Miriam Dalli | Lejn kwalità ta’ ħajja aħjar

Se nkunu aktar ambizzjużi fil-ġlieda kontra l-faqar milli qatt konna qabel u ser nużaw is-suċċess ekonomiku propju biex bħal ma għamilna fl-aħħar snin inkomplu nwieżnu lil minn l-aktar għandu bżonn

Fl-eqqel ta’ kampanja elettorali mhux dejjem ikollok iċ-ċans tieqaf u taħseb. 

Din il-ġimgħa b’mod partikolari, kellna ġranet twal ħafna. Kollha kemm huma mimlijin daqs bajda b’deċiżjonijiet importanti li kellna nieħdu minħabba l-impatt tal-kriżi fl-Ukrajna fuq is-suq tal-enerġija. Dan waqt li inawgurajt numru ta’ investimenti ġodda li konna ilna naħdmu fuqhom fl-aħħar xhur u dibattitu politiku kważi ta’ kulljum.

Lil hinn minn dan kollu però, huwa propju waqt dawk il-mumenti li fihom niltaqa’ man-nies li l-aktar napprezza ir-raġuni għalfejn qed nagħmel dan kollu. 

Huma f’dawk il-mumenti li tapprezza kemm verament il-politika hija tassew għodda importanti li tista’ issaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tan-nies. 

1000 Proposta għal kwalità ta’ ħajja aħjar

Kburija ħafna li flimkien ma’ Daniel Micallef u Ramona Attard, ftit inqas minn sentejn ilu bdejna ħidma li ma qatgħet xejn sabiex inġeddu lill-Partit Laburista. Il-proċess tal-100 idea illum wassal għal manifest elettorali magħmul minn elf proposta kollha iffukati fuq kif se tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

Huwa dan l-istess messaġġ li tul l-aħħar sentejn, il-Prim Ministru Robert Abela mhux biss dejjem saħaq fuqu imma fuq kollox ħa d-deċiżjonijiet importanti sabiex minkejja l-pandemija nipproteġu lin-nies u nsaħħu l-livell tal-għixien tagħhom.

Il-prijorità ambjentali

Mhux b’kumbinazzjoni li l-ewwel proposta li ħabbarna f’din il-kampanja kienet propju dik li se tibdel il-mod kif jidher pajjiżna. €700 miljun li se jkunu investiti fl-ambjent ta’ madwarna. 

Fis-snin li ġejjin il-prijorità se tkun li noħolqu spazji ħodor ġodda fil-bliet u l-irħula tagħna, partikolarment fiċ-ċentru u n-naħa t’isfel tal-pajjiż li huwa nieqes ħafna minn dan kollu.

Irridu naraw it-tfal, l-anzjani u l-familji tagħna jirrikrejaw irwieħhom f’parks u f’ġonna ġodda propju fil-postijiet fejn jgħixu. Għalhekk se nkunu qed ninvestu f’parks ġodda madwar il-pajjiż kollu, mil-Kottonera għal Imqabba, mil-Inwadar sa Għawdex. 

Soċjetà li taħseb f’kullħadd 

Dejjem emmint li aktar milli tkabbir ekonomiku waħdu, irridu nħarsu lejn pajjiż li joħloq il-ġid u prosperità aktar wiesa. Is-suċċess tal-mudell ekonomiku tagħna se nkunu qed inkejluh skond kemm jimxu ‘il quddiem dawk li huma l-aktar soċjalment vulnerabbli.

Se nkunu aktar ambizzjużi fil-ġlieda kontra l-faqar milli qatt konna qabel u ser nużaw is-suċċess ekonomiku propju biex bħal ma għamilna fl-aħħar snin inkomplu nwieżnu lil minn l-aktar għandu bżonn; firxa fis-soċjetà tagħna li tkopri lil-pensjonanti għal dawk bi dħul baxx.

Enerġija aktar nadifa u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

Ma nistgħux nitkellmu fuq kwalità tal-ħajja aħjar jekk ma niżgurawx viżjoni f’saħħitha u fit-tul għas-settur tal-enerġija.

B’responsabiltà ngħid li dan il-manifest elettorali huwa l-aktar wieħed ambizzjuż li qatt ra pajjiżna f’dan il-qasam. Se nkunu qegħdin ninvestu f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli billi nagħmlu użu importanti mil-ibħra territorjali tagħna. 

Fi tlett snin li ġejjin se nkunu lestejna it-tieni interconnector li permezz tiegħu ser inkunu nistgħu nsostnu l-ekonomija li ser tkompli tespandi fis-snin li ġejjin. Imma anke dan huwa kruċjali għat-tisħiħ fil-kwalità tal-ħajja tan-nies hekk kif dan l-investiment se jwassal għal tnaqqis ta’ kważi 60% fl-emissjonijiet tal-karbonju. 

Bħal ma għamilna mil-qalba miż-żejt għal gas, se nkunu qegħdin inħarsu ‘l quddiem b’ambizzjoni għal użu tal-idroġenu bħala sors ieħor ta’ enerġija innovattiv. Proposti f’dan il-qasam li verament jwasslu għall-arja aktar nadifa għal kull minn jgħix fuq dawn il-gżejjer.

Id-deċiżjoni se toħoda int

Nhar is-Sibt li ġej, se nkunu qegħdin nintalbu biex nagħmlu deċiżjoni. Jekk dan kollu li nixtiequ nagħmlu għal pajjiżna nkunux nistgħu inwettquh jew le jiddependi mid-deċiżjoni tiegħek u tiegħi nhar is-26 ta’ Marzu.

Jekk inkomplu mixjin ‘il quddiem jew immorux lura għal politika tal-passat tista’ tiddeċiedih int, inkella tista’ tħalli id-deċiżjoni fuq il-kwalità tal-ħajja tiegħek f’idejn ħaddieħor. 

More in Politika