Marie Claire Gatt | Moviment Favur il-Ġid Komuni

'Nistednukom tħarsu ’l quddiem magħna u tistaqsu: fejn nixtiequ narawh lil pajjiżna?'

Għal sena oħra, bħala Moviment Graffitti sibna ruħna naħdmu mill-qrib ma’ diversi komunitajiet madwar il-gżejjer Maltin. Fil-qofol ta’ din il-ħidma kien hemm dejjem ir-relazzjoni intima bejn l-ambjent ta’ madwarna u l-kwalità tal-ħajja għaliex wara kollox, is-sodisfazzjon personali u komunitarju tagħna jirrifletti l-ambjent li ngħixu fih. Dan il-valur kuljum jisfa sagrifikat fuq l-altar tat-tkabbir ekonomiku u politika li ma tikkunsidrax is-suċċessi ta’ kulħadd, b’mod speċjali l-ħaddiema u l-minoritajiet. Spiss, u żbaljatament, is-sintomi ta’ din is-sistema nsejħulhom “progress”. Madanakollu, fil-ħidma tagħna nsostnu li l-“ġid” mhuwiex biss il-flus, imma nsibuh ukoll fl-aspetti tal-ħajja ta’ kuljum li jgħinuna ngħixu kuntenti, sikuri, u f’saħħa fiżika u mentali tajba. Fl-azzjonijiet u s-suċċessi ta’ din is-sena rajna li l-komunitajiet jaslu japprezzaw dawn il-valuri meta jarawhom mhedda. 

Nifirħu għalhekk li dan ix-xahar, il-Fortina rtiraw il-pjanijiet tagħhom għal moll fil-bajja tal-Balluta wara l-kritika u l-azzjoni estensiva tar-residenti, il-kunsilli lokali, u l-organizazzjonijiet ambjentali. Flimkien aċċertajna li l-bajja tista’ tkompli titgawda mill-komunità mingħajr katamaran turistiku ta’ 33 metru dieħel u ħiereġ 22 darba kull jum. Dan ix-xahar l-Iskalin rebħu wkoll l-appell tagħhom kontra l-permess għall-pitch tal-waterpolo u ristorant f’nofs il-bajja ta’ Wied il-Għajn. Il-pressjoni publika wasslet ukoll għat-tneħħija taż-żewġ riggijiet taż-żejt ta' Palumbo li kienu ilhom snin fil-Port il-Kbir u reċentement, il-Bord tal-Ippjanar ta indikazzjoni li ser jirrifjuta l-applikazzjoni għall-iżvilupp fuq ODZ fis-sit ta’ Pulvich f’Ħad-Dingli. 

Għawdex qegħdin nagħtu l-appoġġ tagħna lil residenti fosthom tan-Nadur, il-Qala, Sannat u x-Xlendi huma u jopponu proġetti turistiċi jew residenzjali kbar, uħud anki f’ODZ jew f’postijiet storiċi b’impatt negattiv kbir fuq il-kwalità tal-ħajja tal-komunità. Għawdex miexi b’hekk fuq l-istess triq ta’ Malta, fejn il-poplu tilef il-paċi f’daru u l-karattru awtentiku tal-villaġġi u l-ibliet minħabba l-kostruzzjoni kontinwa. Dawn l-attakki fuq l-ambjent jgħaddu bil-barka ta’ awtoritajiet li la jinbħu u wisq inqas jigdmu iżda huwa ċar ukoll li ġejjin minn idea komuni żbaljata ta’ kif inkejlu l-ġid. Hawn qed nirreferi għar-rebħa ta' kwalunkwe profitti possibbli fuq valuri bħall-estetika u l-wirt kulturali. Din mentalità li għandna bżonn ngħelbu. 

Forsi l-iktar eżempju ċar li rajna din is-sena ta' kif il-ġid finanzjarju jgħaffeġ fuq l-interessi tal-komunità huwa l-pjan ta’ Transport Malta li tiftaħ il-bajja ta’ Marsaskala għall-ispekulazzjoni tal-yacht marinas. Kien għalhekk li bosta drabi dis-sena ħriġna mal-komunità Skalina fit-toroq u għajjatna kontra l-qerda tal-kosta pubblika. Organizzajna wkoll mixja madwar il-bajja fejn ħadna l-ħin niskopru l-istorja ta’ Wied il-Għajn u kull mhu ser nitilfu jekk inħallu l-proposta għal marina għaddejja u nkomplu niċħdu l-wirt kulturali, soċjali, storiku u ambjentali għall-profitti. L-appell mifrux ta' ħafna u ħafna nies minn mixjiet soċjali u oqsma politiċi differenti huwa xhieda tal-importanza ta’ dan il-ġid komuni fil-ħajja ta’ kuljum tagħna. In-nies għarfu magħna li l-aċċess għall-kosta, l-istorja, il-kultura, l-ambjent u l-ispazju komunitarju huma val-uri indispensabbli u qamu għad-difiża ta’ dak li hu kollettivament tagħhom. 

