‘Akbar ma tkun il-fiduċja, akbar l-umiltà,’ jwiegħed Abela; ‘Dan ikun dittatorjat,’ iwieġeb Grech
Taxxi, allegazzjonijiet, is-saħħa, l-ambjent, Għawdex, il-governanza u t-trasport tal-massa ... Abela u Grech fl-aħħar dibattitu ras imb'ras qabel immorru nivvotaw
Issa fadal biss ftit sigħat biex tintemm il-kampanja elettorali u l-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech iltaqgħu għall-aħħar dibattitu bejniethom, organizzat mill-Awtorità tax-Xandir qabel il-Maltin u l-Għawdxin jivvotaw fl-Elezzjoni Ġenerali tas-Sibt li ġej.
Wieġbu mistoqsijiet fuq suġġetti varji iżda tul id-dibattitu kollu l-Prim Ministru enfasizza li l-Gvern immexxi minnu huwa kredibbli u jista’ joffri stabbilità jekk jerġa’ jingħata l-fiduċja, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jakkuża lill-Prim Ministru li kontinwament qed jipprova jbeżża’ waqt li insista li l-Partit Nazzjonalista huwa ppreparat u għandu l-aqwa viżjoni għall-pajjiż.
Ma naqsux batibekki bejn it-tnejn dwar kwistjonijiet li jvarjaw mill-ħlas tat-taxxa għall-villa tal-Prim Ministru fiż-Żejtun. Il-Prim Ministru saħansitra talab għal maġġoranza b’saħħitha, għax fi kliemu, akbar ma tkun il-maġġoranza, aktar se jmexxi b’umiltà, bi Grech jisħaq li jekk Robert Abela iżid il-maġġoranza se jkun ifisser “dittatorjat” għall-pajjiż.
L-ILLUM se tagħti rendikont tal-argumenti li għamlu ż-żewġ mexxejja politiċi dwar diversi suġġetti li jolqtu lilek.
Introduzzjoni: Bernard Grech jinsisti lil Robert Abela ma tistax tafdah u l-PM ffukat fuq dak li wettaq fl-aħħar snin
Fetaħ id-dibattitu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li insista li jrid jispjega l-viżjoni li l-Partit Nazzjonalista għandu għall-pajjiż. Madanakollu saħaq li jrid jiċħad allegazzjonijiet li għamel dwaru l-Prim Ministru u li skontu l-PBS ma tawh spazju biex jitkellem dwarhom.
Semma d-dħul ta’ €6,000 fis-sena li l-Prim Ministru jakkuża lil Grech li dddikjara għal diversi snin u insista li Abela ma jistax jifhem li hu ssagrifika x-xogħol biex irabbi lil uliedu.
“Dan ma jistax jifhmu għax hu moħħu biex jiekol minn erbat ilħuq,” saħaq Grech waqt li ċaħad ukoll allegazzjonijiet li hu bena d-dar tiegħu mingħajr permessi.
“Dak li huwa tiegħu jagħtih lil ħaddieħor,” insista Grech. “Fdah Joseph Muscat meta kien konsulent legali tiegħu u ara fejn waslu. Jaqgħu kont intenzjonati biex iddaħħlu fil-ħajt biex imbagħad teħodlu postu?,” staqsa Grech lill-Prim Ministru. “Lil Robert Abela ma tistax tafdah.
Mill-banda l-oħra, il-Prim Ministru insista li l-Kap tal-Oppożizzjoni, minflok jiffoka l-enerġija tiegħu fuq il-proposti, beda d-dibattitu biex jattakkah.
“Jiena jinteressani fin-nies,” saħaq Abela. “Kompetenza u kredibilità. Dak li offra Gvern immexxi minni fl-aħħar sentejn. Illum għandna sfidi ġodda u għalhekk għandna bżonn tim kalm u stabbli biex imexxi dan il-pajjiż. Jekk nhar is-Sibt ningħataw il-fiduċja, hekk se nkomplu nagħmlu.”
