Saviour Grech | Il-volontarjat f'Għawdex - Imsieħeb ewlieni għall-iżvilupp futur u sostenibbli ta' Għawdex

B’wiċċi minn quddiem nsostni li s-settur tal-volontarjat u dak tal-NGOs Għawdxin huma u naħseb li ser jibqgħu, jekk naturalment jibqgħu jirċievu s-sosstenn meħtieġ, imsieħba ewlenin biex jiġu milħuqa l-għanjiet elenkati mill-istess Ministru jiġifieri żvilupp li jkun integrat mas-sostenniblità ambjentali u agenda soċjali kif ukoll li dak li għandu jsir isir b’mod li jinagħata ‘value for money’

Bħalissa madwar il-pajjiż  għaddej proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-estimi finanzjari (baġit) għas-sena 2022. Kif jaf kulħadd il-baġit annwali huwa, forsi l-iktar għodda importanti li pajjiż (stat sovran) għandu biex jkun jista’ jirregola l-ħidma tiegħu.  Għodda, li l-kostituzzjoni tpoġġi f’idejn il-gvern tal-ġurnata biex permezz tagħha  flimkien l-gvern jkun jista’ jwettaq l-ħidma tiegħu u jimplmenta l-programm politiku tiegħu.  Programm li jkun qed jitwettaq fil-framework ta’ programm elettorali li wara kollox jkun kiseb il-kunsens tal-poplu permezz tal-elezzjoni ġenerali.

Kif drajna illum dan l-proċess tal-baġit ma għadux biss process ta’ accounting. Jew proċess tal-ibbilanċjar tal-kontjiet tal-pajjiż.  Kif jaf kulħadd, llum il-proċess tal-baġit ma’ għadux proċess fejn il-Ministru tal-finanzi, f’isem il-gvern, jippreżenta pjan lill-Parlament li wara jsir id-dibattitu u l-proċess meħtieġ, dan l-stess baġit jiġi approvat, jew f’ kas rari jiġi rriffjutat, u naturalment jkun ifisser it-tmiem tal-ħajja tal-gvern.

Illum il-proċess tal-pjanifikazzjon jibda ħafna qabel ma’ jiġi moqri mill-ministru tal-finanzi fil-parlament. U mhux biss twal iż-żmien tal-ppjanfikazzjoni tal-estemi tal-gvern, iżda twesset il-konsultazzjoni.  Dan għaliex b’żieda mal-konsultazzjoni interna fi ħdan il-ministeri u l-għadd kbir ta’ dipartimenti li jaqgħu taħt id-diversi ministeri, drajna wkoll b’konsultazzjoni u diskussjoni iktar wiesa’ tas-soċjetà. 

Parti minn dan l-proċess ta’ konsultazzjoni qed issir permezz ta’ laqgħat li qed isiru f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Laqgħat li fihom minn barra l-pubblku inġenerali jkun mistiedna wkoll rapreżentanti ta’ dawk hemm imsejħa l-imsieħba soċjali.  

Waħda minn dawn il-laqgħat, f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni veru wiesa’ saret f’Għawdex nhari il-Ġimgħa 24 ta’ Settembru ġewwa iċ-Ċittadella ir-Rabat , Għawdex. Laqgħa li, li l-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet mhux Volontarji Għawdxin (il-Gozo NGOs Association), kienet mistiedna biex tibgħat rappreżentant tagħħa biex f’isem l-Assoċjazzjoni jkun jista’ joffri kontribuzzjoni. Kontribuzzjoni li naturlament tkun kontribuzzjoni f’isem is-settur tal-volontarjat u dak tal-għaqdiet mhux governattvi li jaħdmu min Għawdex jew jaħdmu fl-interessi ta’ materji konnessi mal-gżira reġjun t’Għawdex u tar-resident li joqgħdu f’Għawdex.

Kif ktibt iktar il-fuq, din ma kienetx l-ewwel darba li saru  diskussjonijiet dwar il-baġit.  Lanqas ma kienet l-ewwel darba li rappreżentanti tal-Gozo NGOs Association ħadu sehem f’diskussjonijiet  ta’ importanza  fejn jidħol Għawdex u l-Għawdxin, speċjalment fejn jidħlu s-setturi tal-volontarjat u l-għaqdiet mhux governattivi Għawdxin (NGOs), kif ukoll l-interess tal-mijiet tal-voluntiera attivi f’dawn l-istess għaqdiet.  Dan l-Assoċjazzjoni tagħmlu is-sena kollha b’diversi mezzi, u b’mod speċjali permezz tal-ħidma tar-rappreżentanti tagħha fuq il-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex li jifforma parti  mll-istrutturi tal-Kunsill Malti Għall-Iżvlupp Soċjali u Ekonomiku (l-MCESD). Iżda  sa fejn niftakar jien din kienet l-ewwel darba li l-Gozo NGOs Association ġiet uffiċjalment mistiedna mill-Minsteru tal-Finanzi biex tipparteċipa f’diskussjoni pubblika bħala parti mill-proċess tat-tfassil tal-baġit.

