Editorjal | Biex ma jkollniex Miriam Pace oħra ...

X'disservizz kbir għamilna lis-sens ta' ġustizzja li tant u tant stennejna li ssir ma' Miriam Pace, lis-sens ta' proporzjon fil-ġustizzja - li l-piena tkun riflessjoni tar-reat

Din il-ġimgħa żewġ periti instabu ħatja bil-qtil involontarju ta' Miriam Pace u s-sentenza li ngħtatat mill-Qorti kienet ta' multa u xogħol fil-komunità.  Din is-sentenza xxokkjat lil eluf ta' nies madwar pajjiżna li bdew iħallu kummenti fuq il-midja soċjali inkluż taħt messaġġ li tella' l-avukat tal-familja Pace. Min laqagħha b'rabja kbira, min ħasibha ċajta u min argumenta li biha l-ġustizzja ma saritx.

Issa dan l-editorjal jifhem li l-familja Pace għaddiet minn infern - tara lil omm u mara fl-aqwa ta' ħajjitha tgħaddi minn mewtha kerha hekk kif xogħol maġenb id-dar tagħha jidher li wassal biex id-dar tal-familja Pace taqa'. Dan ma kienx l-ewwel inċident tax-xorti tiegħu, għax kien hemm numru ta' binjiet oħrajn li waqgħu b'nies li jew ħelsuha ħafif, u oħrajn li spiċċaw bla dar, jibku għall-ġustizzja.  

Imma Miriam Pace kellha tkun l-ewwel vittma ta' inċident bħal dan. 

Il-mewt tagħha kienet ilha ġejja. Konna ilna niġu mwissija, minn meta waqgħet dar fi Gwardamangia, oħra fil-Mellieħa u oħra f'Bormla li ħalliet ħaddiem bla ħajja wkoll (saħansitra wara ta' Pace). Konna ilna niġu mwissija, kellna biżżejjed żmien biex naraw li ma sseħħħx traġedja oħra, li l-Gvern juri snienu mal-cowboys.  Imma ma kellux ikun, għax Miriam Pace tilfet ħajjitha. 

L-inqas li nistgħu nagħmlu bħala pajjiż ladarba għall-magħmul ma hemmx kunsill u ladarba l-akbar inġustizzja - it-teħid ta' ħajja - ma nistgħu qatt nirranġawha, kienet li ssir ġustizzja. Li l-ġustizzja li ssir tkun deterrent qawwi u b'saħħtu li jibgħat messaġġ f'kull rokna ta' dan il-pajjiż li wasal iż-żmien tas-serjetà, li inċidenti li bħal dawn iġorru magħhom responsabilità kbira u piż liema bħalu. Messaġġ ċar li se naħdmu kemm nifilħu biex Miriam Pace u dak il-ħaddiem f'Bormla jkunu l-ewwel u l-aħħar tnejn li jgħaddu minn diżgrazzja sforz in-negliġenza ta' ħaddiehor. 

Minflok ġara li ġara!

Dan l-editorjal jirrispetta x-xogħol kbir li tagħmel il-Qorti u jifhem li f'dan il-każ kien hemm xi forma, jew xi forom, ta' kumpens monetarju u forsi aktar ukoll! Nifhmu li d-deċiżjoni tal-Qorti kienet tirrifletti wkoll ix-xewqat tal-familja Pace.  Pero' x'disservizz kbir għamilna lis-sens ta' ġustizzja li tant u tant stennejna li ssir ma' Miriam Pace, lis-sens ta' proporzjon fil-ġustizzja - li l-piena tkun riflessjoni tar-reat. 

Wara dawk ix-xhur kollha nistennew, nipprotestaw u nsemmgħu leħinna biex dak li ġara ma jerġax jiġri - filwaqt li konna qed nipprotestaw, filwaqt li konna qed nitolbu ġustizzja, kien hemm in-negozjati biex jingħata l-kumpens. Biex il-familja li għaddewha minn martirju, iwegħduha li l-maritirju tagħhom spiċċa għax għaddewlhom il-kumpens. 

Il-messaġġ li ntbagħat huwa wieħed ċar: Jekk Allaħaresqatt Malta jkollha Miriam Pace oħra, u jekk min bin-negliġenza qatilha (mhux seraqha, mhux għajjarha - qatilha!) għandu biżżejjed biex iroxx il-kumpens, iħallas u barra b'multa u ftit xogħol fil-komunità!

Daqshekk tiswa' ħajja ta' bniedem? Ftit eluf u "community work"? 

Aħna m'aħniex niddubitaw is-sodezza legali tas-sentenza, mhux se nkunu aħna li niddubitaw ix-xogħol ta' min huwa l-espert fil-Liġi.  Dak mhux il-punt ta' dan l-editorjal. Aħna qed niddubitaw - u bil-kbir - kemm din is-sentenza tista' b'xi mod, tħares kif tħares lejha, tidher bħala deterrent biex ma jkollniex Miriam Pace oħra. Tidher bħala twissija biex ma jkollniex Miriam Pace oħra. 

Huwa tajjeb li ma ssirx vendetta - imma ġustizzja u vendetta huma żewġ affarijiet kompletament differenti. Meta mara tmur il-Qorti għax żewġha biċċirha, tista' taħfirlu, tista' ma tridx vendetta - imma l-ġustizzja xorta ikollha ssir u jekk ikun hemm bżonn xorta jkollu jmur il-ħabs jew imqar jingħata sentenza sospiża. 

Jekk mara ttajjar anzjan b'negliġenza tagħha, għax waqt li kienet qed isuq kienet moħħha fil-mobile u dak l-anzjan imut, u tispiċċa sena ħabs jew sentenza sospiża jew il-liċenzja tas-sewqan sospiża - dik vendetta allura? 

F'dan il-każ sal-lum, lanqas biss ġiet fid-dubju l-liċenzja ta' min instab ħati - apparti li l-kuntratturi fuq dan is-sit il-Gvern kompla jagħtihom ix-xogħol. Kellha tkun il-Kamra tal-Periti li tgħid li se terġa tirrevedi l-każ fid-dawl tal-liċenzja ta' min kien involut? 

Jekk il-ġustizzja issa qed insejħulha vendetta, mela ngħalqu l-Ħabs, nibgħatu lill-Maġistrati vaganza is-Seychelles, il-Qorti nbiddluha f'sala tat-tiġijiet - u kull min jiżbalja jew saħansitra jwassal għall-qtil nibgħatuh f'konfessjonarju, forsi jaghtih tliet ave marijiet l-Kapillan - u forsi, forsi tmissu l-kuxjenza. 

Iva aħna għandna fiduċja fil-Qorti u għalhekk dan l-Editorjal jieħu sentenza bħal din bi kbira, propju għax għandna fiduċja u għax nistennew aħjar!

Għax ħaqqna ġustizzja ħafna aħjar minn hekk biex verament nassiguraw li ma jkollna qatt u qatt Miriam Pace oħra.

More in Politika