Miriam Dalli | ​Malta Flimkien: ‘il quddiem

'Is-Suppliment tal-Paga kien indispensabbli biex nagħtu l-appoġġ meħtieġ għall-għixen ta’ xejn anqas minn 60% tal-ħaddiema fis-settur privat kollu'

Ftit aktar minn sentejn ilu, pajjiżna bħal kumplament tad-dinja, intlaqat mil-akbar xokk ekonomiku fl-istorja moderna. Pandemija li setgħet tpoġġi lil ekonomija tagħna għalkkoptejha. Quddiemna kellna kriżi li setgħet mhux biss tkisser dak kollu li bnejna flimkien imma, agħar minn hekk, kellha il-potenzjal li teqred l-istrutturi u l-operaturi ekonomiċi ta’ pajjiżna.  

F’Marzu ta’ sentejn ilu, il-prospetti kienu li jintilfu aktar minn 50,000 post tax-xogħol bil-konsegwenzi li eluf ta’ kumpaniji Maltin kien ikollhom jagħlqu l-bibien tagħhom darba għal dejjem. Daqqa, li setgħet fissret tnaqqis storiku fil-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema tagħna u daqqa li minnha l-ekonomija Maltija ma kinitx ser tirkupra malajr. 

Flok irrasenjajna ruħna, dħalna għall-ħdimna flimkien – ħaddiema u min iħaddimhom, negozji u trade unions: Il-Gvern flimkien mal-imsieħba soċjali kollha. Forsi aktar minn qatt qabel,  ingħaqadna biex sibna is-soluzzjonijiet – u ġbidna ħabel wieħed biex żammejna l-ekonomija għaddejja fuq sisien sodi. 

Mingħajr dubju il-Wage Supplement jirrappreżenta l-għodda prinċipali li madwarha bnejna l-assistenza li kien hemm bżonn biex nassiguraw li nipproteġu l-impjiegi tal-ħaddiema u l-futur tal-kumpaniji Maltin u Għawdxin. 

Flimkien mal-imsieħba soċjali kollha, assigurajna li din l-għajnuna tingħata f’waqtha u b’mod mil-aktar effettiv xahar wara xahar, sakemm kien hemm il-ħtieġa li dan issir.  

Komplejna niltaqgħu u niddiskutu kontinwament sabiex nibdlu u nsaħħu dan il-mekkaniżmu hekk kif l-impatt ekonomiku tal-pandemija beda jinbidel. Ridna u rnexxielna nassiguraw li mhux biss insalvaw l-impjiegi imma li fuq l-assistenza tal-Wage Supplement nibnu l-irkupru ekonomiku għal wara l-pandemija.  

Flimkien, irnexxielna nsalvaw xejn anqas minn 120,000 impjieg u flimkien irnexxielna nipprovdu din l-assistenza lil aktar min 17,000 kumpanija f’pajjiżna. 

Minn self-employed żgħar, għal uħud fost mill-akbar kumpaniji f’pajjiżna, minn koperattivi għal organizzazzjonijiet volontarji, is-Suppliment tal-Paga kien indispensabbli biex nagħtu l-appoġġ meħtieġ għall-għixen ta’ xejn anqas minn 60% tal-ħaddiema fis-settur privat kollu. 

Għal kuntrarju ta’ dak li seħħ f’ħafna pajjiżi oħra ridna naċċertaw li nżommu din l-assistenza għaddejja sakemm ikun il-bżonn. Anke fid-dawl li l-pandemija damet aktar minn dak li ħafna kienu qegħdin jantiċipaw.  

Huwa minnu wkoll li dan kollu kien ifisser commitment finanzjarju bla preċedent mil-Gvern Malti. 

Filfatt permezz tal-Wage Supplement investejna aktar minn €720 miljun biex  nissalvagwardjaw l-impjiegi u l-ekonomija. 

Investiment li kien hemm bżonnu – u  li kieku ma sarx kien jiswa lill-ekonomija Maltija ħafna aktar f’telf ta’ impjiegi u f’termini ta’ tkabbir ekonomiku. 