Dan jien ninterptrah bħala sinjal pożittiv u ta’ apprezzament lejn is-settur tal-volontarjat Malti b’mod ġenerali u b’mod iktar partikolari u speċifiku lejn is-settur tal-volontarjat Għawdxi. Settur li f’Għawdex jidher li għandu nfluwenza li b’mod ġenerali ikbar minn dik li għandu f’Malta.  Huwa pprovat li s-settur tat-turiżmu u huwa settur li jagħti kontribut ewlieni fl-iżvilupp u progress fejn jidħol  Għawdex. U kif żgur li kulħadd huwa konxju,  biex post - pajjiż, kbir jew żgħir; reġjun; gżira jew lokalità  - jiġbed lejh turisti ta’ kwalità, irid jassigura li fost affarijiet oħra dan l-stess local jrid jassigura li jkun hemm offrut  programm attraenti u ta’ kwalità u ta’ attivitajiet kulturali, sportivi eċċ., u matul is-sena kollha.  B’hekk waqt li l-viżitaturi jkollhom il-ħin jgawdu l-veduti u l-baħar jkollhom ukoll fejn jattendu u jipparteċipaw f’attivitajiet li barra li jkunu divertenti jkunu wkoll kultualment ta’ livell tajjeb.  U fl-stess ħin jkunu jistgħu jitgawdew mir-residenti permanenti tal-istess lokalità.  U f’Għawdex huwa s-settur tal-volontarjat u tal-NGOs li jesegwixxu b’mod assolut dan d-dover li jfasslu u jattwaw dan il-programm kontinwat ta’ attivitajiet ta’ livell għoli matul s-sena kollha.  Huwa dan is-settur, li illum huwa msejjaħ wkoll it-tielet settur, li f’Għawdex għandu sehem kbir biex tiddawwar ir-rota tal-ekonomija Għawdxija. U mhux biss.  Dan is-settur tal-volontarjat qed jagħti sehem kbir biex jogħla l-iżvlupp kultural, flantropiku, fost oħrajn tar-residenti li jqisu lil Għawdex bħala pajjżhom.

U fil-kuntest tat-tħejjija tal-baġit għas-sena d-dieħla il-parteċipazzjoni tar-rappreżentant tal-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet mhux Governattivi Għawdxin tikseb importanza ikbar meta wieħed jqis dak li kellu x-għid il-Mnistru tal-Finanzi fid-diskorsi li qed jagħmel waqt dawn is-sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni pubbliċi u iktar u ikar dak li kiteb l-istess Ministru fl-introduzzjoni tad-Dokument ta’ Qabel il-Baġit li jitħejja u jiġi mqassam biex jkun jista’ jiffaċilità l-istess Konsultazzjoni.

U nsaħħaħ din l-idea, iktar u iktar meta nħares lejn id-dokument ta’ qabel il-baġit li tħejja bħala preparazzjoni għal dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. B’mod iktar preċiż, l-Onor. Clyde Caruana, Mnisru tal-Finanzi jgħid bl-iktar mod ċar li "l-Baġit ma għandux – u mhux ser – ikun eżerċizzju biss ta’ numri u tkabbir. Imma għandu  jkollu agenda integrata, fl-aspetti kollha tagħha, ma aspetti  ‘green’ (nifhem f’sens ambjentali/sostenibbli) u dawk soċjali”

Fl-istess waqt Clyde Caruana jgħid ukoll li ''dan kollu jrid jiġi inkwadrat f’ambjent ta’ nfiq sensibli mill-Gvern u mill-entitajiet kollha tiegħu biex b’hekk jkun jista’ jiġi miksub l-valur massimu ta’ kull Euro li jintefaq”.

U hawn naturalment, u b’wiċċi minn quddiem nsostni li s-settur tal-volontarjat u dak tal-NGOs Għawdxin huma u naħseb li ser jibqgħu, jekk naturalment jibqgħu jirċievu s-sosstenn meħtieġ, imsieħba ewlenin biex jiġu milħuqa l-għanjiet elenkati mill-istess Ministru jiġifieri żvilupp li jkun integrat mas-sostenniblità ambjentali u agenda soċjali kif ukoll li dak li għandu jsir isir b’mod li jinagħata ‘value for money’.

More in Politika