Din is-sena qattajna iktar minn tlett ġimgħat nokkupaw grupp ta’ għelieqi f’Ħad-Dingli biex inwaqqfu x-xogħlijiet ta’ Infrastructure Malta fuq triq mingħajr permess. Dan għaliex nemmnu li l-ġid komuni jiġbor fih ukoll is-sigurtà tal-ikel u tas-saħħa li t-tnejn mhedda f’isem progress falz. Kif stqarr ukoll l-uffiċju tal-ombudsman, dawn ix-xogħolijiet f’art privata bdew qabel ma ħarġu l-permessi tal-esproprjazzjoni u ta' Trasport Malta u saħansitra qabel ġiet infurmata l-ERA li ser jitqaċċtu siġar tal-ħarrub li kellhom mijiet ta’ snin. Minkejja li t-triq f’Ħad-Dingli għaddewha, il-messaġġ tagħna għaddejnieh ukoll – spiċċa żmien il-ksur tal-liġi ta' Infrastructure Malta u m’aħniex ser inħalluhom jgħaddu gaffa minn fuq il-poplu. 

Iżda l-ħidma komunitarja tkompli u tagħna hija primarjament impenn favur il-protezzjoni tal-ambjent naturali u rurali għaliex il-ħajja tagħna tiddependi minnhom. Bħala pajjiż bl-ikbar perċentwal ta’ art siġillata fl-Ewropa, li jinsab fi kriżi kbira ta’ ilma ħelu u kriżi oħra ta’ sigurtà alimentari, nemmnu li għandna niġġieldu, naħdmu u nipproteġu qatigħ il-ftit li fadlilna. Għalhekk ser inkomplu nisħqu li proġetti infrastrutturali ta’ iktar toroq, iktar siġillar tal-art u iktar użu tal-karozza privata huma antikwati u qatt m’huma ser isolvu l-konġestjoni, it-tniġġis u d-dipendenza fuq il-karburanti fossili. Din is-sena fil-fatt rajna sew li l-proġetti ġodda kollha li swewna l-miljuni mhux talli ma naqqsulniex l-emissjonijiet imma lanqas ma huma adattati għat-tibdil fil-klima li diġà bdejna ngħixu, bħal xita iżjed qalila u temperaturi ogħla. 

Barra minn hekk, ħafna proġetti ta’ żvilupp huma ankrati f’relazzjonijiet dubjużi bejn l-istat u l-investituri l-kbar u jħassbuna għaliex sikwit jidher li ma jkollhomx l-interess komuni fil-qofol tagħhom. Dawn ir-relazzjonijiet jinbtu mid-dipendenzi finanzjarji bejn in-negozjanti, il-partiti, il-kandidati u t-tolleranza tal-publiku għal dan l-aġir. Bħala Moviment Graffitti nisħqu fuq l-iskrutinju ta' dawn il-proġetti iżda ser inkomplu naħdmu wkoll għar-reviżjoni tal-mod kif jiġu finanzjati l-partiti u kif jitħallsu l-ispejjeż relatati mal-kampanji elettorali tal-kandidati sabiex id-dħul u d-donazzjonijiet jiġu dikjarati b’mod kompletament trasparenti. 

Nistednukom tħarsu ’l quddiem magħna u tistaqsu: fejn nixtiequ narawh lil pajjiżna? Min-naħa tagħna, ser nibqgħu niġġieldu favur spazji miftuħa għal kulħadd u għal mod ġdid kif nużaw l-ispazju pubbliku urban. Nixtiequ futur għall-agrikoltura u miżuri serji fil-qasam tat-tibdil fil-klima. Fuq kollox, nixtiequ politika li tivvalorizza l-kwalità tal-ħajja ta' kulħadd, fejn il-ġid imur lil hinn mill-ġid finanzjarju u fejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol isiru dinjitużi għal kulħadd.  

Il-ġlieda tkompli u nittamaw li nsibukom magħna fit-triq lejn Malta aħjar! 

More in Politika