Ivan Castillo | Air Malta... Kellna naslu s’hawn?

Infakkar ukoll li Konrad Mizzi kien responsabbli mill-Air Malta u kien qalilna li l-Air Malta qed taghmel il-flus.. imma llum sirna nafu li qed titlef €170,000 kuljum 

Għalija u għall-Partit Nazzjonalista, is-sitwazzjoni fl-Air Malta mhux aċċettabbli. Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jissaħħaħ bil-konsultazzjoni mal-istakeholders kollha, ħaddiema u unions, biex Gvern ġdid Nazzjonalista jkun jista’ serjament bi kredibiltà mal-Ewropa jagħmel l-affarijiet kif suppost u mhux kif tħallew minn Gvern Laburista. L-aħbar li nofs il-ħaddiema tal-Air Malta se jitkeċċew u wara li l-Ministru Clyde Caruana qabbel il-linja nazzjonali tagħna ma’ fireplace li jaħraq il-flus kienet xokkanti.

F’disa’ snin, il-Gvern Laburista kellu ħames Ministri differenti li kellhom taħt idejhom l-Air Malta u li ħolqu konfużjoni sħiħa, kif wara kollox ikkonferma l-Ministru Clyde Caruana meta tkellem dwar il-problemi serji tal-linja nazzjonali. Nistaqsi jien, għafejn l-industrija sħiħa, l-istakeholders kollha u l-ħaddiema, għandhom iħallsu għall-inkompetenza ta’ disa’ snin ta’ Gvern Laburista? Għaliex il-Gvern ma tax widen għall-pjan, li madwar sena ilu, il-PN kien diġà ħareġ bl-isem 2+8 u li fih kien jinkludi viżjoni ċara għall-Air Malta.

Irrid infakkar li fl-2012, taħt Gvern Nazzjonalista, il-Kummissjoni Ewropea kienet diġà approvat pjan li jindirizza b’mod għaqli l-problemi finanzjarji tal-linja tal-ajru tagħna b’fondi li kellhom iwasslu biex l-Air Malta terġa’ tibda tiffunzjoni. X’differenza! Illum il-Kummissjoni Ewropea tilfet kull fiducja fil-Gvern u li fi ftit kliem, qalet li l-Gvern Laburista mhux kredibbli għax ma żammx mal-pjan tal-istrutturar approvat fl-2012.

Infakkar ukoll li Konrad Mizzi kien responsabbli mill-Air Malta u kien qalilna li l-Air Malta qed taghmel il-flus.. imma llum sirna nafu li qed titlef €170,000 kuljum u sirna nafu li nofs il-ħaddiema tal-Air Malta se jitilfu posthom waqt li nofs ir-rotot se jieqfu. Għandna Gvern li għamel mill-Air Malta ballun politku fejn berbaq il-flus tal-linja nazzjonali tagħna. Ninsabu fejn qegħdin minħabba nuqqas ta’ amministrazzjoni għaqlija tal-Gvern Laburista. Ta’ dan se jħallsu l-ħaddiema tal-Air Malta, l-industrija tat-turiżmu u int ċittadin Malti, int ħaddiem. Għalija dan mhux aċċettabbli.

Wieħed ma jridx jinsa kif ħafna minn dawn il-ħaddiema li se jitkeċċew bnew karriera ta’ ħafna snin u ħafna sagrifiċċji biex issa l-Gvern iddeċieda li jneħħihom minħabba l-iżbalji li għamel hu stess bil-Ministri tiegħu. Wieħed ma jridx jinsa wkoll kif fl-Air Malta ġew impjegati nies tal-qalba li qed jiffangaw fosthom il-preżentatur ta’ One, Karl Stagno Navarra. 

Bħalissa l-linja nazzjonali tal-ajru qed tagħmel mal-€170,000 telf kuljum. Iżda sa tliet snin ilu, il-Gvern Laburista kien qed jiftaħar li l-AirMalta rreġistrat profitti għall-ewwel darba fi 18-il sena. Effettivament, ħadd ma jaf allura kif il-kumpanija spiċċat fi kriżi finanzjarja enormi. Żomm f’moħħok li kien dan il-Gvern stess li fl-2017 wiegħed li ħadd mill-ħaddiema tal-Air Malta ma kien se jitlef xogħlu.

