Baġit 2022 | Il-UĦM tilqa' l-miżuri soċjali iżda tisħaq li l-Baġit ma jħarisx lejn viżjoni ekonomika fit-tul

Il-UĦM wissiet li ż-żieda ta’ €1.75 fil-ġimgħa ma tirriflettix iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-prodotti essenzjali

Fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-Budget 2022 il-UĦM Voice of the Workers saħqet li dan kien Baġit b’sensiela ta’ miżuri soċjali iżda li fih inqas enfasi fuq il-viżjoni ekonomika fit-tul u ftit li xejn dwar kif se tissewwa r-reputazzjoni ta’ Malta. 

Fost il-miżuri li laqgħet, il-UĦM semmiet l-introduzzjoni tal-portal tal-kuntratti tax-xogħol, anke jekk dan kien imwiegħed fil-Baġit tal-2016. Qalet li dan għandu jkun pass ’il quddiem fil- ġlieda kontra l-prekarjat. 

Fil-qasam ambjentali l-UĦM laqgħet id-deċiżjoni li s-servizz tal-karozzi tal-linja jsir b’xejn għal dawk kollha li għandhom tal-linja card u tfakkar li kienet għamlet din il-proposta sentejn ilu.

Il-Unjin fakkret li kienet hi stess li appellat biex ikun hemm inċentivi ħalli propjetajiet li ilhom battala għal snin twal ikunu rijabilitati. 

“L-union tesprimi wkoll sodisfazzjon li proposta li kienet għamlet għall-Baġit tal- 2017 – dik li numru ikbar ta’ familji igawdu mill-in-work benefit – se titwettaq. Tilqa’ wkoll il-proposti dwar it-tnaqqis tat-taxxa fuq xogħol part-time li se tonqos minn 15% għal 10%, it-tnaqqis tat-taxxa fuq l-overtime, u ħlas doppju fil-Ħdud għall-ħaddiema tal-kuntrattur li jaħdmu f’entitajiet tal-Gvern,” kompliet l-istqarrija.

Mill-banda l-oħra, il-UĦM esprimiet id-diżappunt tagħha kif għal sena oħra l-Gvern reġa’ żied in-nefqa lil Steward li minn €50 miljun fl-2021 telgħet għal €70 miljun fl-2022 u li din in-nefqa li ma tinkludix il-pagi tal-ħaddiema. 

Qalet ukoll li d-diskors tal-Budget “kien fjakk” f’dak li għandu x’jaqsam mal-viżjoni tal-Gvern biex jattira setturi ekonomiċi ġodda lejn Malta li ma jiddependux fuq l-importazzjoni ta’ ħaddiema u pagi baxxi. 

“Il-UĦM tinsab imħassba li l-Budget fih dipendenza qawwija fuq il-konsum u fuq l-investiment mill-Gvern stess. Dan fl-isfond tal-fatt li l-ekonomija jeħtieġ tiddiversifika biex ma tibqax tiddependi daqshekk fuq is-settur tal-kostruzzjoni,” kompliet tisħaq il-Unjin.

Dwar l-għoli tal-ħajja il-UĦM twissi li ż-żieda ta’ €1.75 fil-ġimgħa ma tirriflettix iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-prodotti essenzjali. Għalhekk qed tappella lill-Gvern biex filwaqt li jibda kemm jista’ jkun malajr id-diskussjonijiet dwar mekkaniżmu ġdid għal dawk bi qligħ baxx, jibda l-proċess ukoll biex tkun riveduta l-COLA biex verament ħadd ma jibqa’ lura. 

Dwar il-pensjonanti, il-UĦM laqgħet iż-żidiet imħabbra fil-Budget kif ukoll il-bidu ta’ proċess li se jwassal biex fuq medda ta’ ħames snin, min laħaq l-età tal-irtirar u baqa’ jaħdem ikollu komputazzjoni tat-taxxa separata għad-dħul li ġej minn dan ix-xogħol. 

“B’mod ġenerali l-UĦM Voice of the Workers tħoss li dan il-Budget qed jagħmel enfasi fuq miżuri soċjali imma kienet tistenna impenn akbar fuq il-pjan tal-Gvern biex il-pajjiż se joħroġ mil-lista l-griża u tissewwa r-reputazzjoni ta’ Malta,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika