Baġit 2022 | 'Dan hu l-aktar baġit b’miżuri soċjali li qatt sar f'pajjiżna' - Abela

Id-Deputat PM Chris Fearne jiddeskrivi dak tal-lejla bħala 'good news budget'

Il-PM Robert Abela jindirizza l-Konferenza tal-Aħbarijiet quddiem Kastilja
Il-PM Robert Abela jindirizza l-Konferenza tal-Aħbarijiet quddiem Kastilja

“Dan il-baġit jirrifletti l-prijoritajiet ta’ dan il-Gvern u tan-nies,” hekk beda l-indirizz tiegħu l-Prim Ministru, Robert Abela. Ftit mumenti wara l-baġit 2022, il-Prim Ministru jirrifletti fuq kif jgħid li dan huwa l-aktar baġit b’miżuri soċjali fl-istorja ta’ pajjiżna. Jemmen bi sħiħ li dan huwa riżultat ta’ ħidma konġunta bejn il-poplu u l-Gvern, għal għan komuni, li rridu Malta aħjar għal uliedna.

“Il-progress m’għandux jiġi mkejjel bil-prodott gross domestiku biss imma wkoll fuq kemm imorru tajjeb dawk l-aktar fil-bżonn,” spjega Abela. Filwaqt li spjega li minkejja li l-baġit preċedenti kien wieħed b’numru kbir ta’ miżuri soċjali wkoll, il-baġit 2022 se jkun ta’ frott għax seta' jibni fuq it-tajjeb u jagħti aktar lin-nies. 

Huwa żied jgħid li wara dawn l-aħħar xhur, il-pandemija affetwat lil pajjiżna minn kull lat inkluż prezz ogħla tad-dawl, ta’ fjuwils u  żieda fit-taxxi. "Fl-aħħar ġimgħat rajna li aħna nkomplu naħdmu bil-galbu biex nipproteġu lin-nies tagħna minn dawn il-piżijiet u llum ressaqna pjan li hu mibni fuq sostenn u fiduċja li joħloq investiment,” spejga Abela. 

Kien proprju hawn fejn il-Prim Ministru aċċenna għal numru ta’ miżuri soċjali li minnhom jgħid li se jibbenefika l-poplu kollu, kemm il-kbir kif ukoll iż-żgħir. Dan jinkludi wkoll, “lil dawk li bnew lil Malta tagħna”, il-pensjonanti. Huwa rrefera għal żieda ta’ €5 fil-gimgħa, 20% inqas f’taxxa kif ukoll €150 fil-bonus annwali għal persuni li laħqu l-età tal-irtirar iżda ma jikkwalifikawx għall-pensjoni. Dan flimkien ma’ €1,000 aktar għal dawk li jieħdu ħsieb l-anzjani fi djarhom.

Il-konferenza quddiem Kastilja
Il-konferenza quddiem Kastilja

Huwa saħaq dwar l-importanza li jisma’ mill-poplu u l-ħtiġijiet tal-gżejjer Maltin u kien għalhekk li l-Gvern introduċa t-trasport pubbliku b’xejn għal kull persuna, ta’ kull età , filwaqt li saru aktar inċentivi u għajnuna finanzjarja biex iħajru lill-poplu jixtru aktar karozzi elettriċi u aktar fost l-oħrajn. 

Minn naħa l-oħra il-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne ikkonkluda li s-sagrifiċċji kollha li l-pajjiż għamel f’dawn l-aħħar xhur bla dubju se jwasslu għal bidla pożittiva. Huwa ddeskriva dan il-baġit bħala 'good news baġit' għaliex issa huwa l-waqt li nikkonċentraw fuq il-futur u dan hu l-mod ta’ kif nistgħu naraw aktar progress. 

More in Politika