Editorjal | L-għażla f'idejk ... Int tista' tnaddaf il-politika billi tesiġi aktar u aħjar!

Messkom tistħu li niżżiltu lill-politika f'din il-mandra! 

Ian Castaldi Paris mhux se joħroġ għall-elezzjoni għax ma ddikajarax bi €300,000 f’taxxa. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għal 12-il sena sħaħ jonqos milli jħallas taxxa u VAT dovuta u jtella' kont ta' €62,000 mhux imħallsa, tant li d-Dipartiment kien fetaħ investigazzjoni kontrih. Konrad Mizzi, Keith Schembri u xi ħadd ieħor jiftħu kumpanija fil-Panama - ġurisdizzjoni ta' segretezza u ġurisdizzjoni maħmuġa - biex il-madwar €5,000 kuljum li kienu qed jaqilgħu ma jiddikjarawhomx. Rosianne Cutajar "tinsa" tiddikjara €9,000 li qalgħet minn senserija u Austin Gatt nesa' kont li kellu fl-Iżvizzera! Manuel Mallia jidher li kien iħalli l-eluf taħt is-saqqu u issa David Thake tella' kont ta' VAT li baqgħet ma tħallsitx, għal ftit aktar minn €174,000 - wara diferiment ta' eluf oħrajn grazzi għal skema tal-Gvern.  

Il-punt mhuwiex għax ħaddieħor hekk jagħmel. Min qed jgħid "u daqs kemm hawn min ma jħallasx fil-ħin" mhux qed jifhem x'inhi l-problema. Il-problema hija li Deputat irid imexxi bl-eżempju, speċjalment deputat li dejjem jesiġi li kollox isir b'mod rett u eżatt! Ma tistax tuża riga għalik u riga oħra għal ħaddieħor! Min qed isib konsolazzjoni għax "kulħadd jevadi xi ftit" qed jinsa li x-xogħol tal-politiku mhuwiex biex jipperpetwa l-ħażin imma biex ikun hu li jagħti eżempju lin-negozjant u lil ħaddiem, speċjalment lill-ħaddiem.  

Għax il-ħaddiem malli tidħollu l-paga jkun diġà ħallas l-bolla u t-taxxa. Ma għandux il-lussu jħallas meta jrid u kif irid u jħalli kontijiet pendenti jikbru u jikbru u jikbru aktar - sakemm jiġi d-Direttur tat-Taxxi u jiġbidlek widnejk! Ma għandux il-lussu li jiftaħ kontijiet fl-Iżvizzera u l-Panama, biex ma jiddikjarax flusu! Ma għandux il-lussu li joqgħod jħabbatha mal-miljunarji u jagħmlilhom is-senseriji!  

Messkom tistħu li niżżiltu lill-politika f'din il-mandra! Filwaqt li Mary, Joe u Philip jekk ma jħallasx il-kont jaqtgħulu d-dawl, il-PN għandu l-miljuni x'jagħti lill-Arms (u ma nafux il-PL eżattament sal-lum!) Dak xejn! Dawk ngħalqu għajn! U miljuni oħra x'jagħti il-PN f'bolla! Dak eżempju lil min jimpjega! U l-Partit Laburista? Min jagħti €15,000 lil boyfriend li ma jifhimx għakka, min jieħu s-senseriji, min jgħajjar lill-votanti Ġaħan mal-opportunisti (aħjar Ġaħan u onest - milli opportunist u ħalliel!) u min jiftaħ il-kumpaniji biex idaħħal il-flus maħmuġin. U ċ-ċirasa fuq il-kejk Konrad Mizzi - li jagħti tliet sptarijiet lil xi ħadd li ma nafuhx, jagħtihom l-eluf kuljum, ma jagħmlu xejn u nħalluhom jaħarbu! 

Mur ipprova israq €10! Mur ipprova israq xi banketta jew pjanta minn xi ġnien pubbliku! Jew xi landa tonn taż-żejt biex tiekol u forsi tinzerta immigrant Afrikan! Ibiċċruk fuq Facebook kieku.  

Imma l-politiċi jisirquna f'wiċċna, jevadu t-taxxa, jisirqu l-assi tagħna u jagħtuhom lil xi Ram Tumuluri, jew inkella ma jħallsux eluf fuq eluf f'taxxa (sakemm id-Dipartiment jiġbidlek l-attenzjoni), u noqgħodu nċapċpulhom! 

Meta se nieqfu - bħala poplu - inkunu servili lejn il-politiku!? Meta se narmu din l-istima baxxa tagħna nfusna li irridu noħolqu allat mill-politiċi u ninċensawhom u ngħolluhom fuq il-pedestalli? Meta se nifhmu li aħna importanti għal ħafna politiċi sakemm jitilgħu fil-Gvern għax imbagħad il-bażużli u l-lagħqa jsiru l-ħbieb?! Il-ħbieb isiru dawk li jilgħaqu u jinċensaw lill-politiċi l-aktar. Mhux ta' b'xejn hawn nies f'dan il-pajjiż li jitla' min jitla' fil-Gvern dejjem jerdgħu miż-żejża jibqgħu, x'kumbinazzjoni!  

Hemm bżonn li dan il-poplu jistenna aktar mill-politiċi tiegħu u bi dritt. Hemm bżonn politiċi li jmexxu bl-eżempju, mhux persuni li moħħhom biss fil-flus, li jidħlu fil-politika biex jakkwistaw u jistagħnew. Hemm bżonn li l-poplu fl-elezzjoni ġejja jarmi lill-politiċi li użawh, li użaw flusu ħażin, li ma ħallsux dak dovut minnhom, li urew diżrispett assolut lejn l-intelliġenza tan-nies.  

Hemm bżonn ġenerazzjoni ġdida ta' politiċi li daħlu fil-politika biex jagħtu servizz u li mhumiex marbutin ma ebda siġġu.  

Ejja nieqfu nistennew lill-partiti iġibu l-bidla u nkunu aħna, billi nivvutaw demm ġdid, demm żagħżugħ fil-Parlament . Nies li huma mmexxija mill-ideali - ċentristi, xellugin, liberali u anke jekk dan l-editorjal ma jaqbilx magħhom - konservattivi ukoll. Imma għallinqas bi prinċipju. Nies li jemmnu f'xi ħaġa, nies b'boxxla politika, nies li huma denji - mhux perfetti u qaddisin - imma denji! People who stand for something! 

Il-politika tħammġet, tant li llum l-poplu sar aktar nadif mill-klassi politika. Allura huwa l-poplu li jrid inaddaf il-klassi politika.  

U dan int tista' tagħmlu bil-vot tiegħek din is-sena! Ivvota lil kandidati nodfa, li għandhom prinċipju, li għandhom ideal u li għalihom il-partit huwa mezz għal servizz, mhux mezz għas-serq u l-ħniżrijiet!  

Kun Laburist, kun Nazzjonalist, kun mal-ADPD, kun ma' kwalunkwe partit, imma fil-klassi int u tivvota, ivvota lil min għandu prinċipju. Lil min huwa ġenwin u nadif, mhux lil min jinqeda bik biex isir sinjur hu u l-merċenarji tiegħu!  

L-għażla f'idejk!  

More in Politika