Insista li hu sar Prim Ministru f’ċirkostanzi diffiċli u ffaċċja l-isfida tal-pandemija u l-pajjiż mexa ‘l quddiem.
Saħaq li l-pajjiż ma jistax jafda lill-Partit Nazzjonalista. Insista li dan ma jistax joffri stabbilità għax huwa maqsum. Fi kliemu dan deher anke għax, skontu, il-PN ħareġ aktar minn verżjoni waħda tal-manifest elettorali.
“Magħna tafu fejn qiegħed. Vot lill-PL ifisser vot għal pajjiż aktar b’saħħtu. 1,000 proposta li nistgħu naqilbuhom f’1,000 kisba,” saħaq Abela.
Batibekki dwar il-Villa fiż-Żejtun u l-ħlas tat-taxxa
Hawn Grech reġa’ wieġbu u saħaq li l-Prim Ministru ma qal xejn dwar “il-150 skandlu” li seħħew fl-aħħar snin u lanqas fuq it-€28,000 fix-xahar li daħħal meta kien l-Avukat tal-Awtorità tal-Ippjanar.
“Qalilna li moħħna fih, imma fil-verità hu moħħu fih innifsu,” insista Grech waqt li akkużah li abbuża meta xtara villa f’ODZ fiż-Żejtun, jiem biss wara li l-illegalitajiet fiha ġew sanzjonati.
Grech ċaħad dawn l-allegazzjonijiet. Insista li kien il-Kap tal-Oppożizzjoni li ftaħar li bena d-dar tiegħu b’idejh u fl-2019, ftit qabel sar Kap, issanzjona “l-illegalitajiet li bena hu stess.” Grech ċaħad dan.
Dwar it-€28,000 fix-xahar, Abela saħaq li kull ċenteżmu li qalgħet id-ditta legali li kien immexxi, tħallset it-taxxa dwaru.
“Ara Bernard Grech! Anke meta kellu erba’ studenti jżommhom id-dar, ma ħallasx it-taxxa,” insista.
Saħħa: Abela jiftaħar bil-pandemija u Grech jgħid li l-PL ta biss €70 miljun lil Steward
Robert Abela: Il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern huwa kredibbli li jitkellem fuq dan is-settur minħabba l-mod kif mexxa fi żmien il-pandemija. Insista li kemm il-WHO u anke l-Unjoni Ewropea taw ċertifikat lil Malta għal mod kif amministrat il-vaċċin.
Mill-banda l-oħra, kompla Abela, Bernard Grech “ma kienx konsistenti.” Fi kliemu, il-Gvern wettaq investiment bla preċedent f’dan is-settur. Semma t-twessigħ tal-formolarju tal-Gvern għal aktar mediċini b’xejn, kliniċi ġodda, il-kura preventiva, it-tnaqqis tal-età għall-iscreening tal-kanċer tas-sider u oħrajn.
Magħna taf fejn qiegħed. Vot lill-PL ifisser vot għal pajjiż aktar b’saħħtu. 1,000 proposta li nistgħu naqilbuhom f’1,000 kisba Robert Abela
Wiegħed aktar investimenti fosthom fil-qasam tas-saħħa mentali. Fakkar fil-wiegħda tal-bini ta’ sptar ġdid minflok Mount Carmeli. Wiegħed ukoll bini ta’ outpatient ġdid u anke riforma fil-liġi tal-IVF
“Aħna tried and tested fl-aktar mument diffiċli,” insista Abela
Bernard Grech: Min-naħa tiegħu, il-Kap Nazzjonalista insista li l-PN kien dak li ħoloq “l-uniku sptar state-of-the-art” f’Malta.
“Robert Abela jgħidlek x’se jagħmel fil-futur u ma jistax jgħidlek dak li għamel,” saħaq Grech. “Isemmi l-vaċċin, imma ma jgħidx li ma kienx ikun possibbli kieku ma konnix sħab fl-Unjoni Ewropea.”
