Robert Aquilina | Tardare si, scappare no

L-ebda elezzjoni u l-ebda distrazzjoni oħra mhi se tnessina li l-ġustizzja ma tistax issir jekk dawn jibqgħu ma jitressqux il-Qorti 

Daphne Caruana Galizia nqatlet minħabba l-korruzzjoni. Ħadd f’Malta u fid-dinja m’għandu dubju dwar dan. Ix-xena tat-tkexkix li ra kulħadd fis-16 ta’ Ottubru ta’ ħames snin ilu hija l-ikbar prova tal-korruzzjoni li kienet qed tinvestiga Daphne. Minkejja li matul dawn is-snin tressqu nies il-Qorti akkużati bl-assassinju, sal-lum għadu ma tressaq ħadd biex iwieġeb għall-korruzzjoni li wasslet għalih.

Bilfors wieħed jistaqsi: Għaliex?

Akkużat bl-assassinju ta’ Daphne hemm Yorgen Fenech, ħabib tal-qalb ta’ Keith Schembri li kien ikun fost il-ftit mistednin għall-festini privati ta’ għeluq snin il-Prim Ministru Joseph Muscat. Apparti l-inbejjed u l-arloġġi jiswew l-eluf li ta lil Muscat u apparti l-eluf cash li ta lil Rosianne Cutajar, dan Yorgen Fenech kellu sehem importanti fil-proġett tal-power station tal-Electrogas ippjanat, imwelled u mrobbi minn ħadd ħlief il-Ministru Konrad Mizzi.

Fenech kien ukoll is-sid tal-kumpanija 17 Black, li skont dokumenti li rajna ppubblikati kemm-il darba, kellha tagħti 5,000 ewro kuljum lill-kumpaniji ta’ Mizzi u Schembri li sirna nafu bihom permezz tal-Panama Papers.

Dawn huma kollha fatti mhux spekulazzjonijiet.

Meta ressqet lil Fenech il-Qorti u akkużatu bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-pulizija għamlet dikjarazzjoni ċara li temmen li Fenech huwa implikat fil-qtil. Issa f’idejn il-Qrati biex jiddeċiedu jekk dak li temmen il-pulizija hux minnu jew le.

Però ġara li l-pulizija waqfu hemm. Dwar ir-raġuni li skonthom wasslet lill-akkużat jagħmel att daqstant orribbli l-pulizija għadhom m’għamlu xejn. Fenech ilu f’ċella fil-ħabs ta’ Kordin għal iktar minn sentejn u nofs. F’dawn it-tmintax-il xahar, il-pulizija għadhom ma ressqu lil ħadd dwar il-każijiet ta’ korruzzjoni li jaħsbu li wasslu għall-assassinju.

Ma rajna lil ħadd jitressaq, pereżempju, dwar il-kuntratt tal-Electrogas, ma tressaq ħadd dwar l-iskandlu tal-wind farms tal-Montenegro, ma tressaq ħadd dwar il-kumpanija 17 Black, u ma tressaq ħadd dwar dak żvelat mill-Panama Papers. Huwa naturali u ovvju li wieħed jerġa’ jistaqsi għaliex.

Il-korruzzjoni u l-istejjer li semmejna ma setgħu qatt isiru minn negozjanti jew kriminali waħedhom, kbir kemm hu kbir in-negozju u n-network kriminali tagħhom. Protagonisti ugwali f’din ix-xibka ta’ ħażen bilfors kellu jkun hemm persuni li kellhom (u jaf għad għandhom) ħafna poter f’idejhom: persuni fil-politika u uffiċċjali pubbliċi li nafu sew x’jisimhom u x’kunjomhom.

Il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali dan jafuh u jafuh sewwa ħafna. Jafu li jekk iressqu lil Fenech u jakkużawh bil-korruzzjoni li jemmnu li qatlet lil Daphne, ikollhom iressqu lill-kompliċi tiegħu kollha.

L-analiżi tagħna hija li dawn il-persuni kienu u huma meqjusa bħala untouchables: ’l fuq mil-liġi.

