Editorjal | Abela jaf x'għandu jagħmel fuq Justyne Caruana jekk irid jagħmel dak li huwa sew!

Mhux post Prim Ministru li joqgħod jistenna Ministru tiddeċiedi hi. Il-Ministru qed tiġi investigata  - li juri li l-Pulizija xogħolha qed tagħmlu, forsi b'differenza minn ftit żmien ilu. La l-Pulizija qed tagħmel xogħolha, allura l-PM għandu jagħmel xogħolu wkoll!

Li kieku Daniel Bogdanovich kien l-aktar persuna kwalifikata fil-pajjiż jew fil-Ministeru ta' Għawdex, forsi dan l-editorjal kien jifhem il-ħtieġa li kuntratt ta' €15,000 jingħata lilu, hu ta' min huwa s-sieħeb. Anke jekk xorta kienet tqajjem ftit mistoqsijiet il-biċċa xogħol, jekk huwa kompetenti, mela huwa kompetenti. Mela allura kien ikun ħaqqu dak il-kuntratt, ibbażat fuq il-mertu. 

Li ma kienx kwalifikat biex jagħmel dan ix-xogħol, diġà minnu nnifsu huwa każ gravi ta' nepotiżmu. Li Ministru tqabbad lil xi ħadd li taf mill-qrib, biex jieħu ħsieb bidla li hu mhux kapaċi jġib meta hawn tant u tant nies kwalifikati huwa insult tal-prima klassi! Mhux biss insult għal dawk li huma kwalifikati, imma insult għall-istudenti u s-sistema edukattiva li se toqgħod fuq rapport jew linji gwida ta' xi ħadd li mhuwiex kwalifikat! 

Imma l-borża melħ fuq il-ferita lanqas hija dik! Imma huwa l-fatt li tant il-Ministru kienet taf li l-persuna li qabbdet ma kinitx kwalifikata, tant kienet taf li mhux kapaċi jagħmel dak li qed jitħallas għalih mit-taxxi tal-poplu, li tqabbad konsulent fil-ministeru biex jikteb ir-rapporti u jippreżentahom għat-taparsi kitibhom Bogdanovich! Mela mhux talli tqabbdet persuna mhux kwalifikata, talli magħha qabbadna persuna biex tagħmel ix-xogħol hi, ħalli min mhux ikkwalifikat jieħu €15,000. Taf kemm huma €15,000? Iktar minn paga minima f'sena! Taf kemm huma? Iktar minn sena pensjoni! Dawk ħa dan il-bniedem li seta' faċilment ingħata impjieg li fih kapaċi u kwalifikat fis-settur stess! Imma ridna nilħqu s-sema'...reaching for the stars! Allura ħa €15,000 ta' xejn! 

Dan huwa wkoll ġudizzju mill-aktar fjakk tal-Ministru Justyne Caruana. Possibbli m'għaddilhiex minn moħħha li din il-biċċa xogħol kienet se ġġibha fl-inkwiet? Possibbli m'għaddilhiex minn moħħha li jekk toħroġ din il-biċċa xogħol - kif ġara - kienet ser issofri ħsara politika kbira? Possibbli ma setgħetx tinduna illi mhux korrett, mhux etika u mhux diċenti li tagħti kuntratt lil xi ħadd, jitħallas u x-xogħol jagħmlu ħaddieħor? Meta taf - għax għaddiet diġà mill-esperjenza - li hawn tant skrutinju, ma setgħetx tobsor x'se jiġri jekk tiffirma dan il-kuntratt? 

Huwa ċar li jew dan huwa każ ta' bluha politika u nuqqas ta' ġudizzju jew inkella każ ta' Ministru li ma tafx x'inhu sew u x'mhux u li għaliha l-etika tajba għaż-żibel! Ħafna Laburisti wrewha x'jaħsbu fuq il-midja soċjali. Jekk Mary, Thomas, Ċikku u Jane kapaċi jaraw x'inhu sew u x'mhux, Ministru mhijiex? 

Dawn x'politiċi huma? Fejn hija d-diċenza? 

U ngħalqu bil-Prim Ministru. Prim Ministru jiddeċiedi - kif hu wara kollox iddeċieda fuq ħafna materji oħrajn. Mhux post Prim Ministru li joqgħod jistenna Ministru tiddeċiedi hi. Il-Ministru qed tiġi investigata  - li juri li l-Pulizija xogħolha qed tagħmlu, forsi b'differenza minn ftit żmien ilu.

La l-Pulizija qed tagħmel xogħolha, allura l-PM għandu jagħmel xogħolu wkoll! 

Dan wara kollox fuq settur daqstant importanti qed nitkellmu, l-edukazzjoni tal-ulied!

Elezzjoni jew le, qatt mhu tard biex Robert Abela jibgħat messaġġ li 'he means business'.  Għandu joqgħod attent li fil-furja tas-surveys ma jinsix jiftakar kemm l-edukazzjoni hija kwistjoni li tista' ttelfu ħafna u ħafna iktar voti mill-ftit tużżani li jista' jitlef jekk jagħmel dak li huwa sew!

More in Politika