Saħaq li l-Partit Nazzjonalista kixef gidba oħra tal-Partit Laburista għax, fi kliemu, mhuwiex minnu li l-mediċina kollha tal-IVF qed tingħata b’xejn.
Wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jieħu f’idejn il-Gvern, fl-ewwel jiem, l-isptarijiet li jinsabu f’idejn Steward Health Care.
“€70 miljun fis-sena nistgħu nonfquhom fikom u għal saħħa aħjar. Innaqqsu l-waiting list u jkollna aktar servizz fosthom tabib b’xejn lill-anzjani. Insista li t-track-record ta’ Robert Abela huwa li jwiegħed u ma jwettaqx.
“Suppost kellhom jiftħu clinic f’Raħal Ġdid u minflok fetħu kamra biex għat-taparsi lesta. Iwiegħduk ħafna u ma jagħtuk xejn. Il-konstitenza u l-kredibbilità nagħtuhielkom aħna,” insista Grech.
Kif se twieżnu lill-familji? Abela jiftaħar bl-akbar investiment fin-nies u Grech jakkużah li qed jisraq lill-familji
Robert Abela: Il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern wettaq l-akbar investiment soċjali. Insista li l-Partit Laburista ta seba’ żidiet fil-pensjonijiet u hekk se jibqa’ jagħmel biex tiżdied b’madwar €15 fil-ġimgħa, apparti ż-żieda tal-COLA u tal-mekkaniżmu addizzjonali li qed ikun diskuss.
“Mal-Oppożizzjoni ma tafux hux se jiżdiedu l-pensjonijiet. Għidilhom kemm se tagħtuhom żieda,” stieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Grech saħaq li koppja bil-pensjoni minima, fuq perjodu ta’ għaxar snin, se tkun ħadet €10,000.
Wiegħed ukoll it-twessigħ tal-inwork benefit u akkuża lill-Oppożizzjoni li se tkun qed tieħu ċ-ċekk tar-rifużjoni.
Bernard Grech: Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li l-Prim Ministru ma jistax jifhem lill-familji li ma jlaħħqux sal-aħħar tax-xahar u “mhuwiex kredibbli meta jitkellem fuq il-politika soċjali.”
Insista li l-PN dejjem żied il-pensjonijiet u se jibqa’ jżiedhom. Wiegħed ukoll żieda fil-paga minima.
“Robert Abela ma jistax jgħidilkom li se jagħtikom lura l-flus li seraqkom fl-aħħar 10 snin fil-kontijiet. Anke hawn inqabbdu f’gidba. Ma tistax tifhem u temmen il-gideb li jkun qiegħed jgħidlek,” saħaq Grech.
Dwar ir-rifużjoni tat-taxxa, Grech saħaq li l-Gvern ilu mill-2015 jisraq lill-ħaddiema fuq it-taxxa u wiegħed li Gvern Nazzjonalista se jagħtihom lura.
“Se nagħtuk lura l-flus li ilu jisraqlek mit-taxxa. Jiena nagħtik rifużjoni u ċekkijiet fejn meħtieġ u mhux se nisirqek,” insista.
Qal ukoll li minflok jaħli l-flus, Gvern ġdid Nazzjonalista jindirizza l-għoli tal-ħajja.
“Din l-isfida ilha magħna ħafna xhur u Robert Abela ma għamel xejn. Aħna mill-ewwel għidna fond ta’ €40 miljun biex nindirizzaw il-problemi tal-importazzjoni u l-esportazzjoni biex int jifdallek aktar flus,” insista Grech.
Kif se ssaħħu l-ġid ekonomiku? Grech jisħaq li Abela ħarbat surplus u l-PM ifakkru li l-PL wiegħed pajjiż b’defiċit eċċessiv
Bernard Grech: Il-Kap Nazzjonalista insista li l-pajjiż għandu bżonn Gvern sod u serju u “żgur ma għandux bżonn ministru tal-finanzi li jgħajjar lin-nies fin-negozju bħala komunisti,” insista Grech.
