Editorjal | Soluzzjonijiet, mhux ħafna rettorika jekk jogħġobkom!

Imma l-poplu jrid jisma' s-soluzzjonijiet għall-futur. Irid ikun jaf kif il-problema li għandu llum, se tkun solvuta għada. Kif il-pajjiż li ngħixu fih se jkun u se jidher aħjar ix-xahar id-dieħel, kif l-arja li nieħdu se tkun aktar nadifa pitgħada, x'ekonomija se jkollna fl-2022 - suppost wara l-pandemija, jinteressah kif se jkollu but aktar mimli biex jgħix aktar komdu, jinterwssah fuq min, meta tasal kriżi oħra, huwa l-aktar kapaċi imexxi fl-ibħra imqallbin! 

Il-ġimgħa li għaddiet kellna żewġ diskorsi politiċi, lejliet l-Indipendenza. Żewġ diskorsi li qed l-gazzetta ILLUM xtaqet tiftaħ ftit aktar dwarhom f'dan l-editorjal. Mhux tant dak li qalu, iżda aktar minn hekk, dak li ma qalux. 

Nibdew bl-ambjent. L-arja li nieħdu, l-art, il-bidla fil-klima, il-kostruzzjoni u tant aktar. Ħlief paroli fl-arja u fil-vojt ma smajnix mill-Kap tal-Oppożizzjoni u xi ftit jew wisq anke mill-Prim Ministru. Issa imbilli Bernard Grech jgħid li jrid "koalizzjoni" fuq l-ambjent!? Biex ikollok koalizzjoni fuq l-ambjent trid tipproponi miżuri drastiċi - ma hemmx għażla! Jekk irridu insalvaw il-karatteristika tal-irħula tagħna, hemm bżonn nipproteġuhom bil-liġi. U xi tfisser dik? Jiġifieri min għandu townhouse fil-pjazza ma jistax iwaqqagħha biex jibni appartamenti! Jiġifieri aktar u aktar żoni jridu jkunu konservati, li mill-ġdid ifisser li eluf fuq eluf ta' sidien ta' proprjetajiet fiż-żoni antiki f'Ħal Qormi, Birkirkara, Ħamrun, Tas-Sliema, San Pawl il-Baħar (ir-raħal l-antik), Ħal Tarxien, Marsaxlokk, iż-Żejtun, iż-Żurrieq u kważi kull lokalità oħra ma jistgħux iwaqqgħu d-dar u jibnu flats minflok! Dik hi r-realtà li la fuq il-Fosos u lanqas f'Ta' Qali, ħadd ma tkellem dwarha. U dażgur, dan kulħadd igerger, sakemm id-dar li tkun trid taqa' biex minflokha jitilgħu l-flats tkun tiegħu! Jekk irridu insalvaw l-karatteristika tal-irħula tagħna, deċiżjonijiet iebsa hemm bżonn u inizzjattivi fiskali biex tal-inqas min ma jistax iwaqqa' ikollu inċentiv jirrestawra u jbigħ, minflok jabbanduna l-proprjetà!

Il-Prim Ministru l-istess. Semma' elenku ta' proġetti tajbin, semma' proġetti ta' spazji pubbliċi li huma tajbin...imma kemm tħares madwarek u tara l-ambjent, kemm qed nieħdu ħsiebu! Ħarsu lejn is-sitwazzjoni tal-ħmieġ fit-toroq u l-bankini tagħna: Ejja nammettu li qed infallu! Dawra mat-toroq ta' Buġibba biss, diġà ġġiblek għajnejk wara widnejk! Karti, fliexken, żibel miftuħ, magażins itiru mar-riħ... għarukaża kbira! U mhux Buġibba biss, kważi kullimkien. Erba' buffuri riħ u tara t-toroq mandra!

Hemm bżonn sistema serja u professjonali li taċċerta tindif kuljum, kullimkien, darba jew darbtejn kuljum. Ma fihiex xi teknoloġija ta' space shuttle din! Tiswa' l-flus vera, imma trid issir. Imma la fuq il-Fosos u lanqas minn Ta' Qali ma smajna xejn!

Imbagħad l-arja! X'qed tipproponi l-Oppożizzjoni differenti? Ejja nkunu onesti: Mhux biżżejjed! U x'qed jipproponi l-Gvern, li se jagħmel differenza kbira u serja għada u s-sena d-dieħla? Ejja nkunu onesti: Mhux biżżejjed! Tajjeb li qed isiru inċentivi biex aktar nies jixtru karozzi elettriċi u j'Alla l-Baġit li ġej iservi biex ikun hemm aktar inċentivi ta' dan it-tip, imma neħtieġu aktar. 

