Julia Farrugia Portelli | Lejn Baġit ta' tisħiħ

Julia farrugia Portelli hija l-Ministru tal-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja 

Illum, ftit aktar minn tmien snin minn meta l-poplu Malti għażel li jibdel il-partit fil-Gvern, għandna sitwazzjoni fejn il-biċċa l-kbira tal-Maltin u l-Għawdxin jagħrfu li l-bidla li saret ma kinitx waħda kożmetika iżda ġabet magħha proċess ta’ twettiq li qatt fl-istorja tagħna ma kien hemm bħalu. F’daqqa waħda, l-wegħdi elettorali ma baqgħux wegħdi biex jintesew iżda biex tabilħaqq ikunu mwettqa, tant li l-Gvern innifsu għaraf joħloq mod kif jissorvelja mill-qrib lilu nnifsu fit-twettiq tagħhom. 

Fl-2013 kif ukoll fl-2017 meta ta l-konferma tiegħu, l-poplu beda jifhem li bl-awsterità u t-telqa tal-imgħoddi l-pajjiż ma setax javvanza u jiżviluppa bir-rata mixtieqa għall-ħolqien ta’ ekonomija b’saħħitha. Rajna tibdil f’kull settur tal-ekonomija, b’aċċenn sħiħ fuq l-aspett soċjali li minnu trid titnissel il-fiduċja li magħha mbagħad jikbru l-opportunitajiet ta’ mpjieg, l-għoti ta’ spazji u servizzi biex l-għadd tan-nisa fis-suq tax-xogħol jiżdied – u żdied sew – u t-tkattir ta’ soċjetà aktar konxja mir-responsabbiltajiet tagħha permezz ta’ miżuri u inizjattivi siewja. 

Qatt daqs illum ma Malta kellha taħdem biex toffri aktar u dejjem aktar servizzi soċjali li jkopru kull settur tal-popolazzjoni. Waqt li naqsu sewwa dawk li kienu jeħtieġu l-għajnuna tal-istat, fosthom single mothers u nies jirreġistraw għax-xogħol, kibrert l-ħidma u l-attenzjoni fuq dawk l-aktar li jixirqilhom l-appoġġ, persuni b’diżablità u l-familji tagħhom. Dan għaliex imxejna u se nibqgħu nimxu fuq is-siwi u l-ġid ta’ inizjattivi u proġetti li fihom kellhom sehem sħiħ dawk li jeħtiġuhom. Dan hu proċess li għadu għaddej, tant li hemm bħalissa diversi proġetti ta’ tisħiħ fuq il-pariri u s-suġġerimenti ta’ esperti fil-qasam, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-istat, persuni b’diżabilità u l-familji, ġenituri u gwardjani tagħhom li ħadd daqshom ma jista’ jitkellem fuq il-ħtieġa ta’ aktar armonija fil-qasam soċjali jekk tassew irridu li l-ugwaljanza trabbi għeruq sodi fis-soċjetà Maltija. 

Il-Baġit li jmiss, għas-sena 2022, se jkun qed jirrifletti dan l-impenn soċjali mhux biss bħala konferma tar-rieda soda ta’ dan il-Gvern li jibqa’ jibdel għall-aħjar, itejjeb is-servizzi u joffri ugwaljanza u dinjità, iżda anki biex f’dan il-perjodu kiefer tal-pandemija ma nħallux in-negattiv jegħleb it-tajjeb li sar u għad irid isir.  

Huwa tajjeb li nħarsu lura u naraw liema triqat u wesgħat terraqna flimkien biex wasalna fejn ninsabu llum, imma l-mira tagħna jibqa’ l-ġejjieni. Jekk kien hemm min ħaseb li darba mxejna din id-distanza allura nistgħu nnaqqsu mill-intensità ta’ ħidmietna sejjer imqarraq bl-ikrah. It-toroq u l-mogħdijiet ta’ quddiemna għadhom twal u mimlijin ħotob, sfida li ma ddejjaqna xejn anzi tixpruna l-impenn tagħna biex naraw li dak li bnejna nkomplu nsaħħuħ u nħalluh joffri sfidi ġodda għal aktar xogħol u frott mill-ħidma li aħna fdati biha mill-Maltin u l-Għawdxin. 

