Ivan Castillo | Ġustizzja fuq il-post tax-xogħol... d-dritt tagħna

Din hija konferma li l-PN iżomm lill-persuna fil-qalba tal-politika tiegħu. Li nibqgħu determinati li naraw li nipprovdu kwalità ta’ ħajja lil dawk li ġew imċaħħda inġustament minnha

Il-ħin li nqattgħu fuq il-post tax-xogħol tagħna ħafna drabi huwa ħafna iktar minn dak li nqattgħu d-dar. Inqattgħu aktar ħin mal-kollegi tagħna milli ħafna drabi ma’ tad-dar. Minħabba f’hekk, l-ambjent fuq il-post tax-xogol irid ikun ambjent san u li jistimolak sabiex tkompli taħdem ħalli ttejjeb il-pożizzjoni tiegħek u ta’ dawk li jiddependu minnek.

Hija traġedja meta tisma’ bil-mijiet ta’ inġustizzji li jgħaddu minnhom ħaddiema Maltin u Għawdxin li jaħdmu f’dipartimenti jew aġenziji tal-Gvern. F’dawn l-aħħar snin b’mod partikolari, qed niltaqgħu ma’ numru ta’ ħaddiema li ġew iddiskriminati, li ma ngħatawx opportunità, li nqabżu nġustament, li twarrbu fil-ġenb u ġew mormija bħal-lumija magħsura, li ġew ikkastigati għax tkellmu għax kienu qed iħossuhom mgħaffġa minn min kien qed imexxihom. Ħaddiema li ġew ikkastigati u saħansitra sospiżi għax fetħu ħalqhom u esprimew opinjoni li ma tkunx taqbel ma’ dik tal-Gvern preżenti. Ħaddiema li ġew ikkastigati għax xi ħadd mar ifesfes kontrihom fil-widnejn. Ħaddiema li batew inġustizzja għax ta’ fuqhom ma kellux grazzja magħhom. Ħaddiema li batew inġustizzja jew ġew ittrasferiti għax iddeċidew li ma joqogħdux tapit u tkellmu għad-drittijiet tagħhom u ta’ sħabhom.

Iltqajna ma’ ħaddiema li lanqas biss ingħataw ċans li japplikaw għal promozzjoni avolja kellhom il-kwalifiki metieġa. Iltqajna ma’ oħrajn li sempliċiment jiġu injorati minn ta’ fuqhom u huma qishom ma jeżistux. Iltqajna ma’ ħaddiema li jikkunsidraw jirriżenjaw u jfittxu impjieg ieħor fil-privat għax ma jifilħux iktar ikunu trattati ħażin. Niltaqgħu ma’ ħaddiema li ġew ikkastigati għax kellhom rispett lejn xulxin u ta’ fuqhom sempliċiment ħass jew ħaseb li qed jikkonfoffaw kontrih! Niltaqgħu ma’ ħaddiema li fuqhom tpoġġa persuna bla kwalifiki ta’ xejn  biex imexxihom u huma, avolja ggradwati u għandhom l-esperjenza lanqas biss ingħataw l-opportunità. 

Saħansitra ltqajna ma' ħaddiema li marru għand l-ombudsman, li ta r-rakkomandazzjoni tiegħu abjad fuq l-iswed li din kienet inġustizzja u li din id-diskriminazzjoni għandha tiġi kkoreġuta. U dawn il-ħaddiema xorta ġew miċħuda d-dritt tagħhom! ġew misruqa mill-gvern tagħhom stess!

U dan kollu joħloq stress fuq il-post tax-xogħol u fost l-istess impjegati. Dan kollu jibdel l-ambjent ta’ fuq il-post tax-xogħol f’wieħed tossiku. Ambjent li jissofoka lill-ħaddiema. Ambjent li ma jħallikx taħdem u li jġiegħlek tmur għax-xogħol kontra qalbek. Dan jaffettwa kemm lill-ħaddiema u kemm lill-familji tagħhom. 

Gvern ġdid Nazzjonalista huwa kommess li jsewwi l-inġustizzji fl-Armata, fil-Pulizija, fl-Enemalta, fl-Air Malta, fil-Bank Ċentrali u f’kull dipartiment ieħor li jitmexxa mill-Gvern

Kull ma’ rridu għall-ħaddiema tagħna huwa trattament ġust u opportunitajiet indaqs. Irridu li l-ħaddiema tagħna jkunu apprezzati għal dak li jagħmlu. Bħala Partit Nazzjonalista fil-Gvern se nikkommettu ruħna sabiex neradikaw mill-qiegħ l-inġustizzji fuq il-post tax-xogħol. Se naraw li inti ma tibqax lura. 

Huwa propju t-twemmin tagħna li nżommu l-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tagħna li xprunana sabiex fuq inizjattiva tas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista, ħdimna qatigħ mal-Partit sabiex jitwaqqaf bord li jinvestiga l-inġustizzji fiċ-Ċivil. Bord kompost min-nies kompetenti fil-qasam li diġà bdew jinvestigaw numru ta’ każijiet. Gvern ġdid Nazzjonalista immexxi minn Bernard Grech se jkun qed isewwi dawn l-inġustizzji fl-ewwel sena malli jerġa’ jkun fil-Gvern.

Dan il-bord se jkun qed jilqa’ sottomissjonijiet li seħħew waqt amministrazzjoni Laburista, kif ukoll każijiet aktar antiki mgħoddija lill-PN, li wkoll bdew jiġu evalwati sabiex hekk kif il-PN ikun fil-Gvern ħafna mix-xogħol ikun diġà sar u l-ġustizzja ma’ dawk li sofrew tista’ ssir malajr.

Gvern ġdid Nazzjonalista huwa kommess li jsewwi l-inġustizzji fl-Armata, fil-Pulizija, fl-Enemalta, fl-Air Malta, fil-Bank Ċentrali u f’kull dipartiment ieħor li jitmexxa mill-Gvern. Se nkunu qed nipproċessaw ukoll dawk l-ilmenti u każijiet li daħlu mal-fergħa Kuntatt li kienet twaqqfet snin ilu u mal-Customer Care li magħhom qed naħdmu id f’id.

Kull min jixtieq jagħmel kuntatt magħna jista’ jċemplilna fuq 2596 5283 jew email fuq [email protected]

Gvern Nazzjonalsita ġdid huwa kommess li jagħti lura dak kollu li dawn il-ħaddiema ħaqqhom. Bħala President tas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista nixtieq minn qalbi nirringrazzja lill-membri kollha tal-Eżekuttiv li minn għandhom sibt koperazzjoni sħiħa u kontinwa, kif ukoll lit-tim tal-Customer Care, lill-Amministrazzjonital-Partit u fl-aħħar u mhux l-inqas lill-Kap Bernard Grech li laqa’ minnufih dan is-suġġeriment għax verament u minn qalbu jemmen fil-ġustizzja fuq il-post tax-xogħol.

Din hija konferma li l-PN iżomm lill-persuna fil-qalba tal-politika tiegħu. Li nibqgħu determinati li naraw li nipprovdu kwalità ta’ ħajja lil dawk li ġew imċaħħda inġustament minnha. Din hija l-politika tagħha li ddur mal-bniedem u l-bżonnijiet tiegħu. Din hija l-politika ta’ Gvern Ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech.

More in Politika