Editorjal | Is-soluzzjoni għal soċjetà aħjar tinsab madwarna diġà!

Is-soċjetà hija dik li nagħmluha aħna - jekk saret aktar individwalista - għax għamilniha aħna hekk! Mela aħna rridu nbiddlu, mhux nistennew lil xi ħadd ieħor!

Dan l-aħħar smajna ħafna affarijiet li xxukkjawna u li qajmu diskussjoni fuq il-midja soċjali, fid-djar u fit-toroq tagħna. Nistgħu mmorru lura ħafna snin, għaliex il-mibgħeda u l-egoiżmu u r-rgħiba mhumiex fatturi tal-lum, huma fatturi ta' dejjem. Il-flus minn dejjem għamlu bin-nies, sa għandna l-istorja bibblika ta' Kristu stess mibjugħ għall-flus. Il-mibgħeda mhux illum bdiet - dan pajjiż li mhux wisq snin ilu kien mifrud u mifni fi vjolenza u mibgħeda politika li ħalliet tnejn minn nies mejta - Raymond Caruana li kien qed jgħix ħajtu b'mod normali u inqatel waqt li kien qiegħed ġo każin. Filwaqt li kien hemm il-qtil ukoll ta' Karin Grech - tifla innoċenti, li mietet għax fetħet ittra li kienet indirizzata lejn missierha.

Iktar riċenti ġurnalista u omm tbiċċret mal-qawwa ta' karozza bomba għaliex kienet saret wisq ta' theddida għal min ried jisraq u jfotti fil-kwiet u l-paċi! 

Pero' rajna wkoll il-qtil ta' Lassane Cisse, qtil razzjali ta' bniedem li sempliċiment kien miexi mat-trejqa fil-kampanja lejn Ħal Far u fl-aħħar ġimgħat rajna nies jiddieħku u jinkoraġġixxu raġel jaqbeż minn fuq sur. 

Ejja nagħmluha ċara: Dawk li qatlu lil Raymond Caruana, lil Karin Grech, lil Daphne Caruana Galizia u lil Lassane Cisse ma jirrapreżentawx lill-maġġoranza tal-Maltin, imma jirrapreżentaw is-soċjetà li konna qed ngħixu fiha - soċjetà mifruda politikament u soċjetà li ħalliet l-migħeda kontra ħutna b'karnaġġjon differenti terfa' rasha - speċjalment permezz tal-midja soċjali - għal-livelli li huma inkwetanti ferm.  

Kif se niġġieldu din il-mentalità ta' minoranza li qegħda dejjem tikber? Kif se naċċertaw li ma nħallux aktar il-mibgħeda terfa' rasha? 

Dan l-editorjal jemmen li r-risposta tinsab madwarna, fl-għaqdiet volontarji li qed jaħdmu bla waqfien mhux biss biex jagħmlu ħajjet nies vulnerabbli jew tfal aħjar imma li b'azzjoniethom qed jgħallmu l-valuri kruċjali li huma l-unika risposta għal-individwaliżmu sfrenat u għall-mibgħeda mperrċa fil-pubbliku, qisu xejn mhu xejn. 

Għaqdiet li jagħmlu ġid kbir fost l-ulied: L-Iscouts u Girl Guides, il-MUSEUM, il-Youth Centres, in-Nurseries tal-futbol u ta' sports oħrajn. Mhux ġid fiżiku u spiritwali biss imma ġid soċjali wkoll! Għaliex jgħallmu l-valur tar-rispett lejn għajrek, anke jekk huwa differenti! Il-valur li kienu jgħallmuna l-MUSEUM, li waqt xi outing kienu dejjem jgħidulna 'ħu gost imma tweġġa' li ħadd'. Kemm hu sabiħ li tgħix ħajtek tfittex li tagħmel il-ġid, mhux li tweġġa' u xxerred l-odju! Kieku s-soċjetà kollha taħseb hekk ma narawx il-ħdura li naraw fuq Facebook u forsi ma konniex naraw qtil razzjali jew ħaddiem li jitħalla - agħar minn annimal - mitfugħ fuq bankina muġugħ! F'pajjiż fejn kważi 90% tal-poplu jgħid li huwa Kattoliku, tajjeb infakkru li l-aktar messaġġ importanti ta' din ir-reliġjon mhuwiex lil min se niġġudikaw, jew lil min se nheddu bl-Infern jew lil min se nikkundannaw - kif sfortunatament tant għamlet snin tinħela tagħmel il-Knisja Kattolika - imma kemm se nħobbu lil dak ta' ħdejna, bħalna nfusna. Hux dak ta' ħdejna Malti, Afrikan, Musulman jew Buddist - mhux importanti! 

