Josianne Cutajar | Inħarsu ’l quddiem biex nirpiljaw

'It-turiżmu sostenibbli jew saħansitra dak riġenerattiv li jmur pass oltre. Jekk ma nitkellmux issa dwar dan it-tip ta’ turiżmu, meta rridu nitkellmu?'

Dan l-aħħar kien hemm min ġibidli l-attenzjoni għall-fatt li fl-ajruport ta’ Malta qed ikun hemm kju twil biex joħorġu t-turisti li qed iżuru pajjiżna. Ninsab ċerta li kulħadd jiddejjaq jistenna għal ħin twil, speċjalment biex jidħol lura pajjiżu. Bħala Membru tal-Parlament Ewropew, li rrid insiefer spiss, naf sew l-iskumdita` li xi kultant tiġi mal-ivjaġġar.

Sa’ din il-ġimgħa stess, esperjenzajt il-kju jien stess meta wara żewġ titjiriet wasalt fl-ajruport ta’ Straburgu. Imma, kemm hu aħjar hekk u jkollna moħħna aktar mistrieħ! Kemm hu aħjar hekk milli kif konna dawn l-aħħar sena u nofs, bis-settur turistiku u tal-ivjaġġar imsarnu f’saqajh!

Irridu nirrikonoxxu l-ħidma kollettiva li saret biex ninsabu qegħdin hawnhekk illum, b’aktar u aktar turisti ħerqana jżuru pajjiżna. Mill-programm ta’ vaċċinazzjoni, nazzarda ngħid, fost l-aktar effiċjenti fuq livell globali, sal-għajnuna ekonomika mill-Gvern lin-negozji Maltin, illum qed ingawdu l-għaqal ta’ Gvern Laburista flimkien mas-sagrifiċċji li saru minn tant ħaddiema, negozji u ċittadini.

Sa fl-aħħar, ninsabu hawnhekk, wara li ħdimna u stinkajna biex anke imbuttajna soluzzjonijiet bħaċ-ċertifikat tal-vaċċin u għajnuniet oħrajn lis-setturi li tant intlaqtu mill-pandemija. Ħidma importanti li qed tħalli l-frott iżda li trid tkompli b’mod kontinwu. Il-fatt li bdejna nirkupraw, madanakollu, m’għandux inessina t-tagħlimiet li tgħallimna mill-pandemija.

Inkunu sejrin żmerċ jekk naħsbu li ser imorru lura eżatt kif konna qabel f’ħakka t’għajn, għax dan m’huwiex il-każ u rridu nibqgħu dejjem saqajna ma’ l-art. U dan mhux biss fejn tidħol is-saħħa li rridu nibqgħu nżommu prijorita` iżda wkoll fejn jidħlu aspetti oħra nkluż mudelli ekonomiċi. Kulħadd jaf biżżejjed li d-dinja inbidlet minn sena u nofs ilu ‘l hawn.

Fejn qabel kulħadd kien imdorri jaħdem b’mod fiżiku mill-post tax-xogħol tiegħu, illum sar aktar popolari ir-remote working. Tant sar popolari, li għandna nikrbu fuq din il-mewġa u nħeġġu aktar persuni li jiġu fi xtutna waqt li jkomplu għaddejjin jaħdmu b’mod online. Ma nistax ma nsemmix li l-Gvern nieda wkoll skema ta’ residenza intenzjonata għal dawn il-persuni li jissejħu Digital Nomads. Skemi bħal dawn huma importanti għaliex jippermettu settur ġdid ta’ investiment ta’ flus magħmula barra li jiġu minfuqa f’pajjiżna waqt li dawn il-ħaddiema jkunu qegħdin jgħixu u jaħdmu fiżikament fostna grazzi għat-teknoloġija, u għaldaqstant l-ekonomija Maltija tkompli titkattar. 

Dan iġibni għall-punt li jmiss: it-turiżmu sostenibbli jew saħansitra dak riġenerattiv li jmur pass oltre. Jekk ma nitkellmux issa dwar dan it-tip ta’ turiżmu, meta rridu nitkellmu? It-turiżmu riġenerattiv mhux biss jikkonċentra fuq in-nuqqas t’impatt negattiv minn dawk li jżuru xtutna, imma jiffoka dwar kif it-turisti kapaċi jħallu impatt pożittiv.

