Editorjal | Erġajna jekk Alla jrid!

Bejn il-viltà tal-prima klassi li nħallsu titjiriet lura lil studenti mhux imlaqqmin u għaliex il-gazzetta ILLUM assolutament ma taqbilx mal-MAM li jiddaħħlu restrizzjonijiet ġodda

Déjà Vu. Le mhux id-diska li rrappreżentat lil Malta fil-Eurovision snin ilu! Imma s-sens ta' Déjà Vu - li diġà konna hawn, f'dawn l-istess salib it-toroq b'dawn l-istess argumenti - bħal dan iż-żmien sena ilu, fuq il-Covid-19. Min għandu widnejh fit-toroq, fil-pjazzez - reali u virtwali - u fuq il-bajjiet jaf li għall-aħħar ġimgħat kulħadd kien qed jesprimi espressjonijiet xi ftit jew wisq komuni! "Erġajna", "back to square one", "Basta tajnihom il-flus", "imlewna", "lanqas ħaqq dawk is-sagrifiċċji kollha" u elenku ta' tant aktar emozzjonijiet u argumenti, l-aktar ta' rabja. 

Għandhom raġun in-nies? Iva. Ġustifikati fir-rabja tagħhom in-nies? U kif! Għaliex? Għax għamilna xitwa bis-sagrifiċċji, min kellu jagħmel sagrifiċċju billi tilef il-ħajja soċjali tiegħu jew ma setgħax isiefer - pero' imbagħad kien hemm min għamel sagrifiċċji ħafna akbar minn hekk! Kien hemm min għalaq in-negozju tiegħu, kien hemm min ra n-negozju tiegħu jikkrolla, kien hemm min tkeċċa mix-xogħol, kien hemm min spiċċa bi kwart il-paga li kellu imma l-istess spejjeż, kien hemm min marad, kien hemm min spiċċa l-ITU u kien hemm għexieren ta' nies li mietu (matul l-aħħar Xitwa). Biex dan kollu ġie skapriċċat, hekk, b'nuqqas ta' preparazzjoni biex daħħalna ftit mijiet ta' studenti fl-etajiet  - mhux biss f'Malta imma fl-Ewropa kollha - li huma l-inqas li tlaqqmu, biex mhux talli grazzi għalihom splodew il-każi, talli kellna nħallsulhom titjira lura. Viltà tal-prima klassi! Xejn aktar u xejn inqas! 

dan kollu ġie skapriċċat, hekk, b'nuqqas ta' preparazzjoni biex daħħalna ftit mijiet ta' studenti fl-etajiet - mhux biss f'Malta imma fl-Ewropa kollha - li huma l-inqas li tlaqqmu, biex mhux talli grazzi għalihom splodew il-każi, talli kellna nħallsulhom titjira lura. Viltà tal-prima klassi!

U l-Gvern jaf sew li hawn rabja fuqha din! U jaf sew li hawn ħafna nies, li jaraw aħmar biss, li wkoll tawha għall-Facebook biex jilmentaw, igergru jew saħansitra jiftħu l-kanuni fuq il-Gvern. U taf xhiex? Għandhom raġun!

Imma issa għal magħmul ma hemmx wisq kunsill, għajr li l-Prim Ministru seta' wera' ftit iktar umiltà u ammetta li kien żball li ftaħna l-fruntieri għal nies bla vaċċin. Li kien umli biżżejjed biex jirrikonoxxi li ħafna nies huma ġenwinament mweġġgħin!

Minn naħa l-oħra fejn il-Gvern ħaqqu tifħir, ejja nagħtuhulu. Malta tinsab fil-quċċata fid-dinja f'termini ta' vaċċinazzjoni, b'madwar 82% tal-poplu li diġà ħa l-vaċċin. Dan huwa suċċess kbir tal-poplu, tal-awtoritajiet tas-saħħa, ta' Fearne, tal-Prim Ministru u tal-ħaddiema kollha fis-settur.

Fl-intervista tiegħu mal-gazzetta ILLUM - li qed tidher fil-ħarġa tal-lum - Chrs Fearne għamel punt validissimu. Kieku llum ma għandniex il-vaċċin probabbilment in-numri huma ħafna ogħla, in-nies fl-isptar huma ħafna aktar, is-sintomi ħafna iktar gravi u l-imwiet ħafna aktar. U dan jista' jitqabbel sempliċiment meta tqabbel in-nies fl-isptar illum, ma' dawk meta kellna l-istess restrizzjonijiet.  

Għalhekk ma naqblu assolutament xejn li għandhom jiddaħħlu miżuri restrittivi ġodda - kif reġgħu qed jpproponu t-tobba -  għal diversi raġunijiet. 

L-ewwel, jekk lill-poplu l-Gvern se jerġa' jagħlqu se jkollu jtella' ħafna iktar billboards, iħallas ħafna iktar PR gurus u jagħmel ħafna iktar konferenzi biex jerġa jikkonvinċi lin-nies jerġgħu forsi, forsi jieħdu l-vaċċin darba oħra.

It-tieni, restrizzjoni u għeluq u lockdowns issa vera jfissru falliment assolut tal-ħafna, ħaddiema u sidien. 

jekk lill-poplu l-Gvern se jerġa' jagħlqu se jkollu jtella' ħafna iktar billboards, iħallas ħafna iktar PR gurus u jagħmel ħafna iktar konferenzi biex jerġa jikkonvinċi lin-nies jerġgħu forsi, forsi jieħdu l-vaċċin darba oħra

It-tielet, hemm mezzi oħrajn kif tiġi mrażżna din iż-żieda. Diġà saru bidliet importanti fil-mod kif it-turisti deħlin Malta u jistgħu jiġi infurzati aktar il-liġijiet eżistenti, speċjalment f'ċerti inħawi! Inutli stabbiliment bħal disco se jħalli lil kulħadd jidħol fih, għax vera ottu se nerġgħu niġu! Hemm bżonn direzzjoni ċara - biex tidħol fi stabbilimenti jrid jew ikollok ċertifikat tal-vaċċin, inkella jekk għandek problema biha ma jimpurtax, mur ħu rapid test u stenna siegħa qabel tmur id-diskoteka jew il-bar! Aħsiblu kmieni! 

U għandu jkun hemm ċentri ta' ttestjar f'postijiet bħal Buġibba, Tas-Sliema, San Ġiljan u Paceville. Min għal-ġieħna lanqas test ma jrid jagħmel u ma jrid juri hu u dieħel f'post: Jibqa' barra!

Erġajna f'salib it-toroq. Fil-verità il-każi qed jiżdiedu f'ħafna postijiet. Imma dan mhux soljev! 

L-unika soljev huwa li nkunu nafu li qed isir infurzar veru ma' kulħadd - mhux ma min jaqblilna - u li jkompli l-programm ta' vaċċinazzjoni!

 

More in Politika