In-nurseries tal-Isport li jgħallmu d-dixxiplina u r-rispett lejn l-awtorità! Id-dixxiplina tagħmlek ħaddiem tajjeb u ħaddiema ddixxiplinati u onesti jwasslu għal ekonomija aktar b'saħħitha. Kieku konna poplu aktar iddixxiplinat kieku jkollna pajjiż aktar effiċjenti, pajjiż aktar nadif, poplu li jirrispetta aktar l-ispazji miftuħa ta' madwarna u poplu li jfittex aktar ir-rispett meta jibni, meta jiddeverti, meta jmur fil-kampanja, meta jsuq u aktar!  

L-iscouts u l-Girlguides li jgħallmu wkoll id-dixxiplina u anke s-sens ta' ħidma f'tim, li flimkien tista' tibni xi ħaġa ta' ġid għalik u għat-tim li qed taħdem fih. Li waħdek b'saħħtek, imma f'tim b'saħħtek ħafna aktar! Kieku llum aħna inqas individwalisti, inqas naħsbu sal-ponta ta' mneħirna biss!

Nagħmlu ħafna riklami fuq l-ambent u kif nirrispettawh, ħafna riklami biex jgħidulna kemm għandna ġid u kif għandna nonfqu flusna. Riklami dwar kif għandna nieħdu ħsieb lilna nfusna u kif inżejnu lil djarna, fejn għandna mmorru biex nieħdu break u li jħajjruna nixtru dik u l-oħra. 

Ma jkunx tajjeb li f'dan il-konsumeriżmu, kapitaliżmu u individwaliżmu sfrenat - nagħtu l-isbaħ risposta lil dawk li marru jħeġġu lil dak il-proxxmu jaqbeż - billi nirriklamaw il-valur tas-solidarjetà u l-ħniena ma' dawk ta' madwarna? Li nitgħallmu l-kompassjoni - li nifhmu ħaddieħor minn xhiex huwa għaddej u fejn nistgħu noffru l-għajnuna, huwa preġju mhux dgħjufija! Minflok niddieħku bl-isfortuna ta' ħaddieħor u niġġudikaw, nużaw il-midja soċjali biex ngħinu. Mhux inkunu qaddisin - għax qaddis ħadd ma hu. Imma li minflok inġibu l-iskuża li għandna ħafna x'nagħmlu u li mgħaġġlin, nieqfu ftit u naraw min madwarna għandu bżonn spalla, telefonata, parir jew kumpanija. 

Sabiħ li issa li ġej il-Milied niċċelebraw dawn il-valuri - inkluż dak tal-familja, hi kif inhi, magħmula kif inhi magħmula - raġel u mara, raġel u raġel , mara u mara jew single parent! Hi kif inhi, l-għożża tal-familja hija l-akbar ilqugħ soċjali li għandu l-pajjiż, għax ifisser li ħafna nies illi kieku qed jgħixu f'faqar assolut u abbandun illum qed isibu tilqgħalhom il-familja! U ejja ma naċċettawx lil min għadu jrid jikklassifika lill-familji u l-imħabba, ll min  għad irid jgħallem li hemm familji tal-first tier u dawk tas-second, lil min għadu jogħxa jiddiskrimina! Dawk huma forzi negattivi  - li jafu illi żmienhom spiċċa -  li kaġun tagħhom din is-soċjetà baqgħet mifruda u preġudikata!

Pero' kemm hu isbaħ li dawn il-valuri ninkoraġġuhom bħala soċjetà, dejjem mhux f'Diċembru biss. Li jkollok il-prinċipji, li tkun kapaċi tħobb u tagħder, li tkun kapaċi tagħmel is-sagrifiċċji għal uliedek u għal familtek, li tkun kapaċi tgħin lil proxxmu u titkellem f'ismu, anke meta huwa immigrant jew priġunier - huwa unur!

Ejja nibdew ninfatmu mis-superfiċjalità tal-midja soċjali li ġabitna skjavi tal-likes u bullies ma' min huwa vulnerabbli, differenti jew f'minoranza! Ejja ninfatmu mis-superfiċjalità ta' min ma għandu xejn x'joffri għajr mibgħeda jew apparenza u nerġgħu nibdew napprezzaw il-ġenwinità, l-onestà u s-sens ta' sagrifiċċju. 

Inutli nirrabjaw u ngergru u ngħidu "kif sirna" jekk ma aħniex lesti inkunu aħna li fiċ-ċokon tagħna nibdew it-triq tal-bidla! 

Is-soċjetà hija dik li nagħmluha aħna - jekk saret aktar individwalista - għax għamilniha aħna hekk! Mela aħna rridu nbiddlu, mhux nistennew lil xi ħadd ieħor!

More in Politika