Claudio Grech | L-għaqdiet fil-komunità

Din is-sħubija trid tkun ikkumplimentata minn qafas ta’ appoġġ ta’ servizzi kif ukoll minn programm ta’ finanzjament strutturat li jippermetti lil dawn l-għaqdiet li jippjanaw fit-tul u mhux sempliċement minn sena għall-oħra 

Minkejja l-ħafna tgergir, iċ-ċokon ta’ pajjiżna għandu s-sabiħ tiegħu wkoll. Fiċ-ċokon tagħna, matul is-snin, irnexxielna nibnu identita’ ta’ poplu qalbieni, ħabrieki u li minkejja l-piki u l-argumenti ma’ jaqtgħu qatt, fl-aħħar mill-aħħar nibżgħu għal xulxin. Element ewlieni li dejjem affaxxinani u llum sar parti ewlenija tal-ħajja politika tiegħi huma l-għaqdiet fil-komunita’: soċjetajiet tal-mużika, każini, klabbs sportivi u għaqdiet tal-festi fost l-oħrajn.  

Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-organiżazzjonijiet twaqqfu għexieren ta’ snin ilu u ħafna minnhom kellhom rwol ċentrali ta’ kif evolviet il-ħajja fil-komunita’ matul is-snin. Ħafna minnhom naqqxu l-identita’ tagħhom fil-lokal permezz ta’ sede ċentrali li kienet tissimbolizza kemm l-importanza ta’ l-għaqda kif ukoll il-viċinanza li kellha lejn il-qalb tal-komunita’ residenzjali u kummerċjali tal-post. 

Iżda nemmen li minn perspettiva politika, dawn l-għaqdiet għandhom ukoll funzjoni kruċjali fil-ħidma marbuta ma’ l-iżvilupp soċjo-ekonomiku fil-lokalitajiet tagħna. Fl-ewwel lok dawn għandhom rwol li permezz tiegħu jistgħu jservu ta’ sors ta’ informazzjoni dwar ix-xejriet fil-komunità. Ħadd aktar minn min imexxi dawn l-għaqdiet ma’ jista’ jgħid kif qed tevolvi l-komunita’ u x’inhuma dawk l-aspetti li rridu nkunu viġilanti għalihom.  

It-tieni rwol essenzjali li għandhom huwa dak marbut mal-edukazzjoni u l-formazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ fejn minbarra li jitgħallmu u jitħarrġu fl-oqsma kulturali, sportivi jew tradizzjonali tal-għaqdiet rispettivi jkunu wkoll qed jitrawwmu f’sens ta’ komunita’ li hija imprezzabbli biex tkattar il-valuri li jagħmluna poplu distint minn tant oħrajn. Dawn l-għaqdiet huma kruċjali wkoll biex iservu ta’ tarka għaż-żgħażagħ mill-użu tas-sustanzi, illum aktar minn qatt qabel fid-dawl tal-politika tan-normaliżazzjoni tad-droga mħaddna mill-gvern. 

It-tielet rwol li dawn l-għaqdiet għandhom huwa rifless fil-potenzjal li jservu huwa dak li permezz tiegħu jkunu xempji ta’ l-identita’ lokali u nazzjonali. Din l-identita’ tiddefinixxi aħna min aħna u minn fejn ġejjin iżda wkoll xi nsarrfu bħala persuni f’dinja li aktar ma’ jgħaddi żmien aktar qiegħda tinbidel f’waħda bla ruh u agnostika għal kollox. 

Dawn l-għaqdiet huma wkoll ħolqa importanti biex insarrfu l-prinċipju tas-sussidjarjeta’ fil-prattika, fil-ħajja ta’ kuljum fl-ibliet u l-irħula tagħna. Is-sussidjarjeta’ ma’ tiksibiex biss billi tiddelega l-poteri amministrattivi iżda wkoll billi tagħraf ir-rwol ċentrali li l-għaqdiet għandhom fil-lokal tagħhom u kif dan ir-rwol jista’ jibda jiġi rfinut f’funzjoni ntiża biex issawwar il-ġid komuni, ir-rispett reċiproku u t-titjib fil-kwalita’ tal-ħajja fil-komunita’. 

Dan nistgħu nilħquh biss billi nħaddnu politika li tkun ħafna aktar inklussiva u parteċipattiva fuq livell lokali, fejn l-għaqdiet ma’ jkollhomx biss rwol marbut mal-ħidma speċifika ta’ l-għaqda iżda jkollhom sehem fit-tisħiħ tal-ħajja fil-komunita’ u jkunu allejati importanti fit-taqbida kontra t-tnaqqir tad-dinjita’ tal-persuni vulnerabbli kif ukoll ċentru ta’ attivita’ li jiġbed lejh it-tfal u ż-żgħazagħ tal-lokal f’ħidma għal għanijiet ġusti. 

F’dan l-isfond huwa kruċjali li d-dibattitu fuq l-għaqdiet fil-komunita’ jiġi elevat minn wieħed sempliċement ta’ għoti ta’ ftit fondi għal wieħed fejn dawn ikunu imsieħba ewlenin fil-proċess tat-tisħiħ tal-komunitajiet li jaħdmu fihom. Din is-sħubija trid tkun ikkumplimentata minn qafas ta’ appoġġ ta’ servizzi kif ukoll minn programm ta’ finanzjament strutturat li jippermetti lil dawn l-għaqdiet li jippjanaw fit-tul u mhux sempliċement minn sena għall-oħra. 

Fiċ-ċokon tagħna, għandna x-xorti li aħna mgħonnija b’tant għaqdiet u b’tant persuni li jagħtu ħafna kontribut b’mod volontarju, minn qalbhom u mingħajr ebda pretensonijiet. Dan huwa xempju ta’ kif tkattar il-ġid komuni u l-ħidma politika tagħna fis-snin li ġejjin trid mhux biss tirrikonoxxi din il-ħidma iżda taħtaf l-opportunita’ biex tappoġġja u tgħin lil dawn l-għaqdiet ikomplu jissaħħu u jimirħu fl-interess tal-komunitajiet tagħhom. 

More in Politika