gżira tax-xemx u l-baħar, li miljuni kbar lanqas biss kienu jafu biha u xi kultant lanqas f'mappa ma tidher, filli sirna pajjiż notevoli għax fih inqatlet ġurnalista li kienet ukoll l-eħrex kritika tal-Gvern. L-istorja kulħadd jafha, kulħadd jaf min kien implikat, kulħadd issa jaf ta' min hi 17 Black, lil min kien jistieden għal birthday tiegħu, f'liema uffiċċju kien joqgħod dieħel u ħiereġ dan l-akkużat (Yorgen Fenech) u ma' min kien iħobb iċekċek it-tazzi u jaqsam l-għerf kulinari tiegħu! Kulħadd jaf liema uffiċjal (mhux elett) tal-Gvern kien qal li tant kien ħabib ma' Fenech, illi kien lest jidħol fin-nar għalih! Għal dan l-istess persuna li - allegatament - qatel ġurnalista u niżżel isem pajjiżna fl-agħar ħama!

Il-gwaj ġabuh fuq Malta, Maltin stess! Nies eletti fil-poter u dawk għat-taparsi ħbieb li qagħdu jiċċirkondawhom! 

Minkejja dan wieħed ma jistax ma jagħtix krettu lill-Prim Ministru preżenti, u miegħu lill-Ministru tal-Finanzi, li minkejja li kellhom iħabbtu wiċċhom ma' dan il-piż kbir irnexxielhom jagħmlu l-progress meħtieġ biex noħorġu mil-Lista l-Griża. U dan illum jirrikonoxxih kważi kulħadd.

Imma x-xogħol għadu ma spiċċax. Issa ġejjin xhur illi fihom il-Gvern, il-Prim Ministru Abela, il-Ministru Clyde Caruana, l-ambaxxati, il-Ministru Ian Borg u diversi oħrajn jeħtieġ jingħaqdu biex jirranġaw il-ħsara reputazzjonali li saret u li għalkemm ma waslitx biex ċkien is-settur finanzjarju żgur li wassal biex diversi kumpaniji jaħsbuha darbtejn jinvestux hawnhekk, banek barranin ikunu aktar stretti fejn jirrigwardaw banek Maltin, biex tiżdied ċerta burokrazija u finalment sitwazzjoni li tat vantaġġ lill-kompetituri tagħna. 

Issa huwa l-mument li Malta mhux biss tfakkar li ma għadhiex f'din il-lista imma li ħarġet minnha għax kienet kapaċi twettaq riformi meħtieġa u li dawn se tkompli ssostnihom. Li aħna ġurisdizzjoni serja, kif qal il-PM Abela ftit wara t-tħabbira uffiċjali tal-FATF, huwa importanti li jifhmuh l-ewwel u qabel kollox dawk l-investituri potenzjali ta' pajjiżna, u dawk li jixtiequ jagħmlu n-negozju ma' pajjiżna. U dan isir billi l-Gvern mhux jitkellem biss għall-udjenza lokali, imma juża l-Ministri u l-ambaxxati tiegħu u l-Membri Parlamentari Laburisti, biex propju jwassal dan il-messaġġ. 

Naturalment l-akbar lezzjoni iżda għandna neħduha aħna lkoll. Kollox għandu prezz! Illum ma għadniex fortizza f'nofs il-Mediterran fejn dak li jiġri hawn jibqa' hawn. Illum l-aħbar tiġri, illum aħna membri tal-Unjoni Ewropea u allura hemm ċerta standards li rridu naraw illi nilħqu. 

Il-Gvern għandu jibda jipprepara bis-serjetà għall-eventwalità - probabbilment fil-qrib -  li titwaqqaf l-iskema ta' ċittadinanza kif nafuha. Il-Gvern għandu jibda jara x'għejjun oħrajn, aktar affidabbli u inqas riskjużi jista' jsib biex idaħħal il-miljuni b'mod li ma jitfgħux dell fuq pajjiżna u r-reputazzjoni tagħna. 

Il-politiċi tagħna jridu jkunu aktar kontabbli u jifhmu li ż-żmien fejn "tisraq u taħbi jdejk" issa għadda u indifen. Il-Partiti jridu jifhmu li fir-realtà tal-lum hemm skrutinju qawwi fuqhom u fuq il-membri tagħhom mill-midja tradizzjonali u l-midja soċjali wkoll. 

In-negozji - speċjalment dawk medji u kbar - iridu jifhmu wkoll li llum qegħdin f'realtà ġdida, fejn ċerti prattiċi li kienu n-norma mhux se jibqgħu: Jekk humiex depożiti, jekk huwiex użu ta' flus kontanti, jekk hux ħlas ta' taxxa, jekk hux ir-regoli bankarji dwar self u tant aktar. 

Ilum qed ngħixu f'Malta li ħierġa minn żmien ta' skrutinju fuqha, skrutinju li se jkompli. Ikun ta' xejn li noqgħodu nwaħħlu f'ħaddieħor jew noqgħodu ngħidu li "għax hemm min huwa agħar minna". Issa din hija r-realtà u rridu ngħixu biha. Ċerti prattiċi, ċerta medjokrità u ċerta "ejja ħa mmorru" ma għadhomx aċċettabbli aktar. 

It-tajjeb ta' dan l-episodju kollu huwa li kellna ngħaddu minnu biex għamilna ċerti riformi li kienu ilhom jistennew biex jibdew snin fuq snin fuq snin. 

Imma kif ngħidu, aħjar tard milli qatt.

More in Politika