Editorjal | Prosit Graffitti... u l-awtoritajiet iċċassati!

Fadal xi ħadd mill-Gvern u mill-awtoritajiet li jinteressah ftit iktar mill-ponta ta' mnieħru, minn butu u mill-vot? U jekk fadal, se jqum minn hemm u jara li l-affarijiet f'dan il-pajjiż jimxu skont il-liġi tas-sewwa u ta' pajjiż ewropew u ċivilizzat?

Is-Sibt il-Moviment Graffitti qala' ħafna ċapċip u approvazzjoni għall-azzjoni li ħa f'Kemmuna. Azzjoni li kienet ilha biex issir wara snin fuq snin ta' abbuż - u speċjalment issa li t-turiżmu reġa' ħa spinta qawwija - hija dik fil-konfront ta' Kemmuna.  

Filwaqt li dan l-editorjal jirriserva tifħir lill-Moviment Graffitti, kif għamel ħafna drabi, ma jistax ħlief jikkundanna lill-politiċi u l-awtoritajiet bla snien li għandna. Għax dak li għamlu l-attivisti tal-Graffitti lbieraħ kien messhom għamluh l-awtoritajiet, għax huwa xogħolhom li jaraw li jekk hemm konċessjoni din trid tiġi rispettata. Li jekk art pubblika - tan-nies - qed tiġi abbużata, ikunu huma li jaraw li ma tiġix u fejn tkun qed tiġi abbużata, is-sitwazzjoni tiġi ratifikata kemm jista' jkun malajr.  

Mhux billi noqgħodu nitkellmu dwar il-kwalità u mhux il-kwantità fit-turiżmu. Ilna snin nisimgħu Ministru wara ieħor, u Chairman tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu wara ieħor jgħidilna li importanti li nattiraw il-kwalità. Imma l-kwalità mhux se tattiraha bil-medjokrità u l-liġi tal-ġungla.  

Kif jista' jkun li bajja ta' ftit metri, lanqas fejn timxi ma għandek? Kif jista' jkun li bajja pubblika għamilniha privata - bajja tal-kiosks?! Dawn l-affarijiet ma tarahomx f'pajjiżi serji, u ma tarahomx f'pajjiżi li qed jikkompetu magħna bħal Sqallija, Sardegna u Ċipru - fejn għandhom bajjiet kbar ma jispiċċaw qatt! U aħna dan il-ftit li għandna irridu noħonquh, inkissruh u nħammġuh biex il-ħabib tal-ħabib tal-Ministru jarma bil-gabbana ma jmorrux jmuru bil-ġuħ it-turisti jekk ma jsibux burger fuq Kemmuna! X'medjokrità ta' pajjiż u x'medjokrità ta' awtoritajiet għandna!  

Għalhekk il-Graffitti qalgħu ħafna tifħir għax issa kulħadd qed jibda jitqażżeż u jiddardar bil-liġi tal-ġungla.  

U mhux Kemmuna biss.  

Kulħadd għandu dritt igawdi kemm irid il-bajjiet u l-caravans, mela le. Imma mhux bajja pubblika tiġi kkapparrata mill-caravans! U l-awtoritajiet ma jgħidu xejn? Għandu jkun hemm żoni apposta għall-caravans, ħdejn jew viċin il-baħar, u hemm jistgħu joqgħodu u jgawdu kemm iridu. Mela kif aħna illum? Tgħolli munita u fejn taqa' tipparkja l-caravan u l-bajja ssir il-bitħa privata tiegħek! U x'jinteressana u x'jimpurtana minn ħaddieħor!  

U fl-istess ħin l-awtoritajiet ċċassati li għandna, allajbierek ma jafu xejn!  

Qumu mir-raqda u għamlu xogħolkom!  

B'din ir-rata li sejrin biha mhux talli dan il-pajjiż mhux se jkun qed jattira t-turiżmu ta' kwalità li tant ilna nitkellmu dwaru, talli anke dak it-turist li qed jiġi se jibda jonqos. Ejja nieqfu naħsbu li aħna ċ-ċentru tad-dinja u d-dinja għandha xi obbligu lejn Malta! Noone owes us a living! Bħal Blue Lagoon hawn mijiet ta' postijiet fl-Italja, it-Turkija, Sqallija u diversi positijiet oħrajn. L-attitudni tal-awtoritajiet lokali għandha tkun waħda li tara kif l-esperjenza tal-bajjiet lokali u ta' post uniku bħal Blue Lagoon se tkun aħjar mill-kompetituri, mhux agħar.  

Dan kollu ma' diversi punti oħrajn li dan l-editorjal ilu tant jitkellem dwarhom, primarjament l-indafa jew aħjar in-nuqqas tagħha. Meta se neħduha bis-serjetà din il-problema? 

Fadal xi ħadd mill-Gvern u mill-awtoritajiet li jinteressah ftit iktar mill-ponta ta' mnieħru, minn butu u mill-vot? U jekk fadal, se jqum minn hemm u jara li l-affarijiet f'dan il-pajjiż jimxu skont il-liġi tas-sewwa u ta' pajjiż ewropew u ċivilizzat?  

Jew se nibqgħu qisna pajjiż tal-country and western?  

More in Politika