Editorjal | Il-futur tal-ġurnaliżmu ma jiddependix biss fuq il-liġijiet

... lilhinn mit-tema tas-ISLAPP, hemm realtà oħra, jiġifieri l-eżistenza tal-istampa

F’dawn l-aħħar xhur u snin smajna ħafna fuq id-dritt tal-ġurnalist, id-dritt tal-espressjoni u anke dwar it-theddida ta’ kawżi ta’ libell minn barra l-pajjiż magħrufa bħala s-SLAPP.   

Dawn huma libelli li ħafna drabi jispiċċaw ifaqqru dak li jkun b’eluf jekk mhux miljuni f’danni.  Imma biex inkunu sinċiera kawża tas-ISLAPP qatt ma saret fir-realtà f’pajjizna u ħadd qatt ma ħallas dawk il-figuri.   

Madanakollu, ovvjament ġie kkattalizat b’mod straordinarju minħabba l-każ ta’ Daphne Caruana Galizia. Biex inkunu preċiżi minħabba l-qtil makabru ta’ Caruana Galizia. 

Imma lilhinn mit-tema tas-ISLAPP, hemm realtà oħra, jiġifieri l-eżistenza tal-istampa.   

Il-midja tradizzjonali li timpjega n-nies u l-ġurnalisti u li għandha struttura robusta għandha ħafna sfidi. Jekk iridu nkunu sinċiera, mhux l-ISLAPP jew is-sigurtà tal-ġurnalisti huma l-akbar theddida, iżda l-eżistenza u l-vijabilità tal-intrapriża li timpjega l-ġurnalisti. 

Hawn ħafna primi donni jitkellmu fuq il-ġurnalizmu imma dawn ftit li xejn għandhom idea ta’ kif taħdem il-midja. 

Illum hemm theddida reali u jekk mhux se jkun hemm intervent mill-ewwel mill-istat, hemm kumpaniji fil-midja li żgur mhux se jkomplu jeżistu.  Imbagħad hemm dawk li għandhom is-sostenn tal-partiti politici, jew tal-Knisja jew xi unjin warajhom jew inkella il-big business. Dawn huma dawk li l-aktar għandhom ċans li jibqgħu. 

Din ir-realtà hija kkonfermata aktar u aktar meta tara kif l-udjenzi kbar abbandunaw il-midja tradizzjonali u wisq iktar kif il-midja stampata ħadet daqqa ta’ ħarta minħabba l-COVID. Issa hemm ukoll iż-żieda stratosferfika fil-prezz tal-karta. L-affarijiet ma tantx jidhru sbieħ. 

Hija sfortuna kbira li l-futur tal-istampa ġiet determinata jew artikulata minn dawk li qatt ma kienu ġurnalisti jew inkella minn dawk li jippożaw ta’ ġurnalisti. 

Jeħtieġ li l-Istat ikun attiv u involut biex jara li l-istampa ħielsa tibqa’ għaddejja, tkun kapaċi tkompli fix-xogħol tagħha u wisq aktar biex pajjiżna jkollu r-raba’ pilastru b’saħħtu.  Dan huwa bżonn u ħtieġa f’soċjetà demokratika u pluralista. 

More in Politika