Peppi Azzopardi | Il-Gvern għandu jaħfer id-djun tal-partiti

Mhux talli ma għandnix nitkażaw li l-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista ma ħalsux it-taxxi u l-VAT, imma talli għandna nitolbu lill-Gvern biex jaħfer parti sostanzjali mid-djun li l-partiti għandhom mal-istess Gvern

Kienu ħafna dawk li tkażaw meta l-gimgħa l-oħra ħarġet l-aħbar li l-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista għandhom jagħtu miljuni f’taxxa u Vat.

Il-partiti politiċi mhux qegħdin hemm biex jagħmlu l-flus iżda biex jagħmlu l-ġid. Mingħajr il-partiti aħna nkunu qed ngħixu f’ġungla fejn min jiflaħ iħawwel u min ma jiflaħx jitħawwel.   Hemm mijiet ta’ nies li wara x-xogħol imorru jgħinu kuljum lill-partit u ma jieħdu xejn, u ma jippretendu xejn, ma jitolbu xejn. 

Ejja ngħidu, għas-saħħa tal-argument, li waħda mill-NGOs il-kbar li jagħmlu ħafna u ħafna ġid ma’ persuni fil-bżonn, għandha tagħti żewġ miljuni ewro f’taxxa. Din mhijiex veru imma biss eżempju. Ejja ngħidu li din il-ġrajja ssir pubblika.  Taħsbu li se jibdew jgħajru lill-NGO kif għajru liż-żewġ partiti? Liż-żewġ partiti għajruhom bħala “mafja, korrotti, dinożawri.” Le, lill-NGO mhux se jgħidulha hekk. Anzi għall-NGO, mhux talli ma jkunx hemm tgħajjir, imma jkun hemm diversi li jitkażaw kif il-Gvern qed jinsisti li din l-NGO tħallas żewġ miljuni f’taxxa u VAT. “Jagħmlu daqshekk ġid, għaliex ma jagħtuhomx bħala donazzzjoni?” Żgur li hekk kien jiġri.

Allura għala l-partiti le?

U dik il-problema f’dan il-pajjiż. Minħabba ftit politikanti/ħallelin li daħlu fil-politika biex isiru sinjuruni, jeħel magħhom kulħadd. Mhux sewwa. Il-maġġoranza tal-politiċi huma persuni onesti li daħlu fil-politika mhux biex jagħmlu l-flus imma biex jagħmlu l-ġid.

Issa biex ikunu qed ngħidu kollox, kważi l-NGOs kollha huma ssusidjati mill-Gvern. U allaħares le għax kieku kollha għalqu u telqu ‘l hemm. Bid-donazzjonijiet biss żgur mhux se jkollhom biex iħaddmu professjonisti li jgħinu lill-klijenti b’mod professjonali.

U allura jekk l-NGO, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-ġdid, jissussidjahom il-Gvern, għaliex lill-partiti li jagħmlu ħafna ġid, ma jkunux issussidjati mill-Gvern ukoll? Kif nippretendu li l-partiti joffru dan is-servizz 18-il siegħa kuljum mingħajr ebda għajnuna ta’ xejn. Illum ix-xogħol tal-partiti ma jistax jibqa’ abbażi ta’ voluntiera. Impossibbli. Illum il-partiti għandhom l-impjegati full-time li jiswew il-miljuni fis-sena. Minn fejn se jġibu l-flus biex iħallsu lill-ħaddiema, biex iħallsu l-kontijiet tad-dawl, biex jixtru l-apparat, jaġġornaw maż-żminijiet u jagħmlu r-riċerka?

Possibbli rridu li l-partiti tagħna jibqgħu tallaba? Mhux ovvja li ma għandhomx minn fejn iħallsu t-taxxa u l-VAT u l-kontijiet. Għax dawn kellhom jużawhom biex iħallsu lill-ħaddiema u l-bqija.

Mhux talli ma għandnix nitkażaw li l-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista ma ħalsux it-taxxi u l-VAT, imma talli għandna nitolbu lill-Gvern biex jaħfer parti sostanzjali mid-djun li l-partiti għandhom mal-istess Gvern u jqishom bħala arretrati li l-Gvern kellu jagħti lill-partiti u għadu sa issa jittrateni. Il-Gvern għandu immedjatament jibda jissusidja lill-partiti politiċi biex ikunu jistgħu jħallsu l-pagi u l-ispejjeż amministrattivi.

Il-ġid li jagħmlu l-partiti politiċi f’Malta jiżboq il-ġid kbira li jagħmlu l-NGOs kollha f’pajjiżna.

More in Politika