Editorjal | It-tagħlim tal-Malti fl-iskejjel tagħna

Trevor Zahra stqarr li kważi qed isibha diffiċli jikteb kotba għat-tfal għax ħafna mit-tfal illum huma nieqsa mill-vokabularju. Fi kliemu, huma nieqsa minn dik l-esperjenza li twassalhom biex jitgħallmu u fuq kollox jifhmu kliem ġdid li jiltaqgħu miegħu

Din il-ġimgħa fuq il-programm Xtra fuq TVM il-kittieb Trevor Zahra esprima l-opinjoni tiegħu dwar it-tagħlim tal-Malti.  B’mod speċifiku dwar it-tagħlim tal-Malti fl-iskejjel fil-livell primarju u sekondarju. Kien ċar u ma tantx dahar mal-lewża.

Saħaq li t-tfal ma jistgħux jitgħallmu u jiktbu Malti tajjeb jekk ma jitkellmux u ma jaqrawx bil-Malti. Insista li fit-tagħlim tal-Malti, ‘il-focus’ li qed jisħaq fuqu l-kurrikulu, mhuwiex biżżejjed. 

Qal li hemm wisq enfasi fuq it-tagħlim tal-grammatika u tar-regoli. Fi kliemu, dan kien qed iwassal biex ħafna tfal ma jkunux jafu jitkellmu Malti tajjeb.

Min illum għandu t-tfal, ma jistax ma jaqbilx miegħu. Tibqa’ mistgħaġeb bil-livell għoli ta’ grammatika mitlub mingħand tfal li lanqas biss jafu jitkellmu bil-Malti.  

Ħafna mit-tagħlim huwa iebes wisq għal dawk it-tfal li jew ma jafux il-Malti tajjeb jew inkella, għalihom, il-Malti huwa daqs lingwa barranija.

Trevor Zahra stqarr li kważi qed isibha diffiċli jikteb kotba għat-tfal għax ħafna mit-tfal illum huma nieqsa mill-vokabularju. Fi kliemu, huma nieqsa minn dik l-esperjenza li twassalhom biex jitgħallmu u fuq kollox jifhmu kliem ġdid li jiltaqgħu miegħu.

Mhijiex biss problema tas-sistema imma anke ta’ soċjetà li qed tgħix ċirckustanzi differenti – dipendenza fuq il-mobajl, inqas qari, ambjent urbanizzat u kultura fejn l-Ingliż huwa meqjus ħafna aktar important mill-Malti.

Huwa ċar li l-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana tagħmel tajjeb li tagħti każ x’qed jgħid Trevor Zahra. Il-karba tiegħu hija l-karba ta’ ħafna ġenituri u għalliema.  

Ħafna edukaturi jridu bilfors jirrispettaw il-kurrikulu għall-primarja u s-sekondarja tal-Malti u ma jippruvawx jgħallmu l-Malti bi stil differenti li forsi jattira aktar lit-tfal tagħba.

Il-politiku għandu jagħraf din ir-realtà u jaħdem biex l-affarijiet jinbiddlu biex aktar Maltin jitgħallmu jitkellmu Malti korrett u jiktbuh tajjeb ukoll.

U jekk kien hemm punt saljenti li qal Zahra kien l-argument fuq l-identità Maltija. Filwaqt li ħares lejn il-lingwa bħal parti integrali mill-identità Maltija, argumenta li hemm żewġ aspetti oħra li ma jistgħux jintesew. 

L-ewwel huwa l-ambjent Malti, li safa ikkalpestat u mormi. Mingħajru m’aħna xejn, argumenta Zahra.

U t-tieni aspett huwa l-apprezzament u l-għarfien għall-isfond tal-istorja tagħna, b’mod speċjali l-għeruq storiċi tagħna fil-Kristjaneżmu. 

Dawn huma fatturi li jagħmluna Maltin.

Kemm huwa importanti li l-argumenti u l-osservazzjonijiet ta’ persuni li tant għandhom maturità u għerf, jiġu apprezzati aktar. 

More in Politika