Robert Aquilina | Xbajna nisimgħu skużi mingħand il-Prim Ministru u l-Kummissarju tal-Pulizija!

'Dan it-tnawwir rajnieh u ddenunzjajnih aħna u rah ukoll ħaddieħor barra minn xtutna.'

Meta ġimagħtejn u nofs ilu Malta tpoġġiet fuq il-lista l-griża tal-FATF, il-Prim Ministru Robert Abela pprova jbellagħha lill-poplu Malti u Għawdxi li t-tort għal dan huwa ta’ kulħadd minbarra tiegħu u tan-nies li jiekol il-kirxa magħhom. 

L-istess għamel il-Kummissarju tal-Pulizija, li qalilna li l-Korp tal-Pulizija għadda mit-test tal-FATF “with flying colours”, jekk ma tridx.  Tismagħhom jitkellmu, tibda taħseb li hemm xi prestiġju li tkun fuq dil-lista griża. 

Allura tajjeb naraw x’inhu dax-xogħol tant siewi li għamlu Robert Abela u ta’ madwaru. Tajjeb naraw x’għamel il-Kummissarju tal-Pulizija biex waslana s’hawn.  Ta’ min ifakkar li kif appena sar Prim Ministru, Robert Abela ħatar lil Konrad Mizzi bħala kap tad-delegazzjoni Maltija għall-OSCE. U kieku mhux għax niżżilna n-nies fit-toroq, hemm kien iħallih. 

L-istess għamel fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar. Meta sirna nafu b’dak li kien hemm bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech, żammha fil-kariga ta’ segretarja parlamentari. Ma ċaqlaqx seba’ wieħed, sakemm aħna għollejna leħinna u ġegħilnieh ineħħiha. 

U issa, wara li bir-rapport tal-Kummissarju Hyzler ħareġ iżjed fil-beraħ kemm Rosianne Cutajar hi close mal-allegat mandant ta' assassinju ta' ġurnalista, Robert Abela lanqas għandu d-diċenza li jkeċċiha mill-grupp parlamentari tiegħu. Jista’ ikeċċiha, iżda ma jridx. Jista’ ikeċċiha, iżda jagħżel li ma jaqdix dmiru. Għal darb’oħra bejn dawk li jagħmlu isem ħażin lil Malta u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin, Robert Abela jagħżel lil dawk li jagħmlu ħsara lil Malta. 

U kemm konna ilna ngħidu li Edward Scicluna m’għandux ikun fdat b’karigi pubbliċi? Robert Abela baqa’ jkaxkar saqajh. U meta fl-aħħar Scicluna irriżenja mill-parlament, għamel hekk biss għax Robert Abela kien ftiehem miegħu li jappuntah Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ pajjiżna. X’ma neħlux mit-test tal-FATF! 

Sena ilu, dak li għażel Robert Abela biex imexxi l-Korp tal-Pulizija beda x-xogħol tiegħu bħala Kummissarju. Tajna ċans għal xahar, tnejn, tlieta, erba’, għaddiet sena, spiċċatlu l-probation f’dawn il-jiem ...... u fejn wasalna, x’riżulati għandna f’idejna? 

Ftit wara li laħaq Kummisssarju, is-Sur Angelo Gafa’ ħabbar li kienet ser tibda prosekuzzjoni ta’ każ importanti ħafna. Kulħadd fehem li kien qed jitkellem fuq il-Pilatus Bank u hu ma ċaħadx dan. Għaddiet sena, smajna b’ħafna skużi għal dan id-dewmien u bqajna bir-riħa. 

L-uniċi prosekuzzjonijiet sinjifikanti li rajna fil-Qrati tagħna seħħew għaliex taw frott l-inkjesti maġisterjali mitluba minn Simon Busuttil, dawk li Robert Abela ma riedx u li ta’ madwaru għamlu minn kollox biex iwaqqfu. 

U allura tajjeb li issa nibdew niġbdu l-konklużjonijiet tagħna dwar Robert Abela u dwar dawk nominati minnu - l-ewwel fosthom, il-Kummissarju tal-Pulizija. 