Neħtieġu nkomplu intejbu u nipprijoritizzaw it-trasport pubbliku fuq il-karozzi. Inkella inutli, qed ngħazqu fl-ilma għax nafu, bil-fatti, li l-akbar emissjonijiet ġejjin mill-karozzi. U t-toroq kbar tal-lum xi darba, xorta mhux se jservu. 

Fid-dawl ta' dan it-tħabbira ta' Robert Abela li jrid diskussjoni fuq il-Metro u li l-Gvern għandu l-istudji lesti, tiġi bħal nifs frisk u ġdid u tant bżonnjuż. Probabbilment hija l-unika ħaġa li qajmet interess notevoli, miż-żewġ diskorsi!

Jekk Metro hija vijabbli u jekk ser issir flimkien ma' rijorganizzazzjoni tat-trasport pubbliku u inċentivi biex wieħed juża metro u mhux karozza, mela ejja nibdew ix-xogħol illum qabel għada! Imma ma nilludux ruħna li din ser issir f'sena u ser issir mingħajr sagrifiċċji, l-aktar il-qalba mill-karozzi għat-trasport pubbliku (u allura l-metro u tal-linja). Jekk il-politiku, lin-nies se jibqa' jgħidilhom u jurihom li se jibqa' jipprijoritizza l-karozzi u jirregalak talli tuża l-karozza, mela l-Metro tkun ħela ta' flus! A White-elephant in the making! 

Fuq l-ekonomija smajna xi differenza? Le ma hemmx differenzi kbar, lilhinn mir-rettorika. Il-Gvern għandu track record tajjeb fejn jidħol finanzi u miżuri ta' fejda fl-aħħar snin, imma issa jrid imur pass oltrè. Irid juri t-triq biex niftħu aktar niċeċ ekonomiċi ġodda u biex ma nibqgħux niddependu wisq fuq setturi tradizzjonali. Il-Covid-19 għalmitna dan, bi prezz qares!

Il-Kap tal-Oppożizzjoni x'ekonomija jrid? X'tip ta' turiżmu irid? Iżgħar, imma aktar ta' kwalità? Liema setturi ġodda qed iħares aktar lejhom? Jitkellem ħafna dwar ir-rgħiba Bernard Grech u l-PN, ir-rgħiba għal flus u kemm hi ħażina. Imma x'se jagħmel biex inaqqasha? Ħa jitla' l-PN fil-Gvern, u mil-lum għall-għada il-poplu jsir missjunarju?  

Minn naħa l-oħra huwa tajjeb u xieraq iva li Bernard Grech ippropona żieda fil-pagi tal-għalliema u l-infermiera, wasal iż-żmien li jkun hemm aktar rikonoxximent ta' dawn is-setturi tant importanti għal pajjiżna u li bosta drabi kienu f'kunflitt mal-Gvern fl-aħħar sena u nofs, l-aktar riżultat tal-Covid-19. Nappellaw lill-PM, biex lilhinn miċ-ċapċip u l-paroli jagħti rikonoxximent xieraq lill-frontliners tal-pandemija issa li jidher illi l-kbir għadda! 

Għamel tajjeb dan il-Gvern? Iva, u ħafna wkoll speċjalment iffaċċjat bl-akbar kriżi ekonomika u soċjali mit-Tieni Gwerra Dinjija. Qed tagħmel passi 'l quddiem l-Oppożizzjoni? Iva qed tagħmel, u qed tkun aktar propożittiva u qed tipprova tibni pontijiet ma' dawk li weġġgħet jew injorat għal snin! 

Imma l-poplu jrid jisma' s-soluzzjonijiet għall-futur. Irid ikun jaf kif il-problema li għandu llum, se tkun solvuta għada. Kif il-pajjiż li ngħixu fih se jkun u se jidher aħjar ix-xahar id-dieħel, kif l-arja li nieħdu se tkun aktar nadifa pitgħada, x'ekonomija se jkollna fl-2022 - suppost wara l-pandemija, jinteressah kif se jkollu but aktar mimli biex jgħix aktar komdu, jinterwssah fuq min, meta tasal kriżi oħra, huwa l-aktar kapaċi imexxi fl-ibħra imqallbin! 

Fuq hekk irid jiddeċiedi l-poplu mhux fuq ir-rettorika! Ir-rettorika, aktar kemm jgħaddi żmien, inqas qed timpressjona! 

More in Politika