Josianne Cutajar | L-importanza tal-Politika tal-Gżejjer

Minkejja li l-insularita’ ġġib magħha diversi sfidi jeżistu wkoll opportunitajiet għall-gżejjer, inkluż dawk relatati mal-ekonomija l-ħadra u blu u dik diġitali

Din il-ġimgħa kienet iddominata minn ħidma relatata mal-politika tal-gżejjer. Fl-ewwel lok, nhar it-Tnejn ipparteċipajt fil-kumitat REGI bħala n-negozjatriċi tas-Soċjalisti, fejn iddiskutejna r-rapport dwar il-gżejjer u l-koeżjoni li qed naħdem fuqu preżentement. 

Il-Ġimgħa imbagħad kelli l-okkażjoni u l-pjaċir li nindirizza konferenza ġewwa l-Università ta’ Bordeaux fi Franza fejn ġiet diskussa l-insularita’ u l-politika tal-Unjoni Ewropea fir-rigward. Bħala persuna li ġejja minn Għawdex, gżira li mhux biss maqtugħa mill-kontinent, imma wkoll mill-gżira ewlenija ta’ pajjiżna, l-insularita’ nafha – u nafha sew. Intant, Għawdex ibati wkoll mill-insularita’ doppja, insularita’ li l-effetti tagħha mhux biss nitkellem dwarhom, imma għexthom b’mod dirett ukoll. 

Minkejja li aħna lkoll Ewropej, tagħmel differenza li tkun tgħix fuq gżira u mhux fl-Ewropa kontinentali. Ibda biex hemm differenza fejn tidħol il-konnettività u fejn jidħol it-trasport tal-prodotti. Il-prezz biex il-merkanzija taqsam il-fruntiera mill-Ġermanja għall-Franza, m’huwiex l-istess bħall-ispejjeż li hemm biex l-istess merkanzija mill-Ġermanja tiġi Malta, u dan għaldaqstant ifisser anke differenza fil-prezzijiet tagħna li ma jkunux l-istess bħal tal-kontinent. 

In vista ta’ dan hu importanti li jkun hemm aktar flessibilita’ mal-gżejjer tagħna. Nitolbu aktar flessibilta’ mhux għax nippretendu li d-dinja ddur magħna, imma għax il-bżonnijiet u s-sitwazzjoni partikolari tal-gżejjer, jesiġu din il-flessibilita’. Fi żminijiet fejn l-industriji u n-negozji qegħdin jaffaċċjaw prezzijiet ogħla, spejjeż ta’ importazzjoni li qegħdin jogħlew, u anke sfidi oħrajn, ma nistgħux naċċettaw li nħallu l-forzi ekonomiċi naturali jimpattaw lin-nies tagħna b’mod sproporzjonat. 

Huwa għalhekk li f’ċirkostanzi bħal dawn, l-istat għandu jkollu l-flessibilita’ li jidħol jikkoreġi n-nuqqasijiet tas-suq inkluż b’sussidji, ħalli jaċċerta li l-benesseri ekonomiku jibqa’ jkattar il-ġid. Biex dan iseħħ b’mod effettiv, hemm bżonn ta’ flessibilita’ estiża għall-gżejjer anke fejn tidħol l-għajnuna tal-istat. Għal gżejjer bħal Malta u Għawdex li jinsabu fi żvantaġġ ġeografiku permanenti, regoli flessibbli u assistenza oħra jgħinu sabiex nindirizzaw l-effetti ta’ dan l-iżvantaġġ. Nerġa’ nfakkar li dan mhux biex nieħdu xi vantaġġ minn fuq pajjiżi u reġjuni oħra Ewropej, iżda biex l-iżvantaġġ li jaffettwa lilna nikkoreġuh. 

Intant, ġewwa Bordeaux tkellimt ukoll fuq il-fatt li approċċ ta’ one-size-fits-all hu wieħed perikoluż. Ibda biex l-insularita’ ma taffettwax il-gżejjer kollha bl-istess mod, u allura rridu nħarsu lejn iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull gżira u reġjun qabel ma nindirizzaw l-insularita’ b’miżuri li jaf jispiċċaw ikunu ineffettivi. 

Mod wieħed kif dan jista’ jsir huwa permezz tal-kunċett ta’ Island Mainstreaming, li jfisser li qabel kull politika u liġi li tidħol fis-seħħ, naraw li nkunu nistgħu nantiċipaw kif ser timpatta lill-gżejjer tagħna. Fl-Unjoni Ewropea, dan il-proċess diġà qed isir fejn jidħlu dawk il-gżejjer li huma kunsidrati bħala reġjuni remoti; imma dan mhuwiex biżżejjed għax il-gżejjer Ewropej li mhumiex meqjusa bħala tali wkoll għandhom il-bżonnijiet partikolari tagħhom. L-idea hija waħda sempliċi: bħal meta qabel isir proġett, nagħmlu dak li ngħidulu l-Impact Assessment, fejn naraw x’effett ser ikun qed iħalli l-proġett fuq il-lokal fejn se jsir, per eżempju, hekk ukoll għandna naraw li jkun hemm Island Mainstreaming, ħalli naraw miżuri ġodda x’effetti jkollhom fuq il-gżejjer tagħna. 

Nagħlaq billi nfakkar li minkejja li l-insularita’ ġġib magħha diversi sfidi - sfidi li rridu nindirizzaw - jeżistu wkoll opportunitajiet għall-gżejjer, inkluż dawk relatati mal-ekonomija l-ħadra u blu u dik diġitali. Għaldaqstant politika tal-gżejjer effettiva tfisser rikonoxximent tal-isfidi u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gżejjer differenti u għajnuna biex jegħlbu l-iżvantaġġi, imma wkoll assistenza biex jagħrfu u jilħqu l-potenzjal tagħhom fir-rigward tal-opportunitajiet, inkluż fil-qalbiet ambjentali u diġitali li rridu nagħmlu. 

F’dan l-ambitu se nkompli naħdem sabiex fl-Unjoni Ewropea jkollna politika ferm aktar effettiva u xierqa fejn jidħlu l-gżejjer Ewropej. Nemmen li wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea tasal għal Patt Ġdid mal-gżejjer tagħha. 

More in Politika