Josianne Cutajar | L-elezzjoni federali tal-Ġermanja: Merkel u l-futur

Il-futur li se jiddeċiedi l-poplu Ġermaniż mhux biss il-futur tal-Ġermanja, imma sa ċertu punt il-futur tal-bqija tal-Ewropa wkoll

Aktar tard dan ix-xahar, preċiżament fis-26 ta’ Settembru, il-Ġermanja se jkollha l-elezzjoni federali tagħha. Din l-elezzjoni se timmarka t-tmiem ta’ Angela Merkel fil-poter wara sittax-il sena bħala Kanċillier tal-Ġermanja. Tul dawn l-aħħar sittax-il sena, ħafna kienu l-kummentaturi li rreferew għal Merkel bħala l-mexxja “de facto” tal-Unjoni Ewropea. Naturalment, dan seħħ kemm għaliex il-Ġermanja hija indubjament l-akbar mutur ekonomiku Ewropew, imma wkoll għaliex bħala mexxejja, Merkel innifisha kienet deċiżiva mmens f’sitwazzjonijiet li normalment jirrikjedu ħafna ħsieb.

Bħala mara, irrid ngħid li ma nistax ma nammirax id-determinazzjoni u s-suċċess ta’ din il-mara li kissret u farrket kull barriera. Mara, li rrid ngħid spiċċat tmexxi pajjiż Ewropew tant b’saħħtu wara li intagħżlet biex tmexxih minn sfond politiku iddominat mill-irġiel. Bħala soċjalista madanakollu, it-tluq ta’ Merkel jippreżenta wkoll opportunità, opportunità biex il-Partit Soċjalist Ġermaniż (SDP) jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-poplu biex ikun jista’ jkollu kanċillier ġej mill-Partit tiegħu.

Scholz jew Laschet?

Wieħed jasal għall-konklużjoni li s-Soċjalisti qegħdin fiċ-ċans, aktar u aktar meta wieħed iħares lejn l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika li qegħdin isiru fil-Ġermanja. Huwa ċar li l-kandidat tas-Soċjalisti,  Olaf Scholz, li huwa wkoll il-Viċi Kanċillier kurrenti, għandu reputazzjoni aħjar mill-kandidat tal-Partit ta’ Merkel mal-poplu Ġermaniż. Infatti l-Unjoni tas-CDU u s-CSU, li tinkludi l-Partit ta’ Merkel, kellha diversi tumbati meta ġie biex tfittex lis-suċċessur tagħha. 

Armin Laschet
Armin Laschet
Olaf Scholz
Olaf Scholz

Diffiċli tidħol fiż-żarbun ta’ persuna li tkun għamlet ħafna suċċess jgħidu. Dan ma setax ikun aktar veritier milli fil-konfront tat-tmexxija tal-Unjoni tas-CDU u s-CSU. Infatti nagħmlu tajjeb li niftakru li l-Mexxej kurrenti tal-Unjoni mhuwiex is-suċċessur ta’ Merkel f’din il-kariga, imma ta’ Annegret Kramp-Karrenbauer, li ħadet il-kariga fl-2018 u rreżenjat minnha aktar kmieni din is-sena. Il-mexxej kurrenti tal-Unjoni infatti, Armin Laschet, ilu f’din il-kariga biss mit-22 ta’ Jannar li għadda. Mill-banda l-oħra Scholz ilu Ministru tal-Finanzi u Viċi Kanċillier tal-Ġermanja mill-2018, għalkemm m’għandux kariga uffiċjali ta’ Mexxej tal-Partit tas-Soċjalisti. 

Li żgur nistgħu ngħidu hu li l-esperjenza governattiva ta’ Scholz fl-ambitu federali, isserraħ ħafna mħuħ ta’ ċittadini li se jivvutaw aktar tard dan ix-xahar. Dan mhux qed ngħidu jien, qed jgħidu l-poplu Ġermaniż: li mistoqsi darba, tnejn, tlieta fil-polls, dejjem iwieġeb li fuq bażi personali jippreferi lil Scholz milli lil Laschet bħala Kanċiller, u mhux bi ftit.

Koalizzjoni, jew konfużjoni?

L-aħħar gvernijiet fil-Ġermanja kollha kienu magħmulin minn koalizzjonijiet, u xorta waħda nistgħu ngħidu li baqgħu relattivament stabbli. Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li ġara f’pajjiżi oħrajn fejn kien hemm koalizzjoni, bħal pereżempju l-Italja fejn kellek gvernijiet u Prim Ministri li kull sena jew sentejn kellhom jaffaċċjaw voti ta’ fiduċja li mhux dejjem irnexxielhom jirbħu.

Naturalment, bħalma dejjem jiġri fil-Ġermanja, jidher li l-ebda Partit mhu se jkollu biżżejjed siġġijiet biex ikun jista’ jiggverna waħdu u allura hija inevitabbli li jkun hemm koalizzjoni. Minħabba s-sitwazzjoni kif inhi, din id-darba jidher li hemm ċans li jkollok koalizzjoni magħmulha mis-Soċjalisti u l-Ħodor fil-Gvern, wara diversi snin fejn kellna Gvern Ġermaniż immexxi mill-Unjoni tas-CDU u s-CSU, bis-Soċjalisti jkunu t-tieni l-akbar partit fil-koalizzjoni.

Madanakollu, għalkemm l-affarijiet jidhru resqin ’l hemm, qatt ma tista’ tkun ċert fejn se jmorru. Ikoll nafu l-għajdut: ġimgħa hija żmien twil fil-politika, speċjalment meta għandek pajjiż kbir ta’ 80 miljun ruħ, fejn jistgħu jinqalgħu diversi affarijiet sad-data tal-elezzjoni. Għaldaqstant ma rridux ninfaxxaw rasna qabel naqsmuha. 

Biss però, nagħmlu tajjeb li nibqgħu attenti għal dak li qed jiġri fil-Ġermanja u pajjiżi oħrajn ġirien tagħna. Aktar minn xejn tajjeb li niftakru wkoll li aħna ninsabu fl-Unjoni  Ewropea mal-Ġermanja, u li d-deċiżjonijiet tal-poplu Ġermaniż jaffettwaw lil Malta wkoll permezz tad-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Fi kliem ieħor, il-futur li se jiddeċiedi l-poplu Ġermaniż mhux biss il-futur tal-Ġermanja, imma sa ċertu punt il-futur tal-bqija tal-Ewropa wkoll. Sa ma jkollna deċiżjoni deċiżiva, li tista’ tiġi biss wara s-26 tax-xahar, nibqgħu insegwu.

More in Politika