Robert Aquilina | Atti ta’ kattiverja fil-konfront taċ-ċittadini onesti

Tkun kemm tkun it-temperatura fil-pajjiż, lill-Kummissarju ngħidlu li aħna se nibqgħu niġru warajh anke dwar ir-rapport li għamilnielu f’Novembru li għadda dwar dak li ħatru Kap Eżekuttiv tal-Korp b’salarju ta’ iktar minn sittin elf fis-sena għalxejn, jiġifieri l-Prim Korrott Joseph Muscat

Għandu żball kbir min qed joħlom li pajjiżna qatt jista’ joħroġ mill-isqaq li daħħluna fih il-kriminali lebsin ta’ politiċi mingħajr ħadd min dawn il-kriminali ma jkun mixli fil-Qorti u jispiċċa l-ħabs. Mhux xi sigriet li d-dinja tilfet il-fiduċja f’min qed imexxi pajjiżna u l-istituzzjonijiet tagħna. It-tqegħid ta’ Malta fil-lista l-griża huwa biss wieħed mill-ħafna messaġġi ċari li pajjiżi li rridu naħdmu magħhom qed iwasslulna.

Tlett ijiem biss qabel inġbarna fid-djar tagħna għall-ikla tal-Milied, l-ikbar superpotenza fid-dinja – l-Istati Uniti tal-Amerka – bagħtitilna messaġġ ieħor qawwi. L-Amerikani qalulna li ċ-Chief of Staff li kellu Joseph Muscat u l-Ministru favorit ta’ Joseph Muscat mhux se jitħallew jirfsu aktar fuq arthom. Ir-raġuni li wasslet għal deċiżjoni daqstant severa ma qagħdux jomogħduha. Qalulna ċar u tond li r-raġuni hija l-korruzzjoni li involvew ruħhom fiha Keith Schembri u Konrad Mizzi. L-Amerikani ma qalulna xejn li ma konniex nafu. Kulħadd f’pajjiżna u lil hinn minnu jaf li Konrad Mizzi u Keith Schembri huma mdaħħlin f’għadd ta’ skandli ta’ korruzzjoni li jinvolvu miljuni kbar ta’ ewro. Dawn il-miljuni huma kollha flus misruqa minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi. Dawn il-miljuni kollha nsterqu bil-barka, jekk mhux bil-kompliċità, tal-Prim Korrott Joseph Muscat. Li Muscat huwa korrott tant jafuha nies madwar id-dinja illi qabel spiċċa minn Prim Ministru ddikkjarawh bħala l-iktar politiku korrott fid-dinja għal dik is-sena. M’għandix dubju li anke l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, id-Deputat Kummissarju Alexandra Mamo u l-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg jafu li dawn it-tlieta, flimkien ma’ oħrajn, wettqu diversi reati ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus. Naf li dawn għandhom f’idejhom bosta provi li messhom ilhom li wasslu għal prosekuzzjonijiet fil-Qrati tagħna. Imma bħall-predeċessuri tagħhom, Gafà, Mamo u Dr Buttigieg għadhom ma ressqu lil ħadd.

Ma jriduhomx iressqu politiċi Laburisti

Dil-ġimgħa żvelajt li qed issir pressjoni politika biex l-ebda politiku Laburist, tal-preżent u tal-passat, ma jitressaq il-Qorti fuq korruzzjoni qabel tgħaddi l-elezzjoni ġenerali. Sal-lum, jidher li l-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali qed ibaxxu rashom għal din il-pressjoni. Għal darb’oħra, minflok qed iservu lilna, min imexxi dawn l-istituzzjonijiet qed iservi l-interessi partiġġani tal-Partit Laburista u, konsegwentement, l-interessi tal-kriminali li serquna. Din l-imġiba mhix biss att ta’ lagħaqiżmu imma hija wkoll att ta’ kattiverja fil-konfront ta’ kull ċittadin onest li jgħix f’dawn il-gżejjer. Il-konsegwenzi tat-tkaxkir tas-saqajn tal-Kummissarju u tal-Avukat Ġenerali qed ibatuhom in-negozji, il-ħaddiema u ż-żgħażagħ tagħna. Dawn tal-aħħar tant qatgħu qalbhom li l-affarijiet se jitranġaw li ħafna minnhom qed juru x-xewqa li jitilqu minn Malta.