Saħaq li hu pro business imma mhux “se ssibni nifthiem mal-kriminali u mhux se nuża l-villa biex nikriha lir-Russi,” kompla.
Fakkar fil-wiegħda tal-PN li joħloq għaxar setturi ekonomiċi ġodda li jipprovdu xogħlijiet li jrendu. Akkuża lill-Partit Laburista li fl-aħħar għaxar snin ma ħoloq xejn u ddependa biss mill-iżvilupp.
“L-iżvilup huwa importanti imma magħna mhux se jkun l-uniku settur ekonomiku,” saħaq Grech.
Kien hawn li akkuża lil Robert Abela li ħarbat is-surplus li sab u mhux jagħti garanzija li mhux se jkun qiegħed iżid it-taxxi.
“Aħna ktibna iswed fuq l-abjad li mhux se nżidu t-taxxi ... għandna d-dokument tal-costings. Se ninvestu €6 biljun u dan se jrendi €42 biljun lill-pajjiż u 23,000 impjieg f’ħames snin,”
Robert Abela: Il-Prim Ministru beda jwieġeb lil Grech billi saħaq li l-Gvern wiret pajjiż fl-Excessive Deficit Procedure.
“Mhux talli mhux se nżidu t-taxxi talli se nnaqqsu l-piż tat-taxxi u aħna bla termini u kundizzjonijiet. Bil-proposti tagħna jgawdi l-pajjiż kollu,” insista Abela. Hawn semma l-kriterji ESG (Environment, Social Responsibility and Governance) li l-PN se jkun qiegħed jippremja lil dawk il-kumpaniji li jimxu magħhom.
Insista li f'Malta hawn erba’ kumpaniji biss, fosthom żewġ banek li skont il-kriterji tal-Kummissjoni Ewropea, jidħlu taħt dawn il-prinċipji. Għalhekk, skont Abela, il-PN se jkun qed iżid il-pis fuq in-negozji u kumpaniji żgħar, xi ħaġa li l-PN ċaħad aktar minn darba.
Insista li l-Gvern wera, fi żmien il-pandemija, kemm kapaċi jmexxi. “Warrabna l-awsterità u investejna fin-nies. Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li Malta se tkun l-aktar pajjiż li se tara tkabbir ekonomiku,” insista l-Mexxej Laburista.
Fakkar li t-tbassir kien li 50,000 persuna se jitilfu l-impjieg tagħhom.
“Illum għandna l-inqas rata ta’ qagħad,” insista.
Wiegħed li jżomm il-prezz tal-enerġija stabbli u saħaq li s-setturi ekonomiċi li dwarhom qed jitkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni, diġà jeżistu.
Bernard Grech: Hawn reġa’ wieġbu Grech u saħaq li l-Prim Ministru ma qalx liema settur ekonomiku se joħloq.
“Il-fatt li għandek nies jaħdmu, ma jfissirx li hawn settur. Trid tagħmel liġijiet u toffri opportunitajiet.
“Kif ma jistħix isemmi l-politika tal-awsterità. Dak iż-żmien ma ddejjaqx jieħu €7,000 fix-xahar minn fuq dahar il-poplu. Kien qiegħed diġà jagħmel id-deals. Ġaladarba jgħidlek li fi żmienu kollux perfett, mela allura għaliex jibża’ jmur għall-intervisti?”, staqsa Grech.
Politika barranija: Grech jisħaq li jrid ikollok il-kredibbilità u Abela jiftaħar b’dak li l-pajjiż għamel mal-Ukrajna
Bernard Grech: “Il-Prim Ministru kien qalilna li mewġ fil-baħar qiegħed. Hekk qal dwar l-Ukrajna wkoll. Qal li mhux se taffettwana. Lanqas jirrealizza li jiġri x’jiġri jista’ jaffettwa lil pajjiżna,” saħaq Grech.
