Editorjal | Il-Kliem tal-Papa: Risposta ċara kontra l-mibgħeda!

'Il-kliem bħaċ-ċirasa, jgħid il-Malti. Iżda bejn kliem u fatti hemm baħar jikkumbatti, jgħid il-Malti wkoll. Tgħallimna xi ħaġa minn dan il-kliem ta' Papa Franġisku?'  

Il-Papa Franġisku f'Malta ħalla marka u l-marka li ħalla kienet diskors ilbieraħ li tassew fih x'tixtarr u x'tifhem. Messaġġ li dan l-Editorjal jittama illi ma jintilifx fil-kakofonija ta' ċapċip, ċelebrazzjoni u l-formalità ċerimonjuża li biha ntlaqa' - kif xieraq - il-Kap tal-Knisja Kattolika.  

L-ewwelnett huwa l-messaġġ b'saħħtu tiegħu fuq l-immigranti u l-kliem tiegħu meqjus u mimli mħabba lejn dawk li jiġu f'pajjiżna, kif imorru f'pajjiżi oħrajn, ifittxu ħajja aħjar. Għax il-Knisja, sa minn meta konna ċkejknin, kienet tgħallimna l-valur tal-imħabba lejn għajrna. Ħarsa li għal ħafna snin ma kinitx kapaċi tfakkar lil miljuni ta' segwaċi tagħha li dan għandu jkun lejn kulħadd, hu min hu u hu x'inhu l-karnaġġjon, it-twemmin reliġjuż, ir-razza, il-ġeneru, is-sesswalità jew it-twemmin politiku tiegħu. Dan in-nuqqas sejru jidher li l-Papa Franġisku qed jindirizzah.  

Inutli nparlaw ħafna fuq il-miġja tal-Papa jekk ma nifhmux u ma ngħixux il-messaġġ ċar tiegħu kontra r-razziżmu u kontra l-xenofobija. Jekk mal-ewwel dgħajsa li tiġi hawn ninfexxu noffendu lin-nies u ngħajruhom, jekk naqsmu t-triq meta naraw xi ħadd differenti minna li għandu bżonn l-għajnuna u jekk il-politiċi tagħna minflok jiġġieldu s-sentiment ta' mibgħeda jkunu kompliċi fih bis-silenzju tagħhom jekk mhux irewwhuh ukoll.  

Kien hemm min jgħid li post il-Knisja huwa fis-sagristija. Post il-Knisja kien ilbieraħ tagħti messaġġ qawwi lil kull min hu ta' rieda tajba u lil kull min jaf x'inhu sew u x'mhux. Il-mibgħeda razzjali li tintwera' fuq il-midja soċjali kull darba li jew jiddaħħal xi grupp immigranti jew inkella l-preġudizzju li juru wħud - b'mod pubbliku u kważi, kważi bi ftaħir - lejn kull min huwa differenti, huwa tassew ħażin. U l-ħażin ma jsir qatt tajjeb! Il-mibgħeda ma tista' qatt tkun skużata! Jekk bħala soċjetà nħallu l-preġudizzju u l-ħdura tirkibna inkunu sirna soċjetà marida!  

U la semmejna dan ma nistgħux ma ninnutawx illi fid-diskors tal-Papa l-kliem kien ċar ukoll kontra r-rgħiba bla waqfien li qed tiekol u tnaqqar minn artna. "L-ambjent li ngħixu fih hu rigal mis-sema, kif mill-ġdid jagħraf l-Innu Nazzjonali li jitlob lil Alla jħares is-sbuħija ta’ din l-art, omm imżejna b’dawl mill-aktar għoli," qal il-Papa Franġisku. Huwa kompla jisħaq li għalhekk l-ambjent għandu jkun imħares "mir-regħba bla xabgħa, mill-kilba għall-flus u mill ispekulazzjoni tal-bini, li mhux biss jikkompromettu l-pajsaġġ, iżda l-ġejjieni."  

