Editorjal | Min ma għandux faħam miblul imur b'sidru ppuppat jirrispondi!

Konrad Mizzi, għal erba' darbiet - daqqa bi skuża u daqqa b'oħra ddeċieda li ma jidhirx quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex iwieġeb mistoqsijiet dwar il-proġett tal-Electrogas

Konrad Mizzi
Konrad Mizzi

Min jaf li qiegħed fis-sew, min jaf li l-affarijiet għamilhom sew u kif suppost, min jaf li fl-intenzjonijiet tiegħu dejjem kien ġenwin, min jaf li l-assi tal-poplu dejjem trattahom b'sensittività liema bħalha u rispett assolut lejn min iħallas it-taxxi, ma jiddejjaqx jaffronta sidru u jwieġeb il-mistoqsijiet.  

Dan mhuwiex dak li għamel l-eks Ministru Konrad Mizzi - li nfakkru lil dawk li għalihom qisu xi Alla u l-akbar Laburist li hawn Malta - illi dan mhux irriżenja, imma tkeċċa mill-Partit Laburista b'vot prattikament unanimu mill-Eżekuttiv. Jiġifieri l-akbar konferma li dan ma kienx qed jagħmel l-affarijiet sew, mhux mill-midja ġiet, jew mill-PN jew minn Repubblika imma mill-Partit Laburista innifsu li remieh u keċċieh! 

Mela hekk neħħejna minn nofs l-argumenti ta' "għax għira", "għax Laburist", "għax miskin", "għax il-PN ma għandhomx wieħed bħalu" u argumenti oħrajn simili.  

Li ġġibna għat-tieni punt. Konrad Mizzi, għal erba' darbiet - daqqa bi skuża u daqqa b'oħra ddeċieda li ma jidhirx quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex iwieġeb mistoqsijiet dwar il-proġett tal-Electrogas. U l-ewwel qal li dan il-Kumitat kien se jagħmel attakk fuq il-proġett - bħalikieku proġett li Direttur tiegħu huwa l-persuna akkużata bil-qtil ta' ġurnalista kellu bżonn lill-PAC biex ikun f'dell ikrah! Imbagħad qal li sejjer imma marx għax ma jistax l-avukat u issa qal li jixtieq imma se jkun imsiefer u suppost se jidher nhar il-Erbgħa!  

Konrad Mizzi jeħtieġ iddaħħalha f'rasu li l-Power Station mhijiex tiegħu, imma tal-poplu. Bħalma l-ispatrijiet San Luqa, Karin Grech u dak Ġenerali ta' Għawdex ukoll ma kinux tiegħu imma tal-poplu. U Ministru mhux qiegħed hemm biex jagħmel in-negozju mill-assi tal-poplu imma biex jieħu ħsiebhom, imantnihom u jara li dawn jagħtu l-valur għall-flus lill-poplu! Il-Ministru jrid iwieġeb ta' għemilu, meta dak l-għemil jimpatta l-assi pubbliċi - jiġifieri tiegħek, ta' uliedek u ta' ulied, uliedek. U l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż għandha jkollha s-saħħa li tara illi Ministru jew eks Ministru jwieġeb ta' għemilu, mhux joqgħod jilgħab noli.  

Żmien il-logħob għadda issa! Konrad Mizzi għandu jidher u jwieġeb ta' għemilu quddiem il-Parlament fejn qiegħed grazzi għal dawk in-nies li tagħhom huma l-assi tal-pajjiż li nnegozja hu. La hu u lanqas ebda politku mhu 'l fuq mill-iskrutinju Parlamentari, anke jekk jaħseb li huwa innoċenti!  

Wara kollox, jekk huwa verament innoċenti daqs kemm jgħid li hu, mhux talli għandu jidher, talli għandu jidher quddiem dan il-Kumitat mingħajr biża', bil-fatti u l-provi! U mhux dal-ħafna logħob - li ma jammonta għal xejn ħlief għal diżrispett assolut lejn il-Parlament.  

Minn naħa tagħhom il-membri tal-Gvern fuq dan il-Kumitat ma tantx qed jagħmlu ġieħ lilhom infushom joqgħodu jibżgħu jikkritiktaw il-fatt li Mizzi għal darba, tnejn, tlieta, erbgħa ddeċieda li ma jidhirx quddiem dan il-Kumitat! Għax wara kollox id-diżrispett lejhom ukoll qed jurih!  

Jekk din il-ġimgħa Konrad Mizzi ma jidhirx quddiem il-Kumitat jew inkella jekk jidher imma jirrifjuta li jwieġeb għandu jiġi ċċensurat mill-Parlament kollu. Inkella se jinħoloq preċedent li Deputat jew xi ħadd jista' ma jmurx għal dan il-Kumitat jew inkella joqgħod juża l-legaliżmi biex ma jweġibx.  

Min ma għandux il-faħam miblul, juri wiċċu u jirrispondi mhux joqgħod iġib l-iskużi u ninħbew wara l-avukati u s-safar!  

Nistennew b'ħerqa biex naraw Konrad Mizzi kif se jwieġeb dwar il-mod li bih mexxa l-proprjetà tal-poplu u jekk minn din il-proprjetà kienx hemm min daħħal jew kien se jdaħħal il-belli ewri u kienx hemm min għax beża' li se jinkixef qatel ġurnalista! 

More in Politika