Però jridu u ma jridux, illum, għada jew pitgħada, Gafà u Buttigieg se jkollhom jagħmlu dak li ilna snin nistennew u neżiġu għalih. Kif jgħidu t-Taljani: tardare si, scappare no. Ikaxkru saqajhom kemm ikaxkru saqajhom u jġibu skużi kemm iġibu skużi aħna fiduċjużi li l-ġustizzja se ssir.

Fiduċjużi, ibda biex, għax rajna r-ruxxmata provi li jinsabu fid-dominju pubbliku. Fiduċjużi għax m’għamilniex biss posts fuq Facebook u protesti. Morna l-Qorti u tlabna li jinfetħu inkjesti dwar dawn l-iskandli u dwar oħrajn, bħal tal-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet. Meta morna l-Qorti u kull meta daħħalna rapport lill-pulizija dejjem għaddejnielhom id-dokumenti kollha li kellna fil-pussess tagħna.

Fiduċjużi għax determinati li nibqgħu nagħmlu l-pressjoni meħtieġa biex il-ġustizzja ssir. M’aħna se ngħajjew qatt niġġieldu għall-verità u għall-ġustizzja.

Fiduċjużi wkoll għax minkejja li kellna kollox kontrina, fl-aħħar ġimgħat tal-2019 irnexxielna nagħmlu pass kbir ’l quddiem. B’dak il-pass infetħet kaxxa ikbar mill-kaxxa ta’ Pandora.

Bdejna nsiru nafu – f’xhiedha ġuramentata – li min suppost kien qed jinvestiga l-assassinju ta’ Daphne kien qed jixxala mal-allegat mandant. Sirna nafu li lill-middleman tal-assassinju laqgħuh f’Kastilja, tawh kafè u tawh job fantażma mal-Gvern. Lanqas dwar dawn il-każijiet tant sempliċi u ovvji, Gafà u Buttigieg għadhom ma waslux għall-prosekuzzjonijiet.

Nirrepeti li llum jew għada lil dawn l-individwi se jkollhom iressquhom għax se jkunu mġiegħla. Dakinhar se tisimgħuhom jiftaħru li l-affarijiet qed jitjiebu. Dakinhar se tarawhom fuq it-televixin jipprovaw jieħdu l-mertu. Iżda l-verità dakinhar se tkun li Gafà u Buttigieg se jkun irnexxielhom jittardjaw imma mhux jaħarbu: tardare si, scappare no.

Tant huwa evidenti t-tkaxkir tas-saqajn li anke f’każijiet li dwarhom ġew konklużi inkjesti u l-Maġistrati ordnaw li l-pulizija tmexxi kontra individwi, Gafà u Buttigieg baqgħu b’idejhom fuq żaqqhom.

Biżżejjed insemmu l-inkjesta dwar il-Bank Pilatus. Din l-inkjesta li swiet lill-poplu Malti seba’ miljun ewro u nofs ilha għand l-Avukat Ġenerali iktar minn sena. Minkejja li din l-inkjesta rrakkomandat li jttieħdu passi kontra Ali Sadr Hasheminejad u diretturi u uffiċjali oħra tal-Pilatus, sal-lum Gafà u Buttigieg għadhom ma kaxkru lill-ebda wieħed minnhom il-Qorti. Għaliex? Illum jew għada nkunu nafu.

L-istess għamlu dwar ir-rakkomandazzjoni tal-inkjesta Egrant li jittieħdu passi kontra l-accountant ta’ Nexia BT, Karl Cini: dak li fetaħ il-kumpaniji l-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.

F’April aħna morna quddiem il-Qorti u waħħalna r-ritratti ta’ dawn it-talin mal-grada biex infakkru lil kulħadd li għadhom jiġru barra, li għadhom meqjusa untouchables u li aħna se nibqgħu nsusu warajhom. L-ebda elezzjoni u l-ebda distrazzjoni oħra mhi se tnessina li l-ġustizzja ma tistax issir jekk dawn jibqgħu ma jitressqux il-Qorti.

Jittardjaw kemm jittardjaw l-affarijiet Gafà u Buttigieg, aħna se nkunu qed niżguraw li ħadd ma jiskappa l-ġustizzja.

More in Politika