Bis-saħħa ta’ dan kollu illum għandna ekonomija li mhux biss qiegħda tirkupra, imma li qiegħda tikber bl-ogħla rata fl-Ewropa kollha. Bis-saħħa tal-Wage Supplement ukoll, pajjiżna mhux biss għandu l-anqas ammont ta’ persuni qegħda fl-istorja tiegħu, imma talli Malta għandha l-anqas rata ta’ qgħad fiż-żona Ewro kollha. 

Dan minkejja li pajjiżna bħal kull pajjiż ieħor għadu qiegħed jafacċċja sfidi globali kbar bħall-inflazzjoni u żidiet kbar fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija u t-trasport fost l-oħrajn.  

Iżda l-mod kif flimkien għelibna l-isfida tal-pandemija jimlina b’kuraġġ sabiex flimkien ngħelbu wkoll l-isfidi tal-lum u ta’ għada.  

Wara li smajna anke dak li kellhom xi jgħidulna l-imsieħba soċjali f’dan ir-rigward, din il-ġimgħa ħabbart li l-iskema tal-Wage Supplement se tkun qed tiġi estiża għall-aħħar darba u fil-forma li qegħda bħalissa għax-xahar ta’ Mejju. 

Dan hekk kif pajjiżna issa qiegħed iħalli l-pandemija warajh u bis-saħħa tar-rilaxx ta’ bosta mill-miżuri li fadal, in-negozji tagħna issa jistgħu joperaw lura b’mod normali. Qegħdin naraw ukoll sentiment pożittiv minn ħafna mis-setturi ekonomiċi – anke is-settur turistiku li l-aktar kien milquta mir-restrizzjonijiet tal-pandemija.  

Qegħdin nagħlqu dan il-kapitlu flimkien mal-istakeholders li ħdimna id f’id biex naraw li l-iskema titħaddem bl-aħjar mod. Kienu partner kruċjali fit-tfassil ta’ dawn il-miżuri, bħalma kienu r-rappreżentanti tal-ħaddiema u r-rappreżentanti ta’ min iħaddem.  

Issa, irridu inħarsu ‘l quddiem. Għandna sajf sabiħ ta’ xogħol ġej quddiemna imma għandna wkoll sfidi li ma għandhomx u mhumiex ser jaqtawlna qalbna. Bl-istess mod li dan il-Gvern kien ta’ sostenn ewlieni u ta’ sieħeb b’saħħtu man-negozji u l-ħaddiema f’dawn l-aħħar sentejn tal-pandemija, bl-istess mod irridu indawru l-isfidi li għandna f’opportunitajiet għal li ġej. 

Ir-riġenerazzjoni tas-setturi ekonomiċi, li nsaħħu l-investiment li diġà għandna, u li nkomplu nattiraw investiment dirett barrani, huwa kruċjali għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna. Pajjiżna ma jinsabx ġo bozza – dak li jiġi madwarna jaffettwana lkoll. Għalhekk il-ħtieġa li nkunu proattivi – u mhux reattivi – għas-sitwazzjonijiet emerġenti. Irridu nħarsu ‘l quddiem billi  noħolqu l-ispazju għall-investiment. Biex inġib eżempju, din il-ġimgħa stess ġie ffirmat ftehim bejn Malta Enterprise, Quantum Foundation u PlugAndPlay biex ngħinu l-istartups jwettqu l-investiment tagħhom. Għax l-għajnuna għall-istartups ma tieqafx biss sa assistenza finanzjarja imma rridu noħolqu opportunitajiet ta’ networking, ta’ mentoring, fejn investitur jiltaqa’ ma’ ieħor u fejn l-investiment jibda’ minn pajjiż, ikun kapaċi jilħaq orizzonti oħra.  

Il-qafas tal-kompetittività tibqa’ l-innovazzjoni u l-investiment sostenibbli. Għalhekk, kommessi bħala Gvern biex naħdmu u naraw negozji jikbru, jimmodernizzaw u  jkunu sostenibbli. 

More in Politika