Baġit 2022 | 'Joffri diversi benefiċċji iżda ma jindirizzax il-problema tal-paga minima' - ADPD

L-ADPD jisħaq li l-Baġit huwa mimli kontradizzjonijiet fejn fost oħrajn iwiegħed afforestazzjoni u b'id oħra se jieħu bajja biex jagħmel yacht marina

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-Baġit, l-ADPD saħaq li l-Baġit joffri diversi benefiċċji iżda ma jindirizzax direttament il-problema pendenti ta’ paga minima diċenti.

Fi stqarrija, l-APDP tfakkar li l-istudji repetuti tal-Caritas juru li l-paga minima trid tiżdied sostanzjalment biex tkun paga li biha tista’ tgħix b’mod diċenti. Insista li jekk il-Gvern jemmen dak li qed jipprietka għandu jibdel ir-rotta u jara li l-paga minima tkun waħda li tista’ tgħix biha b’mod diċenti.

"Għal darba oħra l-Baġit naqas milli jagħmel dan," kompliet l-istqarrija tal-ADPD

Qalet ukoll li l-Baġit fih numru ta’ kontradizzjonijiet.

“Tajjeb li l-Gvern se jinvesti sewwa fi proġett ta’ afforestazzjoni fl-Inwadar limiti ta’ Marsaskala, ħdejn żona li ftit ilu l-Gvern ried jiżviluppa f’Università. Il-Gvern ġie sfurzat mill-opinjoni pubblika jibdel dawn il-pjanijiet. B’id waħda l-Gvern se jinkoraġixxi l-afforestazzjoni imma mbagħad bl-id l-oħra qed jippjana li jieħu l-bajja ta’ Marsaskala biex jikkonvertiha f’yacht marina," insistiet l-ADPD.

Kompla jisħaq li filwaqt li huwa tajjeb li jkun hemm ippjanat investiment fiż-żoni industrijali, kif isir kull sena, ma jagħmilx sens li art għall-industrija, li hi skarsa tittieħed għat-tlielaq tal-karozzi kif se jiġri Ħal Far.

“Tajjeb li tħabbru diversi miżuri ta’ għajnuna għall-bdiewa, imma allura għax ma ħsibniex fihom ukoll meta ġew ippjanati toroq minn ġo nofs raba li tinħadem f’Ħ’Attard? Il-bdiewa irridu nagħtu kashom dejjem mhux lejlet l-elezzjoni!”, kompla l-ADPD.

Temm jgħid li filwaqt li jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Ministru li mhux se jittollera tnikkir fil-ħlas tat-taxxi, saħaq li dan għandu jagħti eżempju u jibda mill-kumpaniji tal-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista li għandhom il-miljuni f’arretrati.

More in Politika