Il-fus ta’ ħidmietna permezz tal-Baġit se jkun it-titjib fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini kollha u l-inklużjoni totali ta’ kull settur tal-poplu. It-twettiq riċenti tal-wegħdi, pereżempju, tat-tneħħija tat-tankijiet taż-żejt f’Birżebbuġa u t-trasformazzjoni ta’ Wied Fulija fiż-Żurrieq minn miżbla abbandunata għal post ta’ trankwillità u mistrieħ għan-nies tal-inħawi huwa konferma tad-determinazzjoni li se tkun qed issuq il-Baġit għall-2022. 

Aktar kwalità tal-ħajja rajniha titnibbet permezz ta’ proġetti flimkien ma’ Sport Malta u ażjendi privati sabiex jinstabu u jintużaw spazji fl-ibliet u rħula tagħna fejn ikun hemm provduti servizzi u faċilitajiet b’xejn, jinħolqu ġonna ġodda u jkattru l-idea ta’ ħajja sana u sabiħa. L-eżempji huma ħafna, fosthom il-Qrendi, ż-Żurrieq, il-Kalkara, l-Marsa, Marsalforn u tant lokalitaiiet oħra li tiftakar waħda u tinsa l-oħra. 

Dan qed isir f’armonija mal-iżvilupp infrastrutturali li seħħ tul dawn l-aħħar tmien snin biex it-toroq tagħna saru jifilħu aktar għat-traffiku esaġerat ta’ pajjiżna waqt li ġew modernizzati mogħdijiet u aċċessi. Seta’ jsir dan kollu għax l-ekonomija ħadet l-injezzjoni li kienet tabilħaqq teħtieġ, l-ewwel fl-2013 u mbagħad, b’doża saħansitra aktar qawwija, fl-2017. Mingħajr it-titjib fl-ekonomija qatt ma seta’ jinżamm dan ir-rittmu, imsaħħaħ, kif il-poplu kollu seta’ jinnota, minn teħid aktar bis-serjetà u b’aktar effiċjenza ta’ fondi Ewropej li t-telqa u l-għażż tal-amministrazzjoni ta’qabel kienu bħal mażżra m’għonq pajjiż mingħajr direzzjoni anki fejn tidħol l-Unjoni Ewropea. 

Ninsabu f’nofs it-triq li qbadna tmien snin ilu. Bl-appoġġ tal-poplu, dik il-maġġoranza li tagħraf sew id-differenza li seħħet fil-mod kif jinżammu l-wegħdi u jintgħelbu l-isfidi, rridu nimxu n-nofs l-ieħor. Iċ-ċirkustanzi jinbidlu, imma mhux ir-rieda tagħna, kif rajna mill-mod tabilħaqq effiċjenti ta’ kif affaċċjajna l-pandemija tal-Covid-19 u ta’ kif konna, bil-fatti rikonoxxuti minn awtoritajiet internazzjonali tas-saħħa, l-aktar pajjiż li laqqam bil-vaċċin liċ-ċittadini tiegħu. 

Il-Baġit 2022 se jkun qed iwittilna dik it-triq li baqagħlna nimxu. Mixja waħda mal-poplu ta’ rieda tajba b’sens ta’ ambizzjoni pożittiva u trasparenza. M’aħniex inħarsu lura u niddandnu bil-perfezzjoni. Anzi nifhmu l-ħtieġa li nkunu realistiċi u ċari ma’ kull pass li nagħmlu biex negħlbu l-intoppi li għad irridu nsibu ma’ wiċċna waqt li ma nitilfux, imqar għal waqt wieħed, fejn irridu naslu: it-tisħiħ tal-ġid permezz tal-ugwaljanza, d-dinjità u l-għaqal li jistenna mingħandna l-poplu.

More in Politika