Editorjal | L-agħar ħaġa li ġrat fl-aħħar ħames snin! Imma tgħallimna xi ħaġa?
'Dawn l-aħħar ħames snin wrewna kemm id-demokarzija hija fraġli u kemm azzjoni malinna u kriminali ta' xi ħadd taf tagħmel ħsara lil pajjiżna'
Din il-leġiżlatura kienet waħda li kontinwament offriet dibattiti u diskussjoni b'serje ta' sfidi, allegazzjonijiet serji, assassinju, pandemija, riżenji, elezzjonijiet interni u aktar.
Dawn l-aħħar ħames snin wrewna kemm id-demokarzija hija fraġli u kemm azzjoni malinna u kriminali ta' xi ħadd taf tagħmel ħsara lil pajjiżna.
Taqbel jew ma taqbilx ma' dak kollu li qalet, taqbel jew ma taqbilx mal-istil tagħha - li xi kultant kien verament kattiv, ippreġudikat u klassist - tħares kif tħares lejha, l-akbar traġedja tal-aħħar ħames snin, seħħet propju fil-bidu ta' din il-leġiżlatura, nhar is-16 ta' Ottubru 2017. Dan meta bomba biċċret lil Daphne Caruana Galizia u tefgħet l-agħar dawl possibbli fuq pajjiżna. Naturalment kien hemm min kellu kull interess politiku li l-attenzjoni kerha fuq Malta tkun kemm jista' jkun aċċentwata, imma ma nidħkux bina nfusna. Fid-dinja globalizzata tal-lum fejn dak li jiġri l-Kambodja tkun tafu f'Ħal Tarxien wara kwarta, ħadd ma seta' onestament jistenna li l-assassinju makabru tal-aktar ġurnalista kritika tal-Gvern u l-ġurnalista li kienet qed tikxef u timbarazza lill-Gvern, ma jiġrix mad-dinja kollha bħal leħħa ta' berqa.
U f'dak ir-rappurtaġġ dakinhar ta' dak li ġara fil-Bidnija - fuq prattikament kull stazzjon segwit u popolari u ta' stoffa, ibda mill-BBC, FOX u ibqa' sejjer sas-CNN u l-Guardian - kienet qed issir l-akbar ħsara lil dan il-pajjiż. Il-ħsara mhux il-midja għamiltha, li wara kollox xogħolha għamlet. Il-ħsara saret minn min qatel lil Caruana Galizia, min ippermetta li tinqatel u min ġiegħel lil dawk li allegatament qatluha jaħsbu illi huma allat u li fuqhom ma hemm ħadd u li għalihom ħadd ma jista'. Għax għandhom il-flus! Għax għandhom il-poter ekonomiku.
Inħarsu kif inħarsu lejha dak li seħħ nhar is-16 ta' Ottubru 2017 jibqa' l-agħar tebgħa fuq il-karriera ta' Joseph Muscat u ta' din il-leġiżlatura u tebgħa oħra ma' dawk bl-isem, Raymond Caruana u Karin Grech. Għall-inqas il-każ ta' Caruana Galizia mexa' 'l quddiem u ġew arrestati n-nies u issa nafu li hemm aktar nies li mistennijin jiġu arrestati.
U allura li ssir l-ġustizzja hija verament l-unika triq biex tibda tingħlaq din il-ferita. U bdiet issir il-ġustizzja pero' għad fadal xi jsir.
Imma kollox marbut ma' kollox. Kien dan l-assassinju li wassal biex pajjiżna jispiċċa fuq il-Lista l-Griża, jew inkella li saħħaħ perċezzjonijiet diġà ħżiena ta' pajjiżna li wasslu għal vot kontra Malta. Intuli ngergru u nfakkru illi kulħadd u kull pajjiż għandu xi jxomm u għandu korruzzjoni u ħasil ta' flus u tixħim. Verità sagrosanta din! Imma konna aħna li lill-kompetituri ta' pajjiżna tajnihom l-istikka sabiex isawtuna biha!
L-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u dak li wassal għalih huwa l-għerq ta' kull inkubu li ffaċċjat Malta fl-aħħar snin.
Minkejja li probabbilment huma ftit eluf biss li se jivvutaw b'ġudizzju dwar dan l-assassinju, għax kif jiġri dejjem u kif ġara dejjem fuq moħħ in-nies hemm il-but, ix-xogħol, l-ekonomija u l-ambjent - fuq quddiem - dan ma jfissirx li ma għandniex nisiltu tagħlimiet minn din it-traġedja.
Kemm ir-reputazzjoni ta' pajjiżna hija delikata u kemm dak li jiġri fil-klassi politika jaffetwa l-ħajja ta' kuljum.
Huwa importanti li fil-jum tal-għażla mmorru għal nies li huma kompetenti, kapaċi, bi track rekord pero' wkoll li ma huma se jintrabtu mal-karru ta' ebda sangisug u miljunarju. Politiċi onesti li jżommu dejjem id-diċenza u jaħdmu għaliha u hemm minnhom fiż-żewġ partiti. Importanti li n-nies ta' rieda jivvutaw lil dawn!
F'din il-leġiżlatura seħħew ħafna affarijiet - inkluż ħafna bidliet u deċiżjonijiet tajbin illi kieku ma ttieħdux kien ikollna diżastru ekonomiku u jkollna żmien nitkellmu dwar dawn f'din il-gazzetta, hekk kif nersqu lejn il-mument tal-għażla.
Imma allura dan l-editorjal ma setax ma jibdiex mill-akbar diżgrazzja li ġrat lil persuna u omm, pero' agħar minn hekk lill-pajjiż.
Nittamaw li t-tagħlima ħadniha! Għax ir-realtà hi li wara l-assassinju ta' ġurnalista ħadna daqqa sew, imma bqajna fil-wiċċ nieħdu n-nifs. Bid-deċiżjoni tal-FATF ħadna daqqa oħra pero' sa issa għandna fil-wiċċ, għadna qed inkampaw, għadna qed nippruvaw. Pero' Malta ma tiflaħx għal wisq aktar daqqiet!
Biex ngħiduha bl-Ingliż: Lets get our house in order, once and for all!