Editorjal | Wara li l-imkatar jintwew fil-kexxun u l-ħoss tal-ħornijiet imut...

Mela le ċċelebraw! Pero' l-vot ma jintefax biex niċċelebraw imma biex nagħżlu minn verament bejn Robert Abela u Bernard Grech (għax huma biss jistgħu jkunu Prim Ministru wara l-elezzjoni) kapaċi l-aħjar li jmexxi lil pajjiżna fl-aktar mumenti ta' prova.

Fit-28 ta' Marzu l-ħornijiet jibdew jintrmew u l-imkatar ta' min ikun rebaħ l-elezzjoni jerġgħu jintwew u jitpoġġew f'xi kexxun. Iċ-ċelebrazzjoni u s-sokor jkun batta u eluf ta' nies iqumu bl-effetti ta' ġurnata qbiż, kant u sokor. Imma wara li l-poplu jkun ivvota, l-analiżi tkun saret u tkun għadha qed issir dik tax-xenarju politiku post-elettorali u wara li fiċ-ċentru tal-Għadd tal-Voti jaqa' l-kwiet, tidħol ir-realtà. 

Ir-realtà hija gwerra qalila u perikoluża minn dittatur perikoluż - li sal-bieraħ stess baqgħet għaddejja bil-bumbardamenti. U anke jekk eks Deputat Segretarju Ġenerali tan-NATO indikat li l-forzi Russi qed jiddgħajfu xi ftit, b'alleanzi ugwalment perikolużi bħal dik mas-Sirja u l-Belarussja, ħadd ma jaf eżattament sa fejn se tasal din il-gwerra. 

Dan qed joħloq instabbilità kbira fir-reġjun u anke fl-Ewropa li ħaditha bil-kbir kontra Putin. Tfisser illi l-volatilità tal-prezzijiet se tkompli tiggarava u li dan ifisser illi se jkomplu jogħlew il-prezzijiet taż-żejt, gass, qamħ u ċereali u allura jfisser għoli fi prodotti bħal ħobż, ħalib, bajd, laħam u ta' elenku twil ta' prodotti oħrajn. 

F'April il-ftehim tal-Hedging mas-Socar - kumpanija statali mill-Ażerbajġan, inċidentalment ukoll alleat ta' Putin, jieqaf u anke jekk il-Partit Laburista qed iwiegħed illi fil-Gvern se jkompli jġorr dan l-għoli, fil-verità il-Gvern mhu ħadd ħlief aħna l-poplu. Mela indirettament jew xi darba direttament dan il-piż xorta aħna rridu nġorruh.

Wara li nofs il-pajjiż ikun iċċelebra nindunaw li r-realtà tal-Covid għadha hemm: Forsi qegħda kwieta, 'il bogħod mill-għajn pubblika - imma hemm għadha. U minkejja kollox xejn ma jista' jittieħed for granted. 

Hemm il-flus ukoll! Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qal li din l-elezzjoni se tiswa' bejn wieħed u ieħor €200 miljun din is-sena li jmorru lilhinn mill-infieq ippjanat fil-baġit. Mhux ċajta! Wara dak l-infieq kollu tal-Gvern biex ikunu salvagwardjati in-negozji u l-impjiegi. 

Jiġri x'jiġri u jitla' min jitla' f'Ġunju se nerġgħu npoġġu għat-Test tal-FATF. Anke jekk jidher li l-Gvern preżenti ħa din it-tbeżbiża b'serjetà liema bħalha u anke jekk jidher li wettaq ħafna minn dawk ir-riformi li kien għad fadallu jwettaq, ix-xilep għadu mhux ġewwa u l-Gvern - ikun min ikun - irid jaħdem sal-aħħar ftit biex Malta jkollha r-reputazzjoni tagħha rrestawrata. Imma mhux hekk biss! Il-Gvern irid jara li l-bidliet li wettaq jkunu dejjiema. Mhux ngħaddu mit-test u nerġgħu nillaxkaw, għax test ieħor jasal. 

Lilhinn mill-ekonomija iżda hemm affarijiet oħrajn. Ir-rota tal-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia trid tibqa' iddur u Gvern ġdid irid jibqa' jara li l-ferita kerha tingħalaq darba għal dejjem. Ma jkunx qed jagħmel ħażin Robert Abela - jekk jerġa' jkun elett Prim Ministru - li jkompli fuq l-ewwel pass pożittiv li ħa meta ltaqa' mal-familja Caruana Galizia u issa jmur propju fil-Bidnija fil-post fejn din tilfet ħajjitha. Kull pass lejn ir-rikonċiljazzjoni, huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. 

Gvern ġdid irid ikompli jara kif ikattar u jseddaq l-għaqda, kif se jindirizza l-faqar li għadu magħna u li bl-isfidi li diġà semmejna jaf jiggrava. Gvern ġdid irid ikompli jkun ta' wens, kif jista' u ma min ħaqqu: Mal-bdiewa li jaħdmu art bi qbiela, ma' bdiewa li jinsabu inċerti jekk l-art tagħhom hux se tagħmel spazju għal aktar tarmak u konkos, ma' minoranzi etniċi f'pajjiżna li għadhom wisq drabi jiġu trattati ta' ċittadini tat-tielet klassi u mal-ħaddiem, speċjalment dak abbużat li ma għandu ebda drittijiet. 

Gvern ġdid irid jara kif se jreġġa' lura l-ħsara ambjentali u joħloq aktar spazji ħodor permezz ta' ġonna, żoni pedonali - imma wkoll il-protezzjoni tal-wrt naturali: tal-widien, tal-għasafar, tas-siġar, tax-xagħri. 

Mela le ċċelebraw! Pero' l-vot ma jintefax biex niċċelebraw imma biex nagħżlu minn verament bejn Robert Abela u Bernard Grech (għax huma biss jistgħu jkunu Prim Ministru wara l-elezzjoni) kapaċi l-aħjar li jmexxi lil pajjiżna fl-aktar mumenti ta' prova. Min huwa kapaċi jara li l-pajjiż joħroġ minn din il-kriżi ġdida bl-inqas grif possibbli u b'poplu li jkun qala' l-inqas daqqiet. L-iktar persuna minn dawn it-tnejn li kapaċi żżomm l-ekonomija fil-wiċċ f'mumenti diffiċli li se nerġgħu niffaċċjaw. Iż-żmien li ġej jaf ikun fih ħafna maltemp. L-għażla tiegħek għandha tkun għal min inti tħoss li huwa l-aqwa baħri! 

U anke jekk aptit ma tantx hawn għal din il-kampanja, wara s-26 ta' Marsu r-realtajiet ta' madwarna xorta se jaalu sa' xtutna, nivvotaw jew le!

Dik hija l-għażla tas-26 ta' Marzu. Dik hija d-differenza li se tagħmel meta inti tikteb in-numru '1' f'dik il-kaxxa! 

More in Politika