Alex Muscat | Robots fil-klassi?

M’hemmx investiment aħjar li nistgħu nagħmlu bħal dak fl-edukazzjoni ta’ uliedna, li se jsiru ċittadini ta’ għada. Għandna pjaċir li qegħdin nagħtu sapport lil din l-inizjattiva, bħala parti mir-responsabbiltà soċjali u korporattiva ta’ Aġenzija Residenza Malta 

Timmaġina ż-żmien meta robots ikunu preżenti fi klassi tal-iskola għat-tagħlim ta’ uliedna? Issa, dan iż-żmien wasal ukoll.  

Tommy huwa l-ewwel humanoid robot li wasal Malta - wieħed mit-tliet robots soċjali miġjuba miċ-Ċentru għal-Litteriżmu fi ħdan l-Università ta’ Malta bħala parti minn proġett ta’ riċerka u żvilupp immexxi mill-Professur Charles L. Mifsud, bl-isem – EduRoboKids – proġett ta’ riċerka u l-iżvilupp li jiffoka fuq l-interazzjoni bejn it-tfal u r-robots fil-kuntest tat-tagħlim, il-familja u l-iskola. 

Tommy huwa ħabib tat-tagħlim li jħeġġeġ lit-tfal jirrispondu verbalment u emozzjonalment f'sitwazzjoni diffiċli ta' tagħlim. Permezz tal-interazzjoni bejn it-teknoloġija u t-tfal, it-tagħlim fil-komunikazzjoni bejniethom se jkun aħjar. Dawn it-tfal jitgħallmu wkoll numru kbir ta' ħiliet soċjali. Mhux biss se jinteraġixxu ma' Tommy, iżda se jkunu jistgħu wkoll jipprogrammawh u jħarrġuh biex jiftakar u jitgħallem affarijiet oħra maż-żmien. Tommy se jħeġġiġhom ukoll biex ikollhom konversazzjonijiet riflessivi ma’ tfal oħra f’dan il-kuntest.  

Il-valur eċċezzjonali li jġib miegħu dan il-proġett huwa fil-qasam tal-isfidi tat-tagħlim li se jgħin lil tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu. L-espressjonijiet tal-wiċċ ta’ Tommy u t-ton tal-vuċi tiegħu, huma totalment bla ġudizzju. Huwa wkoll paċenzjuż - il-ħabib perfett għat-tagħlim ta’ tfal li sfortunatament isibuha diffiċli sabiex jagħmlu ħbieb u jintegraw. 

Il-proġett ta’ sentejn għandu l-għan li jistudja aspetti differenti ta’ interazzjonijiet bejn l-umani u r-robots, kif it-tfal jirrispondu għar-robots verbalment u emozzjonalment f’sitwazzjonijiet ta’ tagħlim u x’tip ta’ soluzzjonijiet joħorġu bihom it-tfal għal problemi li jiltaqgħu magħhom meta jikkommunikaw mar-robots. 

L-Aġenzija Residenza Malta allokat €85,000 fuq sentejn għar-riċerka u l-iżvilupp neċessarju għal dan il-proġett, li se jibda b’mod immedjat. Tliet robots se jiġu mixtrija, bl-għan li jassistu tfal bejn is-seba’ u l-għaxar snin fuq l-ispettru tal-awtiżmu. 

Dawn ir-robots soċjali se jaġixxu bħala kumpanji tat-tagħlim għat-tfal. Mhux se jservu bħala sostitut għall-għalliema. Hemm evidenza ta' riċerka internazzjonali ntiża li turi li robots soċjali bħal dawn intużaw b'mod effettiv ma' tfal li affaċċjaw diffikultajiet fit-tagħlim, speċjalment dawk fl-ispettru tal-awtiżmu. Is-software EduRoboKids se jħarreġ l-involviment tat-tfal, l-iżvilupp tal-lingwa, il-livelli ta’ interazzjoni u komunikazzjoni bejn it-tfal, u l-kisba ta’ ħiliet ġenerali tal-litteriżmu. L-Aġenzija qed tagħti appoġġ lir-riċerka li se tikkontribwixxi internazzjonalment lejn għarfien eżistenti dwar l-użu ta' robots soċjali biex jippromwovu l-komunikazzjoni u t-tagħlim, u jgħinu fl-iżvilupp ta' reazzjonijiet adegwati għall-ħtiġijiet ta' tagħlim ta' tfal diversi. 

Ix-xogħol se jkun implimentat fi tliet fażijiet inkluż l-ittestjar ta’ software, il-konnettività diġitali, il-produzzjoni ta’ materjal ta’ taħriġ inkluż dak promozzjonali, u taħrig lill-edukaturi. Wara dan, il-proġett pilota jitnieda fost numru ta’ tfal, ġenituri u edukaturi. 

M’hemmx investiment aħjar li nistgħu nagħmlu bħal dak fl-edukazzjoni ta’ uliedna, li se jsiru ċittadini ta’ għada. Għandna pjaċir li qegħdin nagħtu sapport lil din l-inizjattiva, bħala parti mir-responsabbiltà soċjali u korporattiva ta’ Aġenzija Residenza Malta. Huma dawn l-opportunitajiet li juru b’mod ċar kif id-dħul mill-investiment barrani jista’ jkun intiż ukoll lejn inizjattivi soċjali li tgawdi minnhom il-komunità. 

Binti, qed tikber b’rata mgħaġġla u matul il-ġimgħa li għaddiet, laħqet waħda mill-ewwel tragwardi tagħha f’ħajjitha, ‘gradwat’ mill-‘Playschool’. Naf issa, aktar minn qatt qabel, li għandha futur sabiħ quddiemha fl-iskola, u li l-futur tat-tagħlim huwa tabilħaqq sabiħ. 

Robots fil-klassi? M’għadhiex fantaxjenza! 

More in Politika