Għadna ħerġin minn kampanja elettorali illi matulha l-partiti l-kbar it-tnejn li huma ħarġu jipprovaw jikkonvinċu lin-nies li għandhom l-aqwa soluzzjonijiet għall-ambjent. Ċifri rajna, kif rajna wkoll immaġini sbieħ ta' ġonna l'hemm u l'hawn. U dan kollu huwa tajjeb u j'Alla jseħħ ma jdumx.  

Iżda issa rridu li naraw illi mill-paroli ngħaddu għall-fatti: Li l-art tkun protetta min aktar qerda, li jinstabu soluzzjonijiet biex il-bdiewa minflok jitkeċċew minn arthom ikunu jistgħu jikkultivawha, li kull deċiżjoni li titratta teħid ta' art tittieħed bl-akbar attenzjoni lejn il-wirt ambjentali tagħna. Li nagħtu tindifa tajba lill-pajjiż - litteralment - u li nerġgħu nrawmu l-kultura tar-rispett lejn Malta, lejn artna, lejn il-widien u l-imsaġar. Inutli noħolmu fi spazji li jsiru realtà tlieta, erba' jew ħames snin oħra, filwaqt li ninjoraw il-bżonnijiet tal-lum.  

Il-Papa semma' wkoll l-importanza tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ġlieda li jgħid illi għandna nkunu impenjati bil-qawwi li nwettquha. Malta ħierġa minn perjodu ta' żmien li kien ikkaraterizzat minn numru ta' ftehimiet li saru u li kienu jinvolu l-assi tal-poplu, mhux l-inqas dak li jitratta l-Power Station, dak li jitratta tliet sptarijiet pubbliċi u naturalment ukoll l-assassinju ta' ġurnalista bl-implikazzjonijiet u d-dellijiet kollha li dan ġab miegħu. Minkejja l-passi kollha 'l quddiem li saru u li kienu rikonoxxuti mill-Kummissjoni Venezja, il-Moneyval u anke l-FATF, pajjiżna jrid jaċċerta li s-sistema u li l-istituzzjonijiet ikunu suġġetti għall-aktar regoli stretti possibbli, biex l-indħil ikun l-inqas possibbli u allura jonqos iċ-ċans li jkun hemm abbuż. Huwa l-poter li jrid ikun ikkontrollat u mhux min jiġġieled jew jisfida dan il-poter! 

Il-Papa tkellem ukoll dwar l-importanza tal-paċi hekk kif bħalissa l-Ewropa maqbuda fi gwerra eżatt wara biebha. Hija l-paċi u huwa kontinent stabbli li jista' jwassal għall-prosperità u huwa xogħol Malta wkoll li tuża l-vuċi tagħha, anke jekk hija iżgħar u forsi fiha inqas toqol minn ta' pajjiżi bħall-Ġermanja u Franza, biex twassal għall-kisba tal-paċi.  

Iż-żjara tal-Papa maħbub, anke minn nies li forsi mhumiex daqstant reliġjużi għandha twassal għal eżami tal-kuxjenza. Fejn irridu nieħdu lil pajjiżna? X'nistennew mill-politiċi tagħna? Kemm nirrispettaw u nivvalutaw il-wirt naturali ta' Malta? Kemm għadna ngħożżu l-valuri tal-imħabba, ġustizzja, ugwaljanza u tolleranza? Kemm aħna verament poplu li għadu qrib l-għeruq tiegħu, immarkati mill-umiltà?  

Jew issa għada wara li eluf jinġabru fuq il-Fosos u eluf oħrajn jinġabru fuq is-sufan quddiem it-televiżjoni, jkun għadda kollox? Milli smajna ma hemm xejn? Wara li nkunu ammirajna lill-Papa mmorru lura għal mibgħeda u l-preġudizzju lejn kull min ma jikkonformax mal-idea tagħna ta' "normali" u "aċċettabbli"? 

Il-kliem bħaċ-ċirasa, jgħid il-Malti. Iżda bejn kliem u fatti hemm baħar jikkumbatti, jgħid il-Malti wkoll. Tgħallimna xi ħaġa minn dan il-kliem ta' Papa Franġisku?  

More in Politika