Editorjal | Sab ir-ruħ soċjali ... issa hemm bżonn ta' sinsla fl-ambjent!

Dan kien baġit tajjeb, kien injezzjoni ta' ottimiżmu wara pandemija ta' negattiviżmu! Imma sfidi u problemi għad hemm u ġejjin aktar! 

Il-Baġit ta' din il-ġimgħa kien wieħed li bl-aktar mod ċar wieżen l-aktar lill-pensjonanti u dawk bi dħul baxx, kif wara kollox baġit b'ruħ soċjali għandu jkun. Dan l-editorjal jinnota li fil-Baġit kien hemm diversi miżuri soċjali pożittivi, mhux l-inqas iż-żieda fil-pensjoni għall-pensjonanti kollha u anke ż-żieda fil-pensjonijiet għar-romol, żieda fl-għotja lil dawk li jieħdu ħsieb anzjani fi djarhom, żied fl-għajnuna supplimentari, żieda fl-għotja lil dawk l-anzjani li ma ħallsux biżżejjed bolla u anke mediċini b'xejn lil dawk kollha ta' 80 sena u aktar. Dawn huma lkoll miżuri li jwieżnu lill-aktar sezzjoni vulnerabbli tas-soċjetà, l-anzjani. Vulnerabbli f'termini ta' saħħa u anke finanzjarjament. Għalhekk kull miżura li tagħmel il-ħajja tal-anzjani u l-pensjonanti aħjar ma tistax ħlief tiġi mfaħħra. 

Kif inhi pożittiva ħafna l-lista twila ta' mediċini li se jibdew jingħataw mingħajr ħlas, fosthom għal dawk li għandhom il-kundizzjoni tal-Fibromijalġja! Hawnhekk qed nitkellmu fuq mediċini li jiswew mijiet u eluf fis-sena u allura dan żgur li kien pass 'il quddiem għal Malta aktar soċjali. 

Dan l-editorjal iħoss li pożittivi wkoll hemm il-miżuri relatati mar-restawr ta' proprjetajiet f'żoni ta' konservazzjoni, kif huma l-estensjonijiet tal-iskemi tal-First u Second Time Buyers - li permezz tagħhom żgħażagħ qed jiffrankaw eluf f'bolla, li ġeneralment imorru għat-titjib tad-dar tagħhom stess. Ma' dawn jingħaqdu ż-żieda fl-allowance għal persuni b'diżabilità kif ukoll żieda fil-bonus f'każ ta' adozzjoni.

Hemm elenku ta' miżuri fiskali oħrajn li l-għan tagħhom huwa b'mod ċar li jiġġeneraw aktar flus fil-but u allura jdawwru aktar r-rota ekonomika tal-pajjiż, li parti sew minnha trid iddur permez tal-konsum privat ġġenerat mill-poplu u anke mit-turisti. 

Kollox ma' kollox dan kien baġit pożittiv, li jwieżen l-aktar lil min l-aktar jeħtieġ - li wara kollox għandha tkun il-missjoni ta' kwalunkwe Gvern Soċjalista. Jiġifieri f'termini ideoloġiċi, dan il-baġit juri li l-Gvern preżenti minn dan il-lat miexi (jew reġa' qabad miexi!) fit-triq it-tajba. 

Iżda tajjeb kemm hu tajjeb il-Baġit fuq ċerti setturi l-ġudizzju finali għad irid isir. Tajjeb li nisimgħu dwar inċentivi biex aktar nies jixtru karozzi elettriċi, tajjeb li nisimgħu bi pjani biex żoni jsiru "Buskett ġdid" - iżda qabel il-futur, ejja nieħdu ħsieb il-preżent. Nieħdu ħsieb innadfu pajjiżna, nilqgħu għall-isfida tal-iskart billi l-Gvern jieħu pożizzjoni iebsa fuq is-separazzjoni tal-iskart biex dan isir obbligatorju u punibbli bil-liġi għal dawk li ma josservawx! Kellna biżżejjed żmien biex nitgħallmu issa! Hemm bżonn li fejn meħtieġ titjieb is-sistema tal-ġbir tal-iskart ukoll. Huwa ċar li hemm dejjem iktar rieda biex inħawwlu s-siġar - din ir-rieda għandha titrippla - u magħha wkoll il-ħarsien tas-siġar li qed inħawlu (mhux inħawlu 10 u jinfxu ħamsa). Il-Gvern għandu jrabbi sinsla u jagħmilha ċara li applikazzjonijiet fuq art ODZ lanqas biss għandhom jidħlu - u jekk jidħlu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar jaqgħu mill-ewwel, ma hemmx tidwir u skużi! 

U l-bdiewa, se jħallihom il-Gvern jitkeċċew mill-artijiet li ilhom jaħdmu u jikkuraw snin u li minnha kienu joffru l-prodott Malti, biex minflok taqa' f'idejn min irid jiżviluppaha? Nittamaw illi kif il-Gvern sab l-għajnuna u wera' r-rieda li jindirizza l-kirjiet antiki u jagħti protezzjoni lil madwar 10,000 persuna - l-aktar anzjani - u kif sab mod biex jgħin soċjetajiet tal-banda fi proprjetajiet privati mikrija, issa jsib ħin u r-rieda biex jgħin lill-bidwi - l-għassies u l-protettur ta' artna! Tal-prodott tagħna!

21% tal-poplu iħoss li l-ambjent huwa l-akbar priorità bħalissa skont l-aħħar sondaġġ fq il-gazzetta Maltatoday - ħafna aktar mill-korruzzjoni! 21% tal-poplu ma jistax ikun qed jimmaġina, ma tistax tkun biss perċezzjoni biss din. 21% tal-poplu mumiex kollha tree-huggers u "moħħhom fil-gremxul" imma huma ċittadini ġenwinament imħassba għax verament iħobbu lil Malta! Għax, le, ma jridux Malta Dubaj fil-Mediterran u ma jriduhiex ġungla tal-konkrit - iridu l-arja nadifa, iridu postijiet fejn igawdu u jaħarbu u jirrilassaw 'il bogħod mill-ġenn u l-frattarija! 

Tħabbret ukoll miżura ta' trasport pubbliku b'xejn. Miżura tajba, li se tiffranka ħafna flus lil ħafna nies, b'għan nobbli. Imma dak l-għan se jintlaħaq? Ċerti li għax tkun b'xejn in-nies se jħallu l-karozza fil-garaxx u jaqbdu tal-linja? Mela, l-problema qatt kienet il-prezz (75ċ għal sagħtejn)? Il-problema nafu x'inhi - u hemm bżonn soluzzjonijiet fit-tul fit-trasport! 

Imbagħad hemm il-fatt li Malta qegħda fil-Lista l-Griża tal-FATF. Imma dik teħtieġ editorjal sħiħ għaliha ...

Dan kien baġit tajjeb, kien injezzjoni ta' ottimiżmu wara pandemija ta' negattiviżmu! Imma sfidi u problemi għad hemm u ġejjin aktar! 

More in Politika