Tliet sptarijiet misruqa

Din il-ġimgħa ħadna l-protesta tagħna quddiem l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex u quddiem l-isptarijiet San Luqa u Karin Grech. Morna hemmhekk biex infakkru li anke fuq din is-serqa għadu ma tressaq ħadd il-Qorti. Repubblika ilha minn Mejju ta’ tliet snin ilu li talbet biex ssir inkjesta maġisterjali dwar dan l-iskandlu. Ippreżentajna lill-Qorti dokument ta’ 153 paġna li fih urejna li Konrad Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna raw kif għamlu biex kumpanija mingħajr ebda esperjenza fil-qasam mediku tingħata kuntratt b’valur ta’ iktar minn żewġ biljun ewro biex tmexxi tliet sptarijiet li kienu tagħna lkoll. B’dokumentazzjoni dettaljata wrejna li l-imġiba ta’ dawn it-tliet eks ministri tqajjem suspetti raġonevoli li f’dan il-każ seħħew korruzzjoni, ħasil ta’ flus u reati serji oħra. Kellna mmorru nitolbu l-intervent tal-Qorti għax dak iż-żmien l-istituzzjonijiet li kienu jgħidulna li “qed jaħdmu” m’għamlu xejn quddiem l-oxxenitajiet li konna qed naqraw dwarhom fil-gazzetti.Intant, matul dawn it-32 xahar, l-Awditur Ġenerali ppubblika żewġ rapporti dettaljati dwar dan il-kuntratt korrott. Minn dawn ir-rapporti joħroġ ċar li l-Gvern ta’ Joseph Muscat iffavorixxa lis-sidien tal-kumpanija Vitals Global Healthcare (VGH) kontra l-interessi tagħna ċ-ċittadini. Dak li rajna aħna f’dan l-iskandlu rah ukoll l-Awditur Ġenerali u qed jarah ukoll kull min jinteressah iħares. Fost dawn tal-aħħar, għal darb’oħra, m’hemmx il-Kummissarju Gafà u l-Avukat Ġenerali. Anke fuq dan il-każ għadhom ma ressqu lil ħadd il-Qorti. Is-sempliċi fatt li l-inkjesta li tlabna aħna għadha mhix konkluża mhix skuża biex Gafà u Dr Buttigieg jibqgħu b’idejhom fuq żaqqhom. Il-Kummissarju tal-Pulizija huwa obbligat bil-liġi li jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu indipendentement minn kull inkjesta li tkun qed issir fuq il-każ. Fil-fatt, f’kull każ ieħor il-pulizija ma toqgħodx tistenna l-inkjesti jingħalqu biex tipproċedi fil-Qorti. Allaħares il-pulizija ma tagħmilx hekk għax kieku ma jitressaq ħadd aktar il-Qorti!

Raqdu fuq l-inkjesta Pilatus

Biex ineħħulna kull dubju raġonevoli li jista’ jkollna dwarhom, Gafà, Mamo u Dr Buttigieg anke meta jkollhom inkjesta f’idejhom jaraw kif jagħmlu biex jorqdu fuqha. L-inkjesta dwar il-Bank Pilatus fiha iktar minn nofs miljun paġna u swiet lill-poplu Malti u Għawdxi seba’ miljun ewro u nofs. Din l-inkjesta ilha li waslet għand l-Avukat Ġenerali sena sħiħa. Ftit ġimgħat ilu sirna nafu li fir-rapport tal-inkjesta l-Maġistrat kiteb li t-tmien membri tal-bord tal-Bank Pilatus għandhom jitressqu l-Qorti. Fost dawk indikati mill-Maġistrat hemm iċ-Chairman tal-Bank Ali Sadr: dak li rajnieh ħiereġ bil-bagalja fil-lejl li matulu Daphne Caruana Galizia ppubblikat l-istorja dwar il-kumpanija Egrant. Qrajna wkoll li l-inkjesta kkonkludiet li għandha titressaq anke l-persuna li f’dak il-lejl rajnieha ħierġa mill-bank ma’ Ali Sadr. Madankollu, Gafà, Mamo u Dr Buttigieg għadhom ma kaxkru lil ħadd minn dawn il-Qorti!

Qrajna wkoll li, f’Marzu li għadda, il-Maġistrat Farrugia ffirma mandat ta’ arrest internazzjonali fil-konfront ta’ Ali Sadr. Naturalmet ħadd ma jaf x’sar minn dan il-mandat. Il-Kummissarju ma jridx jgħidilna x’għamel bih. Lanqas ma jrid jgħidilna għaliex Ali Sadr għadu ma ġiex arrestat u għaliex għadu ma nġiebx Malta biex jiffaċċja l-ġustizzja. Jidher ċar li bħalma Lawrence Cutajar qagħad imexmex il-fenek meta Malta waqfet tara lil Ali Sadr jippassiġġa bil-bagalja fis-satra tal-lejl, Gafà jaf qed juża l-karti li fuqhom inkitbet l-inkjesta tal-Pilatus biex irewwah meta tkun is-sħana u għall-fireplace meta jkun il-bard!

Il-Prim Korrott

Tkun kemm tkun it-temperatura fil-pajjiż, lill-Kummissarju ngħidlu li aħna se nibqgħu niġru warajh anke dwar ir-rapport li għamilnielu f’Novembru li għadda dwar dak li ħatru Kap Eżekuttiv tal-Korp b’salarju ta’ iktar minn sittin elf fis-sena għalxejn, jiġifieri l-Prim Korrott Joseph Muscat.

Ngħidlu wkoll li, dwar dan kollu u aktar, dalwaqt se jerġa’ jarana quddiem id-Depot jew quddiem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. M’aħniex se nittolleraw aktar tkaxkir tas-saqajn. Mhuwiex ġust li ċ-ċittadini onesti jbatu l-konsegwenzi waqt li l-kriminali korrotti jitħallew jiġru barra qisu qatt ma kien xejn.

Se nagħmlu kulma nistgħu biex inwaqqfu dawn l-atti ta’ kattiverja fil-konfront taċ-ċittadini onesti.

More in Politika