Editorjal | Poplu ħafna akbar mid-daqs ta' gżiritna!

Ejja nitgħallmu mill-iżbalji tagħna u nippromovu l-kapaċitajiet u t-talent tagħna. U l-ġmiel ta' pajjiżna - jew dak li ħallejna minnu

Malta hija pajjiż ċkejken li xi kultant f'xi mapep lanqas biss tkun tidher. Imma fil-verità Malta hija ħafna ikbar minn hekk u tista' tkun ħafna ikbar ukoll. Huwa f'idejna kif se tikber Malta, mhux fl-ispazju - ħallieha li llum anke dik tista' ssir bir-riklamazzjoni tal-art - imma kif se tikber fl-għarfien u f'għajnejn id-dinja u kif se tikber b'poplu li jkollu ħafna aktar għerf u esperjenzi. 

Mod kif dan jista' jsir huwa permezz tat-talent. F'dan it-tmiem il-ġimgħa rajna t-talent mużikali f'konkors li ġibed udjenzi kbar, imma li kien ukoll magħmul bi professjonalità liema bħalha. U bħal Mużika, Mużika qed naraw produzzjonijiet oħrajn ta' kwalità għolja ħafna, fosthom ukoll l-X Factor, fejn mhux biss naraw it-talent mużikali imma wkoll l-abbilitajiet ta' produzzjoni, ta' dawl, ta' lbies u l-abbilitajiet organizzattivi... għadda ż-żmien fejn produzzjonijiet bħal dawn jittellgħu b'medjokrità, bl-idea ta' "ejja ħa mmorru".

Kellu bżonn li s-serjetà, id-dedikazzjoni u s-sens ta' organizzazzjoni li qed naraw fi produzzjonijiet televiżivi nibdew narawhom ukoll f'oqsma oħrajn. 

Iżda dan it-talent għandna nesportawh sabiex aktar kantanti u production managers u kumpaniji tal-loġistika u kumpaniji li jorganizzaw avvenimenti jimirħu wkoll barra minn pajjiżna, fejn jikbru huma u jikber isem pajjiżna u finalment jiġu lura u nkomplu neċċellaw. 

L-stess qed naraw jiġri b'numru ta' DJs Maltin li qed jagħmlu isem għalihom u għal pajjiżna madwar id-dinja. DJ Ruby, popolari ferm f'pajjiżna u li qed idur id-dinja jdoqq f'avvenimenti ta' kobor fejn qed jikseb popolarità wkoll, bħalma għamlu u għadu jagħmel Tenishia u anke J Joy u diversi oħrajn. Dan huwa talent Malti - talent kapaċi, li aħna qed nesportaw u li għandna napprezzaw u li sfortunatament ma jiġix apprezzat biżżejjed. 

Għandna l-artisti kapaċi u atturi bravissimi, imma li ftit wisq minnhom qed iħarsu lilhinn minn xtutna biex jikbru huma, jkabbru l-għarfien u l-orizzonti tagħhom. U jiġu lura u jġibu magħhom bagalja ta' esperjenzi, ta' għerf, ta' kultura u ta' kapaċità. 

Għandna tobba, uħud minnhom li fis-silenzju qed jagħmlu ġid kbir fil-komunità li fiha jgħixu. Nies mhux popolari, imma li fetħu l-orizzonti tagħhom u llum qed jagħmlu suċċess mediku barra minn pajjiżna u anke f'pajjiżna. Din il-gazzetta kienet tkellmet ma' ċertu Andrè Grixti - Oftalmoloġista li qed jikseb suċċess fir-Renju Unit, u li minflok qed nagħmluhielu faċli biex jiġi jipprattika hawn, qed jinħolqulu l-bsaten. 

Dal-pajjiż jikber billi l-poplu tiegħu jimraħ lilhinn minn xtutna wkoll, jiġi lura u jġib miegħu dak li jkun tgħallem u l-esperjenzi li bihom jkun kiber. 

Pero' pajjiżna jikber ukoll bl-investituri. Dejjem nitkellmu fuq l-investiment li ġej hawn - u dan huwa importanti - pero' ftit nisimgħu dwar dawk dawk li kibru Malta pero' qed ifittxu li jkabbru l-operat tagħhom barra minn pajjiżna, għax qed jagħmlu is-suċċess f'pajjiżna. U rajna matul is-snin lukandiera, intraprendituri, negozjanti żgħar u oħrajn li fetħu l-operat tagħhom ukoll barra minn pajjiżna, fejn qed iħaddmu lin-nies, joħolqu l-ġid u fl-aħħar mill-aħħar jkomplu jkabbru l-investiment Malti u jkabbru l-opportunitajiet tal-Maltin stess. 

Imbagħad naturalment hemm il-politiċi u azzjoniethom. Politiċi li jagħmlu unur lil isem pajjiżna għax jilħqu l-quċċata politika tagħhom wara snin ta' ħidma onesta. Ħafna politiċi kabbru isem Malta, bil-mod kif kienu jafu huma u forsi kif kien meħtieġ: Mintoff bl-id tal-ħadid, bil-kliem goff u l-abbilità li jkun negozjatur stuż - għamel isem u kabbar isem pajjiżna. Eddie Fenech Adami - politiku li daħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropea u allura bil-viżjoni tiegħu poġġa lil Malta fiċ-ċentru politiku Ewropew, fuq il-mejda tad-diskussjoni u d-deċiżjonijiet. Gvern Laburista - immexxi minn Joseph Muscat - li poġġa isem Malta fil-quċċata tal-lista ta' pajjiżi bl-aqwa drittijiet għal persuni LGBTIQ: Minn pajjiż konfessjonali, għal pajjiż liberali - l-aktar fl-Ewropa. Ħasra li l-istess Muscat ċekken dak l-isem meta ħalla madwaru lil min fetaħ il-kumpaniji fil-Panama u r-riperkussjonijiet gravi kollha li dan ġab miegħu. Roberta Metsola - mara li llum tokkupa l-ogħla kariga fil-Parlament Ewropew u li qed tikseb ir-rispett politiku ta' ħafna mill-istess Parlament li tmexxi. 

Hekk jikber isem Malta. 

U tafu kif jiċkien u jiżżeblah? B'xi assassinju ta' ġurnalista! Billi nkunu l-uniku stat membru tal-UE li nitpoġġew fuq il-Lista l-Griża tal-FATF! 

Ejja nitgħallmu mill-iżbalji tagħna u nippromovu l-kapaċitajiet u t-talent tagħna. U l-ġmiel ta' pajjiżna - jew dak li ħallejna minnu. 

Ma nistgħux nikbru bħala poplu, jekk ma jkollniex ir-rispett lejna nfusna l-ewwel, lejn pajjiżna u lejn il-kapaċitajiet tagħna. 

"Qisu ta' barra" konna ngħidu sa ftit żmien ilu. Implikazzjoni ċara li ta' barra dejjem aħjar minn ta' Malta. Ejja ninżgħu din l-istima baxxa tagħna nfusna li ksibna wara sekli ta' ħakma u nibdew nemmnu li pajjiżna - permezz tal-poplu tiegħu - jista' jkun ferm u ferm ikbar mid-daqs ta' gżiritna. Ejja nitgħallmu napprezzaw aktar l-identità tagħna, il-lingwa tagħna, l-ikel tagħna, l-artisti, l-intraprendituri u s-suċċess li kapaċi jagħmel il-poplu Malti f'Malta u barra.

Hekk nikbru. Hekk il-poplu jkun akbar minn dan il-pajjiż ċkejken. 

More in Politika