Baġit 2022 | 'Baġit li jħalli aktar flus fil-bwiet imma ma jindirizzax l-impatt tal-lista l-griża'

Il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji bl-ewwel reazzjoni tagħha għall-Baġit 2022

Il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji qalet li l-Baġit li għadu kemm ippreżenta l-Gvern iħalli aktar flus fil-bwiet tan-nies, jinkoraġixxi x-xogħol u l-investiment iżda fl-istess waqt jinjora l-effetti negattivi tal-lista l-griża fuq in-negozji.

Il-Kamra qalet dan fl-ewwel stqarrija tagħha b’reazzjoni għall-baġit. Innutat li l-Gvern jindirizza l-kriżi tal-ħaddiema li diversi negozji u setturi qed jiffaċċjaw.

Qalet ukoll li l-Baġit jirrikonoxxi li n-negozji għad għandhom bżonn l-għajnuna biex ikomplu jirkupraw wara l-pandemija billi jintroduċi diversi miżuri li se jkunu qed jassistuhom.

Faħħret ukoll diversi miżuri li l-għan tagħhom huwa li jagħmlu lil Malta aktar nadifa u aktar attraenti kemm għall-Maltin u t-turisti. Fi kliemha, ħafna mill-inċentivi huma frott id-diskussjoni tal-Gvern mal-Kamra.

Fost oħrajn, laqgħet il-fatt li l-Gvern introduċa proposta biex jgħin lin-negozji milquta mill-ispejjeż internazzjonali tat-trasport u dan billi jissussidja l-kera fuq faċilitajiet tal-ħażna.

Dwar il-lista l-griża, il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji qalet li l-Baġit ifalli milli jindirizza l-impatt negattiv li dan jista’ jkollu fuq l-ekonomija tal-pajjiż.

Fakkret li fid-diskussjonijiet tagħha mal-Gvern, il-Kamra insistiet li l-Gvern għandu jgħin biex negozji żgħar ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ spejjeż żejda li instituzzjonijiet finanzjarji u regolatorji qed jimponu fuqhom.

“Negozji qed ikunu kkastigati kuljum u dan mhuwiex aċċettabbli,” insistiet il-Kamra waqt li temmet tgħid li l-impatt tal-lista l-griża ma għandhomx jerfgħuh in-negozji.

More in Politika