  1. Meta se jressqu lill-eks ministru John Dalli? 
  2. Għaliex ma wasalnix għal prosekuzzjoni dwar il-ħadma ta’ 17 Black fil-Montenegro? 
  3. Għaliex fuq Keith Schembri mexxew biss – u għax kienu mġiegħla - fuq ħwejjeġ li seħħew qabel ma hu kien fil-poter? 
  4. Għaliex ma ressqux quddiem il-ġustizzja lil Konrad Mizzi? 
  5. Fuq is-serqa ta’ tliet sptarijiet tal-Maltin, għadhom s’issa iċċassati? 
  6. Għaliex dat-tkaxkir tas-saqajn  fl-investigazzjoni fuq il-kumpanija MacBridge? 
  7. X’qed jagħmlu l-istituzzjonijiet fuq Chris Cardona? 
  8. Il-kuntratt tal-Electrogras qegħdin jinvestigawh? 
  9. Lil Silvio Valletta u lil Lawrence Cutajar ser iħalluhom jiġru barra bħallikieku m’għamlux l-oxxenitajiet li għamlu? 
  10. Għaliex f’pajjiżna ħadd għadu ma tressaq il-Qorti fuq il-Panama Papers? 
  11. Kif qed jaħdmu l-istituzzjonijiet mar-rebbieħ tal-premju tal-iktar politiku korrott fid-dinja, Joseph Muscat? 
  12. Kif nistgħu qatt naċċettaw li lil Joe Cuschieri qed iħalluh jgħaddiha lixxa? 

Il-verità hi waħda u ċara għal kulħadd: taħt Robert Abela u Angelo Gafa’ baqgħat tirrenja l-impunità.  Taħthom żammejna r-rekord dinji tal-pajjiż fejn il-politiċi huma untouchables. Magħhom il-politiċi korrotti għandhom iċ-ċertezza assoluta li l-ebda livell ta’ korruzzjoni u kriminalità oħra mhi se twassalhom biex iqattgħu imqar siegħa l-ħabs. 

Min qed imexxi lil pajjiżna m’għandux jibqa’ jistma lill-poplu b’dan id-diżrispett. Għandu jgħid lill-poplu dak li qaltlu l-komunità internazzjonali: li l-gvern Malti u l-istituzzjonijiet Maltin mhumiex kredibbli fejn tidħol is-saltna tad-dritt, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġustizzja fil-konfront ta’ nies fil-politika u dawk qribhom u f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. 

Għajnejn id-dinja qegħdin aktar minn qatt qabel fuq pajjiżna. Pajjiżna għadu meqjus bħala problema, għax hawn il-liġi ma tgħoddx għal kulħadd bl-istess mod. Hawn jekk ikollok il-konnessjonijiet it-tajba, ma jkun jista’ għalik ħadd. 

Dan it-tnawwir rajnieh u ddenunzjajnih aħna u rah ukoll ħaddieħor barra minn xtutna. Għalhekk ġejna greylisted. Għal dan il-ħażin la ser iġorr il-konsegwenzi Robert Abela, la Joseph Muscat u l-ebda Kummisarju tal-Pulizija li kellna jew li għad għadna. Għal dan kollu ser ikollhom iħallsu l-ħaddiema Maltin u Għawdxin. 

U kemm -il pass ’il quddiem għamilna bis-saħħa tal-Kummissarju tal-Pulizija? Iltqajt ma’ kummissarju tal-pulizija wieħed wara l-ieħor f’dawn l-aħħar snin u nkun l-ewwel wieħed li nirrikonoxxi li s-Sur Angelo Gafa’ għandu image ħafna u ħafna u ħafna aħjar minn ta’ qablu. Pero’ aħna mhux mill-image jinteressana. Aħna riżultati irridu. Tajnih iċ-ċans kollu. Tajnih il-benefiċċju tad-dubbju. Iżda llum aħna diżappuntati. 

Fil-parlament Malti għad għandna lil Konrad Mizzi għas-sempliċi raġuni li l-pulizija ma qditx id-dover tagħha u qed tibqa’ ma taqdihx. Il-fatt hu li Robert Abela jista’ jibqa’ ikanta d-diska tal-kontinwità għax dan il-kummissarju  - bħall-kummissarji ta’ qablu - ma ressaq lil ħadd quddiem il-ġustizzja biex iwieġeb għall-oxxenitajiet li saru taħt u bl-involviment ta’ Joseph Muscat. 

Lil Robert Abela ma nixbgħu qatt infakkruh li hu Prim Ministru biss għax aħna nżilna fit-toroq u rnexxielna nneħħu lil ta’ qablu. Hu prim ministru b’riżultat tal-għajta tagħna kontra l-korruzzjoni li wettqu sħabu. 

Lil Robert Abela, lid-Deputati tal-Gvern, lill-Kummissarju tal-Pulizija u lil kull min għandu mqar tikka awtorità f’dawn il-gżejjer, ngħidulhom li xbajna nistennew, xbajna nisimgħu skużi. Jekk jisimgħu biss bl-istorbju tal-protesti, ma ndumux ma nerġgħu nsemmgħhom l-istorbju tal-protesti. 

More in Politika