Insista li l-prijorità għandha tkun biex il-pajjiż joħroġ mil-lista l-griża.
“Min daħħalna fil-greylisting, ma jistax joħroġna minnha,” insista Grech. “Fl-ewwel ġranet naraw li nżidu l-kredibbilità. Hemm bżonn li dan il-pajjiż jerġa’ jieħu l-kredibbilità għax hekk iżid il-kreddibilità se jiġi investiment ġdid."
Robert Abela: Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru ftaħar b’dak li għamel il-Gvern. Insista li hu kien fuq il-mejda mal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea biex jaraw x’għajnuna setgħet tingħata lill-Ukrajna u hekk se jerġa’ jagħmel fl-aħħar ta’ din il-ġimgħa.
Insista wkoll li l-Gvern qed jipproteġi lill-poplu minn kwalunkwe żieda fil-prezzijiet. Semma ftehim mal-importaturi tal-qamħ biex tkun assigurata l-garanzija tal-provvista u l-istabbilità fil-prezz.”
Insista li anke fil-kwistjoni tal-Libja, il-Gvern mar darbtejn il-Libja u saħħaħ ir-relazzjoni tiegħu mal-Prim Ministru tal-pajjiż. Saħaq li fejn tidħol l-immigrazzjoni, bis-saħħa ta’ din ir-relazzjoni, il-pajjiż ra tnaqqis fil-wasliet ta’ immigranti, filwaqt li kompla bil-politika tiegħu tar-rilokazzjoni.
Governanza: Abela jiftaħar b’dak li wettaq u Grech jgħidlu li rema lil Joseph Muscat
Robert Abela: Il-Prim Ministru insista li l-kredibbilità fuq il-governanza ġġibba bil-ħidma. Fakkar f’riformi li daħlu fis-seħħ kemm ilu Prim Ministru hu, fosthom ir-riformi fil-ħatriet tal-Kummissarju tal-Pulizija, tal-ġudikatura, tal-Prim Imħallef u tal-President tar-Repubblika.
Akkuża lill-Partit Nazzjonalista b’governanza ħażina. Saħaq li Bernard Grech poġġa bħala l-id il-leminija tiegħu u anke r-rappreżentant tiegħu fuq il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar lill-istess persuna li fl-2006 daħlet art “daqs is-Siġġiewi” minn ODZ għal żona għall-iżvilupp.
“Fhimna fejn seta’ jsir aħjar. Writna 58 rakkomandazzjoni mill-MONEYVAL u indirizzajnihom,” saħaq Abela u hawn akkuża lil Bernard Grech li tkellem b’mod irresponsabbli mal-FATF u li b’ittra bagħat messaġġ biex Malta tiddaħħal fil-lista l-griża.
Bernard Grech: Il-Kap Nazzjonalista saħaq li bil-kummenti tiegħu dwar ir-rapport tal-MONEYVAL, il-Prim Ministru rema lil Joseph Muscat.
“Abela daħħal lil Malta fil-greylist u reġa’ ma qalx kif se noħorġu minnha,” saħaq Grech. “Ma qalilkomx li aħna ppreżentajna 12-il abbozz ta’ liġi u hu vvota kontrihom.”
Aħna ktibna iswed fuq l-abjad li mhux se nżidu t-taxxi ... għandna d-dokument tal-costings. Se ninvestu €6 biljun u dan se jrendi €42 biljun lill-pajjiż u 23,000 impjieg f’ħames snin Bernard Grech
Fakkar fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
“Il-konklużjonijiet jgħidu li l-Gvern tiegħek kien kompliċi għal dak li ġara lil Daphne. Ir-rakkomandazzjnoijiet mhux implimentati. Robert Abela jgħidlek li se jagħmel imma jibqa’ kollu paroli,” saħaq Grech.
