Josianne Cutajar | Nieħdu l-Ewropa għand iċ-ċittadini, u ċ-ċittadini għand l-Ewropa

Ma jistax ikun li aktar ma’ jgħaddi ż-żmien nibqgħu immorru biss fil-Bliet għall-konsultazzjoni. In-nies ta' Għawdex, tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta, u tan-naħa ta’ fuq, ukoll jistħoqilhom li jkollhom opportunita’ li jsemmgħu leħinhom, u dan irridu naraw li niffaċilitawh.

Huma ħafna dawk li jisimgħu bil-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħna. Biss pero’, issib nies li meta jiġu mistoqsijin x’tagħmel l-Unjoni għalihom, kif taffetwom fil-ħajja ta’ kuljum, jeħlu. Jeħlu, mhux għaliex ma tagħmilx differenza, imma għaliex ix-xogħol u l-bidliet li ġġib magħha l-Unjoni ħafna drabi jittieħdu bħal xi ħaġa ovvja – li m’humiex. Naturalment, biex dan il-punt jiġi indirizzat bl-aktar mod komprensiv, irridu naraw li l-Ewropa ma tistenniex li ċ-ċittadini jiġu għandha, imma tmur hi għandhom, fiż-żoni fejn jgħixu, biex tirbaħ is-sapport tagħhom.

Il-ġimgħa li għaddiet, hekk għamilna bħala Soċjalisti Ewropej. Wara assenza ta’ sentejn minn laqgħat fiżiċi, iddeċidejna li niġu Malta għal-laqgħa ta’ Settembru, laqgħa li kien fiha wkoll interazzjoni mal-Maltin u s-soċjeta’ ċivili Maltija. Il-fatt li minn 27 stat membru tal-Unjoni, id-deċiżjoni waqgħet fuq Malta, huwa fatt li jitkellem waħdu fuq il-fiduċja li jgawdi pajjiżna mis-Soċjalisti Ewropej: imma dik diskussjoni għal darb ‘oħra.

Id-diskussjoni tal-lum tikkonċerna kif nistgħu ninvolvu aktar nies. Irrid ngħid li f’dibattitu li kellna fuq il-Futur tal-Ewropa, flimkien mal-Ministru Carmelo Abela, kelli l-okkażjoni nisma’ l-veduti ta’ Jacob Callus, Rebecca Xuereb, u Jeanfred Agius: tlett żgħażagħ li ġejjin minn organizzazzjonijiet differenti. Kollha kellhom interventi tajbin, u kollha semmew punti validi mmens.

Fost dawn il-punti pereżempju kien hemm il-fatt li meta nitkellmu fuq żgħażagħ b’diżabbilta’, irridu nitkellmu mhux biss bil-kliem, imma wkoll bl-azzjoni. Iva, irridu naraw Unjoni Ewropea li toffri aktar aċċessibilta’, u mhux biss li tikkonsulta. Punt ieħor li qam kien il-fatt li rridu nżommu f’moħħna wkoll il-fatt li l-Unjoni Ewropea hija ta’ kulħadd, u mhux ta’ min jgħix fl-aktar pajjiżi b’saħħithom u potenti biss. Min jgħix fil-periferija, u fiż-żoni l-aktar rurali tal-Unjoni, għandu jkollu d-dritt li jsemma leħnu daqs dawk li jgħixu Brussell, Pariġi u Berlin.

Ma jistax ikun li aktar ma’ jgħaddi ż-żmien nibqgħu immorru biss fil-Bliet għall-konsultazzjoni. In-nies ta' Għawdex, tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta, u tan-naħa ta’ fuq, ukoll jistħoqilhom li jkollhom opportunita’ li jsemmgħu leħinhom, u dan irridu naraw li niffaċilitawh.

Hekk pruvajt nagħmel jien il-ġimgħa li għaddiet meta fuq inizjattiva personali tiegħi organizzajt l-avveniment “Europe Meets Gozo”, fejn kien hemm diversi Membri Parlamentari Ewropej minn madwar l-Ewropa kollha li ltaqgħu ma’ diversi stakeholders Għawdxin. Kien pjaċir tiegħi li f’din id-diskussjoni, ħarġu diversi punti saljenti, fosthom pereżempju l-fatt li għandu jkun hemm hekk imsejħa “Gozo Declaration” fejn tkompli l-kollaborazzjoni bejn il-partijiet kollha f’dan ir-rigward.

Żgħażagħ fi Strasburgu

Apparti pero’ kif diġà spjegajt, irridu mmorru aħna għand iċ-ċittadini, daqstant ieħor irridu naraw li huma wkoll ikollhom l-opportunita’ li jiġu għandna biex ikomplu jifmhu u jiffamiljariżżaw ruħhom ma’ kif taħdem l-Unjoni. Hekk ġara din il-ġimgħa wkoll fi Strasburgu, fejn mijiet ta’ żgħażagħ iltaqgħu għall-European Youth Event li jsir kull sena.

Fuq bażi personali, jiena wkoll ħadt l-okkażżjoni li nagħti ċ-ċans lil għaxar żgħażagħ Maltin li attendew għal dan l-avveniment bl-ispejjeż kollha iffinanzjati. Dawn iż-żgħażagħ Maltin, kollha kemm huma kellhom iċ-ċans jiltaqgħu ma’ żgħażagħ oħrajn Ewropej u jiddiskutu d-direzzjoni preżenti u futura tal-Unjoni: xi ħaġa li trid tkompli ssir jekk irridu nkomplu nibnu identita’ Ewropea permezz ta’ aktar interazzjoni.

Min-naħa tiegħi, ser inkompli naħdem biex nassigura li l-Ewropa verament tasal għand iċ-ċittadini. Dan ser inkompli nagħmlu kemm billi nara li diversi konsultazzjonijiet isiru f’kull raħal u belt f’Malta u Għawdex, imma wkoll billi nara li ħafna aktar nies, b’mod speċjali ż-żgħażagħ, ikollhom l-opportunita’ li jesperjenzaw l-Unjoni Ewropea billi jżuru l-istituzzjonijiet.Nemmen bis-sħiħ li x-xogħol siewi li qed isir fl-istituzzjonijiet huwa wieħed imprezzabbli. Biss pero’, irridu naċċertaw ukoll li l-messaġġ jasal, u jasal sew. Fuq din tal-aħħar fadal ħafna xi jsir, u ninsab ħerqana ferm biex inkompli naħdem u nwassal il-messaġ fir-rigward.

More in Politika