B’dawn it-tkeċċijiet hu maħsub li l-Air Malta ssalva madwar €15-il miljun fis-sena. Bil-flus għalxejn li ngħataw Vitals biss (biex ma nsemmix is-serq l-ieħor kollu) konna nġibu ħafna iktar minn €15-il miljun fis-sena. Għażiż votant, dan hu parti mill-konsegwenzi tal-korruzzjoni. 

L-iktar żewġ punti kruċjali li qal il-Ministru tal-Finanzi fil-konferenza tal-aħbarijiet kienu dawn:

1.    Il-Gvern is-sena l-oħra talab permess lil Brussell biex tippompja €290 miljun fil-linja tal-ajru li tinsab f’diffikultà bħala l-aħħar tentattiv biex l-Air Malta ssalva iżda ntalab joħroġ b'ċifra aktar realistika u iżgħar.

2.    Caruana, qal li kien iltaqa’ mal-Kummissarju tal-UE Margrethe Vestager, li qaltilhom li l-Kummissjoni tilfet il-fiduċja fl-Air Malta għax ma nżammux ħafna wegħdiet.

Biex inkunu nafu ftit l-istorja f’dawn l-aħħar 10 snin, fl-2011, l-Airmalta ngħatat l-għajnuna li kellha bżonn għall-programm ta' ristrutturar. Għall-ewwel sentejn  dan kien qed jaħdem. Imma mbagħad kollox mar żmerċ meta tela' l-PL fil-Gvern, u fi żmien meta l-prezzijiet taż-żejt niżlu u allura, jekk xejn, il-pjan kellu jkun suċċess. Fil-bidu tal-2012, 644 impjegat fl-Airmalta kienu applikaw għall-iskemi ta’ rtirar volontarju/bikri u dan għen biex jibbilanċjaw il-kotba tal-kumpanija u kienet fit-triq it-tajba sal-aħħar tal-2013 meta s-CEO is-Sur Davies kien imġiegħel jirriżenja. Ħaġa tal-iskantament, hekk kif irriżenja, 400 persuna oħra ġew ingaġġati mal-Airmalta. Biex ma ninsewx it-tliet CEO's f'inqas minn sentejn li ma kienu jafu xejn dwar l-avjazzjoni u poġġew fuq l-Airmalta €66 miljun dejn. Hekk hu! Fl-2017 id-dejn tal-Airmalta kien ta’ aktar minn €66 miljun. Wara dik is-sena beżgħu juru kemm hu d-dejn. Ma tawniex iktar ċifri. 

Il-Labour ħadem pjan ta’ rkupru billi keċċa lis-CEO (Davies) u ħatar CEO li tal-qalba. Hawn, L-Air Malta kienet abbużata minn ħatriet politikament ivvizzjati. Eżempju ċar ta’ dan hu l-impieg ta’ Karl Stagno Navarra ma’ din il-kumpanija li kienet f’xifer ta’ falliment b’paga għolja.

Wieħed irid jifhem kif fit-23 ta’ Marzu 2019 lill-poplu jgħidulu li l-Air Malta rreġistrat aktar minn miljun ewro fi profitti wara 18-il sena, u mbagħad fl-14 ta' Jannar 2021 naraw li l-Air Malta spiċċat falluta minħabba żbalji politiċi tal-passat. Jista’ jispjegahielna Konrad Mizzi din? L-aqwa li Stagno Navarra jkompli jimpala.

L-Air Malta sabet ruħha f'din il-qagħda għax il-PL fil-poter kien populista biżżejjed biex fi 12-il xahar jimpjega 400 persuna b’kuntratt indefinit u jagħti promozzjonijiet virtwali lil dawk li tefgħu lill-PL fil-poter

Tal-Mistħija! L-ewwel irriduċew l-Air Malta f'aġenzija ta’ impiegi għal tal-qalba u issa l-Ministru jgħidilna li dak li ġara ġara, l-aqwa li nirbhu l-voti, u l-poplu jħallas. Ta’ dan għandna ngħidu grazzi fuq kollox lil Konrad Mizzi. Irridu nammettu li l-Onor. Ministru tal-Finanzi ikkontribwixxa bis-sħiħ biex joħroġ fid-dawl dak li jaf kulħadd, jiġifieri l-amministrazzjoni ħażina tal-PL fil-gvern mill-2013.

Poplu, il-PN irid ikun biex jillimita l-ħsara li għamel il-PL fil-Gvern. Il-PN huwa l-uniku tama għal pajjiżna. Il-futur tagħna hu f’idejk.

More in Politika