Fi kliemu, il-kredibbilità tal-PN kienet ipprovata meta Roberta Metsola saret President tal-Parlament Ewropew.
“Jiena ma niltaqax ma’ żviluppatur li jagħtini donazzjoni ta’ €200,000 biex nagħtih permess,” insista Grech. Hawn wieġeb Abela u ċaħad b’mod kategoriku din l-allegazzjoni.
Żvilupp u ambjent: ‘Minn fabbrika għamilna park nazzjonali,’ jgħid Abela imma Grech jakkuża lill-Gvern li fega pajjiż
Robert Abela: Il-Prim Ministru ma tantx tkellem fit-tul għax ħa ħafna mill-ħin biex iwieġeb għall-allegazzjonijiet tal-Kap Nazzjonalista. Madanakollu fakkar fil-wiegħda ta’ €700 miljun għal spazji aktar miftuħa f’San Ġwann, ir-Rabat, Bormla u fi Triq Sant’Anna, il-Furjana, fost oħrajn.
Fakkar li minn fabbrika mitluqa, il-Gvern ħoloq part nazzjonali u qed jaħdem biex jiġġieled it-tibdil fil-klima. Fi kliemu, minn din l-isfida jrid joħroġ opportunità.
Bernard Grech: “Fl-2013 qalulna li l-ambjent se jkun prijorità. Issa reġgħu qed jgħidu l-istess meta fgaw pajjiż,” beda jwieġeb il-Kap Nazzjonalista.
Insista li l-Gvern ta lura l-art taż-Żonqor u anke mar lura mill-proposta għal yacht marina f’Wied il-Għajn wara protesti u pressjoni, imma saħaq li ma hemm l-ebda garanzija li dawn mhux se jsiru bnadi oħra.
“Kemm hu importanti li jkollok il-kredibbilità dwar l-ambjent. Ma tagħkomx garanzija li mhux se jieħu ODZ,” insista Grech. “Aħna għidna li art ODZ tgħaddi għall-iżvilupp biż-żewġ terzi tal-Parlament. Irid aktar poter biex jagħmel aktar li jrid. Mhux imbilli jgħidlek li se jonfoq €700 miljun,” kompla Grech.
Insista li Gvern Nazzjonalista jtejjeb mhux biss l-ambjent rurali, imma anke dak urban.
Semma l-pjan għat-trasport tal-massa u insista li l-Partit Laburista għadu mhux deċiż u se jistudja.
Saħaq li fuq it-trackless tram, il-PN huwa deċiż u se joffri servizz “puntwali, irħis u nadif.” Qal li din mhux se teħel fit-traffiku u għall-ewwel darba qal ukoll li se jkun qed iwessa’ t-toroq (fejn hemm bżonn) biex din taħdem aħjar.
Robert Abela: Il-Prim Ministru reġa’ wieġeb u qal li fil-costings, il-PN spjega kif se jalloka €1.8 biljun f’investiment kapitali, meta t-tramm se tqum €2.3 biljun. Staqsa kif dan huwa possibbli u jekk ifissirx li l-PN mhu se jagħmel l-ebda proġett kapitali ieħor.
Għawdex: Ħafna wiegħdi minn Grech u Abela jgħid li ħafna proposti diġà saru
Bernard Grech: Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wiegħed li Għawdex ikun prijorità u se jassigura li ma jkomplix jinqered.
“Il-Ħondoq nixtruh u nagħmluh ODZ. Ħaddieħor irid jiżviluppah,” saħaq Grech. “Aħna mhux se nkunu kompliċi fil-qerda tal-ambjent ta’ Għawdex.”
Wiegħed li fl-ewwel jiem ta’ Gvern Nazzjonalista, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jittieħed mill-ġdid minn idejn Steward u jinbena sptar ġdid ta’ 400 sodda.
Fakkar li anke l-PL qed iwiegħed sptar ġdid għal Għawdex, imma insista li ilu għaxar snin fil-Gvern u seta’ jagħmlu qabel.
