Jerome Caruana Cilia| Poġġi lill-pajjiżna l-ewwel u qabel kollox

'L-eks Prim Ministru Dom Mintoff kien jgħid "Malta l-ewwel u qabel kollox". Il-Prim Ministru Abela lest li jagħmel l-istess mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd?'

L-aħbar li bdiet ħierġa fuq il-mezzi tax-xandir fit-23 ta' Ġunju ħasdet lil bosta. Oħrajn qalu li kienu qed nistennewha u oħrajn qalu li hekk kien ħaqqna. 

Malta tpoġġiet fil-lista l-griża (grey list) li jfisser li pajjiżna se jkollu jgħaddi minn monitoraġġ aktar robust fejn jidħol il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. F'dan l-aħħar review kienu 4 pajjiżi minn madwar id-dinja li tpoġġew f'din il-lista l-griża: Malta, il-Haiti, is-Sudan t'Isfel u l-Filippini. B'kollox hemm 18-il pajjiż f'din il-lista. Pajjiżna jibqa' l-uniku pajjiż fost il-membri tal-Unjoni Ewropea li qatt tpoġġa fuq din il-lista. Qatt ma kellna naslu sa hawn. 

Bil-business as usual wasalna għall-grey listing u biex noħorġu minnha għandna bżonn politika differenti. Kull Malti u Għawdxi jaf li meta jkollok problema, din issir agħar jekk tittraskuraha. 

Ċerta kummenti u attitudni tal-Gvern, li qisu xejn mhu xejn, tinkwetani. Ħafna qed iħossu li hekk qiegħed jagħmel il-Gvern Laburista bħalissa, qiegħed jaħseb li l-grey listing ser jgħaddi waħdu u jagħmel minn kollox biex ma nitkellmux wisq fuqu. 

Ir-reputazzjoni ta' pajjiżna 

Il-Gvern Laburista ġab ir-reputazzjoni ta’ kull Malti u Għawdxi għarkuptejha. Ilna snin nitkellmu dwar dan. Ma nafx kemm 'il darba semmejtha waqt xi diskussjoni. Ir-reputazzjoni ta' pajjiżna hi kollox. Speċjalment għall-oqsma tas-servizzi finanzjarji u ekonomiċi, il-loġistika, il-gaming u l-marittimu, ir-reputazzjoni ta' pajjiżna hi kruċjali. 

Kull ġurnata li qed nagħmlu fuq il-lista l-griża, potenzjalment ser inpattuha b’nuqqas ta’ investiment dirett barrani, investiment li tant ħdimna għalih bħala poplu sabiex bis-saħħa tiegħu pajjiżna kiber u kien l-għażla naturali ta’ ħafna. Ara kemm professjonisti u ħaddiema matul is-snin ħadmu qatigħ biex itejbu r-reputazzjoni ta' Malta tagħna. Dawn l-istess ħaddiema u professjonisti llum huma mweġġħin b'dan kollu. Ix-xogħol tagħhom ta' kuljum tgħabba b'ħafna burokrazija u wħud li tkellmu miegħi ġenwinament qed jibżgħu li x-xogħol tagħhom jinsab f'riskju. 

Nuqqas kbir ta' kredibbiltà 

Biex nipprova nissimplifika l-affarijiet, kien hemm it-test tekniku u dak politiku li jiddependi fuq il-kredibbiltà. Minn tal-ewwel jidher li għaddejna għaliex it-tibdil fil-liġijiet saru u dan wara ħafna diskussjonijiet fil-Parlament bis-sehem tal-membri taż-żewġ naħat tal-Kamra.  

Il-problema hi ċara, dik ta' kredibbiltà. Għalxejn l-ispin li ċertu apoloġisti tal-Gvern Laburista jippruvaw jagħtu, għaliex kulħadd jaf x'ġara matul l-aħħar tmien snin. Minkejja dak kollu li prova jagħmel il-Ministru tal-Finanzi l-ġdid fl-aħħar xhur, biex jikkonvinċi lil uhud mill-pajjiżi li rieduna fuq il-grey list, ma kienx biżżejjed. Nafu lkoll min hu responsabbli għal dan kollu. 

Il-ħafna propaganda u buzzwords forsi jikkonvinċu xi partitarji Laburisti li kollox miexi ħarir, li kollox xejn mhu xejn u li aħna l-aqwa fid-dinja. Però jibqa' fatt li l-grey listing żgur li mhux l-aqwa żmien għal pajjiżna. 

X'għandu jsir? 

Robert Abela ġie elett mexxej tal-Partit Laburista u allura Prim Ministru wara Joseph Muscat bl-għajta ta’ kontinwità. Hu stess kien jiftaħar li kien spalla ma’ spalla ma’ ta’ qablu fid-deċiżjonijiet li kienu jittieħdu Kastilja bħala konsulent tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat. Naturalment, naqblu li għandu jkompli fuq it-tajjeb li sar, imma żgur li għandu jkollu s-sinsla li l-ħazin li sar jirrikonoxxih u jwarrbu darba għal dejjem.  

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, sfida lil Robert Abela sabiex jekk verament irid jgħaddi messaġġ lill-poplu Malti għandu mingħajr dewmien u pubblikament jiċħad lil Joseph Muscat, jammetti li Joseph Muscat wassal lil pajjiżna f’dan l-istat, jammetti li dan hu l-legat ta’ Joseph Muscat u jneżża' lil Joseph Muscat mill-ogħla onorefiċenzi ta’ pajjiżna. 

Bernard Grech saħaq li jekk ma jagħmilx hekk, allura, Robert Abela kburi b’dak li għamel Joseph Muscat u li verament se jibqa’ kontinwità tiegħu. Għal dawk li lil Joseph Muscat jarawh bħala xi alla jew saħansitra aqwa minn Mintoff dawn it-talbiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni jidhru kemxejn esaġerati. Però kull min iħares lejn il-lenti b'mod oġġettiv, jista' jara li minkejja l-kisbiet ta' Joseph Muscat bħala Prim Ministru, il-legat tiegħu (u ta' nies tant qrib tiegħu li kien jiddependi minnhom) se jibqa' mċappas b'allegazzjonijiet kbar ta' korruzzjoni, ħmieġ, tixħim u saħansitra dak li ħareġ fil-Qorti, b'allegazzjonijiet kbar tal-involviment, dirett jew indirett, ta' Kastilja fil-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Quddiem dan kollu dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni jieħu stampa iktar ċara u jagħmel sens. Il-Prim Ministru Abela m'għandux għażla oħra quddiemu.  

L-eks Prim Ministru Dom Mintoff kien jgħid "Malta l-ewwel u qabel kollox". Il-Prim Ministru Abela lest li jagħmel l-istess mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd? Lest li jpoġġi l-interess ta' pajjiżna l-ewwel u qabel kollox? 

Il-Gvern u kull min hu responsabbli għandu jagħmel li jista' biex noħorġu minn din il-lista l-griża llum qabel għada. Ma jistax ikun li pajjiżna jibqa' jiġi mzeblah minħabba r-rebgħa tal-ftit. Pajjiżna jixraqlu aħjar. Il-poplu Malti jixraqlu aħjar. Il-ħaddiema, il-professjonisti u s-self employed jixirqilhom aħjar. 

More in Politika