Saviour Balzan | Il-battalja għall-attenzjoni pubblika

'Il-fatt li Muscat għadu jħuf fil-periferija politika hija ħażina' 

Sa fejn naf jien qatt ma kien hemm kampanja elettorali li seħħet fid-dell ta’ gwerra.  

Din il-ġimgħa meta ltqajt ma’ ħbieb ħadd minnhom ma tkellem fuq l-elezzjoni u minflok tkellmu fuq l-Ukrajna.   

Din it-tip ta’ realtà ma tantx tista tkun tajba għall-partiti politiċi.  Diġà kien hemm is-sensazzjoni li ħadd ma jrid ikun jaf bil-politiċi.   

Waqt li qed isir is-sondaġġ mit-tim POLAR li jagħmel is-sondaġġi għall-gazzetta MaltaToday u n-nies jiġu mitluba biex jindikaw x’inhuma l-affarijiet li huma ta’ tħassib għalihom, fost l-affarijiet li ssemmew kien hemm – ‘il-politiċi.’ Dan it-tħassib ġdid juri bl-iktar mod ċar li l-klassi politika għandha problema.   

Problema li ma bdietx issa, imma li ċertament l-avvenimenti tal-aħħar tlett snin u forsi qabel ukoll komplew iħawwdu din il-borma partikolari. 

Illum meta tħares sew lejn is-sondaġġi tara li ftit li xejn hemm avvanz ta’ voti ġodda lill-Partit Nazzjonalista.  Iżda hija inkwetanti għall-Partit Laburista, li hemm ħafna Laburisti li qed jgħidu li ma jridux jivvutaw.  U dan in-numru m’huwiex żgħir.  U ċertament jista' jnaqqar sew il-maġġoranza kbira li għandu l-Partit Laburista. 

Hemm tliet aspetti li jridu jiġu diskussi meta inti tkun tħares lejn din is-sitwazzjoni. 

  •  Għaliex il-PN mhux qed jirbaħ biżżejjed votanti ġodda? 

  •  Għalfejn hemm Laburisti li ma jridux jivvutaw? 

  •  Kif il-partiti ser jegħlbu dawn l-isfidi? 

Ovjament nistgħu nispekulaw. Nistgħu noħorġu bi spjegazzjonijiet kumplessi.  Imma jibqa' l-fatt li hemm skuntentizza fost eluf ta’ votanti għall-klassi politika. 

Il-PN jrid ikun iktar konxju li l-passat huwa memorja xejn sabiħa għal bosta nies.   

Min ivvota għall-Labour għall-ewwel darba fl-2013 ċertament għamel hekk għax ried nifs ġdid. 

L-avvenimenti tal-aħħar snin, illi fihom Joseph Muscat fotta kollox, iddiżappuntaw lil biżibilju nies li kien emmnu fih.  Il-fatt li Muscat għadu jħuf fil-periferija politika hija ħażina. 

Il-Labour, biex jikkonvinċi lil dawk li vvutaw Labour u li issa ma jridux jivvutaw, irid juri umiltà liema bħalha u kovinżjoni b’argumenti sodi biex jirbħu lura dak li tilfu.  

U dan kollu sar aktar diffiċli bl-aħbarijiet xokkanti mill-Ukrajna! 

More in Politika