Kompla jwiegħed il-bini ta’ MCAST ġdid, aktar għajnuna għall-istudenti Għawdxin u t-tkabbir tal-port tal-Imġarr, fost oħrajn.
Robert Abela: Il-Prim Ministru qal li fi żmien Gvern Nazzjonalista, Għawdex intelaq, imma fi żmien Gvern Laburista kiber ekonomikament aktar minn Malta. Fakkar li l-PL għandu aktar minn 53 proposta għal Għawdex.
Fakkar fl-investiment tal-fast ferry u qal li jekk wieħed iħares lejn il-manifest tal-PN, hemm “dubji serji” jekk dan jinżammx.
Insista li ħafna minn dak li wiegħed Grech, fosthom il-bini ta’ uffiċċju tal-Malta Enterprise u GU Clinic, diġà seħħ.
Qal li l-Gvern għandu l-mira li Għawdex isir climate neutral qabel Malta u jkun qed jiġġenera l-provista tal-elettriku kollha minn sorsi rinovabbli.
Konklużjoni - Bernard Grech: ‘Għażel il-libertà biex tneħħi l-oppressjoni’
Fil-konklużjoni tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru ma weġibx għad-domandi u kompla jaħrab.
“L-għażla bejn xi ħadd li jibża’ mill-verità u xi ħadd li jwieġeb kull domanda. Xi ħadd li jbeżża’ u xi ħadd li għandu l-viżjoni. Jiena konvint u nixtieqlek futur aħjar,” insista Grech.
Saħaq li mhuwiex biżżejejd li l-pajjiż jimxi ‘l quddiem imma anke l-fibra soċjali trid titjib. Wiegħed Gvern li jkun iffukat fuq il-ħidma tal-pajjiż u mhux fuq kif se jaħrab mistoqsijiet fuq “l-iskandli.”
“L-ambjent għalina prijorità. Iridek tgħix ħieni u b’saħħtek. Għandek dritt isserraħ rasek. Għandek dritt tgħix fid-dar tiegħek u moħħok mistrieħ. Int għandek id-dritt li tgħix seren. Fuq kollox ikollok id-dritt li titkellem, li ssemma l-opinjoni tiegħek.
Hawn Grech saħansitra semma r-restrizzjonijiet tal-Covid-19 u insista li Gvern Nazzjonalista jassigura li dawn ikunu raġonevoli u mhux diskriminatorji.
Jekk trid li Robert Abela ikollu aktar poter, jekk trid dittatorjat ivvota lilu. Imma inti trid libertà,” saħaq Grech.
Konklużjoni - Robert Abela: ‘Magħna tafu fejn qegħdin ... il-futur f’idejk’
Il-Prim Ministru saħaq li l-għażla tas-Sibt li ġej se tkun bejn il-passat u l-futur u għal darb’oħra ħeġġeġ lin-nies biex iħarsu lejn “it-track-record” li għandu l-Gvern.
“Akbar ma' tkun kbira l-fiduċja akbar tikber l-umiltà,” insista Abela. “Aħna moviment li ma nieqfu qatt niġġeddu, lanqas fil-Gvern. Għal mod kif tevolvi s-soċjetà, aħna nwieġbu b’riformi.”
Fi kliemu, il-ħames snin li ġejjin se jkunu fażi ġdida, fejn se jkun offrut ambjent aħjar, żieda costed fil-pensjonijiet, tnaqqis fit-taxxa u garanzija għat-tfal
“Biex dan kollu jsir, biex l-1,000 proposta issir 1,000 kisba hemm bżonn tivvotta. Hemm min huwa ndeċiż. Nemmen li għandek tkun inti li tiddeċiedi dwarek, il-futur tat-tfal tieħek u l-futur ta’ pajiżek. Magħna tafu fejn qegħdin. Il-futur f’idejk,” temm jisħaq Abela.