Editorjal | Ma nħottux is-suċċessi tagħna stess!

Il-Coronavirus jidher li qegħda magħna għal ħafna snin. Xogħlna mhuwiex li neradikawha, daqs kemm huwa li ninnormalizzawha 

F'dawn l-aħħar jiem il-paċi, id-divertiment u r-rilassament tas-sajf kienu xi ftit interrotti b'numri tal-Covid-19 li f'temp ta' ftit jiem marru minn ftit iktar minn 10, għal madwar 100.  

Naturalment il-midja soċjali u anke d-diskursati privati kienu mixgħulin bid-diskussjoni, ħafna minnha aktar rabja milli diskussjoni, dwar din iż-żieda mhux mistennija u ovvjament mhux mixtieqa fin-numri ta' każi ta' Covid-19.  

Tajjeb li nieħdu dawn in-numri f'kuntest pero'.  

L-ewwenett iż-żieda fin-numri dan is-sajf ma tista' b'ebda mod titqabbel ma' dik tas-sena l-oħra għal raġuni waħda tant importanti:  Is-sajf li għadda lanqas persuna waħda ma kienet ħadet il-vaċċin.  Dan is-sajf - sa ftit jiem ilu - 78% tal-poplu kien ivvaċinat, b'mod sħiħ (l-ewwel u t-tieni doża). Din hija differenza qawwija ħafna li sal-lum u għall-aħħar ġimgħat ħalliet riżultat ċar: Naqsu bil-kbir dawk li qed ikollhom jiddaħlu l-isptar, filwaqt li għal ġimgħat sħaħ pajjiżna ma rreġistrax mewt waħda ta' persuna li kellha l-Covid-19 (u vvaċċinata). Jekk dan mhuwiex sinjal tajjeb li l-vaċċin għamel differenza pożittiva, mela ma nafux x'jista' jkun sinjal pożittiv! 

It-tieninett, iż-żieda fil-każi li iżda mhux qed timxi parallel ma' żieda fin-numri ta' persuni li qed ikollhom jiddaħħlu l-isptar mhux fenomenu lokali, iżda fenomenu f'ħafna pajjiżi madwarna - b'mod speċjali fl-Ewropa. Dan huwa riżultat tal-varjant Delta li minkejja illi ma jidhirx li huwa b'saħħtu daqs il-vaċċin (sa issa!), xorta jinfirex malajr! 

it-tielet: Jeħtieġ nagħmlu differenza bejn li jkollok il-Covid-19 u li jkollok bżonn kura minħabba l-Covid-19. L-akbar problema, f'pajjiż bi kważi 80% tal-poplu vvaċinat mhumiex in-numri ta' każi ġodda, daqs kemm huma n-numri ta' nies li qed jiddaħħlu għall-kura minħabba l-Covid-19. Dan jidher li ħafna sempliċiment ma jridux jifhmuh. Kulħadd jħares lejn numru wieħed, daqslikieku dak in-numru huwa l-bidu u t-tmiem ta' kollox! Meta fil-fatt mhux jew m'għadux!  

Il-Coronavirus jidher li qegħda magħna għal ħafna snin. Xogħlna mhuwiex li neradikawha, daqs kemm huwa li ninnormalizzawha - jiġifieri li ndgħajfu l-virus biżżejjed, biex ninnewtralizzaw kemm nistgħu l-effetti tiegħu! Iva, kulħadd jixtieq li l-Covid-19 ma teżistix, bħal ma nixtiequ li ħadd ma jmut b'tumuri, attakki tal-qalb, l-HIV u miljuni ta' raġunijiet oħrajn - imma nafu li dik mhix xewqa reali!  

Żmien il-ħolm spiċċa! Qatt mhu se ndoqqu l-qniepen tal-kampnari biex niċċelebraw it-tmiem tal-Covid-19 - bħal ma kienu ċċelebraw it-tmiem ta' diversi gwerer, tant eluf qabilna. Din hija storja differenti, għax il-Covid-19 qegħda hawn biex tibqa' - għallinqas għas-snin li ġejjin! Xogħlna huwa li niġġilduha!  

Imma min-naħa l-oħra din il-ġimgħa rajna wkoll poplu li b'orgolju - mingħajr differenzi partiġġjani - lest jiġġieled għal-libertà li kiseb b'sagriffiċju finanzjarju u psikoloġiku kbir!  Jekk l-affarijiet ma jsirux sew, jew jillaxkaw, il-Gvern lanqas fuq l-akbar attivisti tiegħu mhu se jkun jista' jserraħ għaċ-ċapċip fuq din il-biċċa xogħol! 

Fil-fatt il-pressjoni f'temp ta' jumejn kienet kbira biżżejjed biex il-Gvern iddikjara li min jiġi Malta jrid ikun ivvaċinat, minn nhar il-Erbgħa li ġej!  U dan l-editorjal jgħid li hekk sewwa u xieraq! 

Lilhinn mir-riperkussjonijiet legali, politikament din hija deċiżjoni li tagħmel sens, inkella ħa nibqgħu sejrin biha din - lockdowns u restrizzjonijiet tul xitwa sħiħa, biex imbagħad niftħu għal xahar u nerġgħu nibdew ngħalqu! 

Il-poplu Malti dan ma jridux għax-xeba' - bħal ma xebgħu l-popli madwar id-dinja kollha! B'dfferenza waħda! Aħna qegħdin fost l-aqwa fl-Ewropa u saħansitra fid-dinja f'termini ta' każi u vaċċinazzjoni - allura tkun verament kundannabbli u pastażata kbira li b'azzjoniet l-awtoritajiet jew xi erba' cowboys, nitilfu dak kollu li ħdimna għalih!  

Id-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern nhar il-Ġimgħa kienu tajbin, diffiċli u f'waqthom (jekk mhux tard). U għandha tkun ċara għal kulħadd - inkluż mal-UE -  li daqshekk logħob ma' ħajjet in-nies, ma' ħajjet negozjanti u ma' ħajjet familji u individwi! 

Is-sagrifiċċji saru, il-poplu qeda dmiru billi ħa l-vaċċin u ħafna wrew li lesti jerġgħu jiħduh - mela ma għandu jsir xejn li jerġa' jkisser dak kollu li nbena fl-aħħar xhur! Għax tkun ħafna iktar minn sempliċiment ħasra! 

More in Politika