Irrid ngħid pero`, li t-turiżimu riġenerattiv ma jiġix waħdu. Irridu nkunu aħna li naraw li jkun hemm aktar investiment fih, kemm mis-settur pubbliku u anke mill-privat, għaliex huwa dak li jippermetti lit-turist iħalli impatt pożittiv fuq l-ekosistema lokali. Insemmi l-fast ferry, per eżempju, li huwa eżempju ċar ta’ impatt pożittiv fuq l-aspett lokali permezz ta’ alternattiva ta’ trasport bil-baħar.

Minflok persuna tikri karozza, u taqsam il-fliegu biha, tista’ tmur l-Imġarr u f’kemm ilni ngħidlek tasal il-Belt u viċi versa: soluzzjoni li toffri kemm aktar kumdita` imma wkoll li tnaqqas l-impatt ambjentali. Insemmi wkoll il-fatt li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar bħala pajjiż irridu niffukaw fuq il-kwalita` tat-turiżmu u ma nieqfux mal-kwantita`, punt li ġie nkluż ukoll fl-istrateġija fit-tul ta’ pajjiżna għat-turiżmu. Irridu nibnu mudell ekonomiku li jassigura li nkunu kapaċi nilqgħu għal pressjonijiet fuq l-ambjent u l-infrastruttura Maltija, fost l-oħrajn. Fi kliem ieħor, irridu nikkunsidraw l-istampa sħiħa u fil-bogħod u naħdmu b’mod aktar intelliġenti u meqjus. Inżommu f’moħħna wkoll li t-turisti tal-lum huma aktar konxji tal-effetti li jridu jħallu fuq postijiet li jżuru, kif ukoll li ġieli jfittxu li joqogħdu jew iżuru postijiet sostennibli. 

Importanti li nibdew inħarsu lejn is-sostenibbilta` mhux bħala għażla li wieħed jista’ jagħżel skont iridx jew le, imma neċessita` li tiġi inkluża b’mod wiesgħa. Ngħid b’mod wiesgħa għaliex fil-passat meta konna nitkellmu fuq sostenibbilta`, forsi konna nassoċċjaw il-kelma mal-ambjent biss. Biss pero’, is-sostenibbilta` ma taffettwax biss l-aspett ambjentali imma dak soċjali u dak ekonomiku wkoll. L-effetti pożittivi ekonomiċi li jiġu mit-turiżmu, ukoll iridu jkunu sostnuti fit-tul u b’mod li jħallu effett pożittiv fuq il-komunitajiet lokali diversi u mhux biss fuq dawk li normalment huma ċ-ċentri turistiċi popolari. Fejn tidħol is-sostenibbilita` tal-konnettivita`, per eżempju, għandna sfida li kibret fl-aħħar sena u nofs kibret, hekk kif il-konnettivita` ħadet daqqa ta’ħarta bil-pandemija u r-restrizzjonijiet relatati mal-ivjaġġar. Dan hu punt li nisħaq ħafna fuqu fil-ħidma parlamentari tiegħi. In-nies għatxana biex issiefer, tieħu esperjenzi ġodda u tiltaqa’ ma’ kulturi u persuni diversi. Huwa dmirna madanakollu li naraw li kulħadd ikollu mezzi tat-trasport adegwati u affordabli biex jagħmel dan bl-aħjar mod possibbli, ġej minn fejn ġej, u din hija xi ħaġa li bħala soċjalisti rridu nibqgħu nimbuttaw u nieħdu azzjoni dwarha. 

Dan kollu jeħtieġ koordinament bejn l-imsieħba kollha fis-settur. Sadanittant irridu nkomplu bil-ħidma fejn jidħol l-irkupru mill-pandemija, irkupru li m’għandux jieqaf biss mal-aspett tas-saħħa u dak ekonomiku immedjat - li huma t-tnejn essenzjali u diġa` prijorita` - imma għandu wkoll iħares li jindirizza l-isfidi u pjagi soċjali u ambjentali li qed naffaċjaw fuq livell Ewropew u internazzjonali 

More in Politika