Miriam Dalli | Aktar minn qatt qabel

'M'hemmx dubju li d-deċiżjoni tal-FATF ħalliet warajha sens ta’ inġustizzja max-xogħol kollu li kien qed isir. Fl-istess ħin iżda, bħala Gvern, se nkomplu naħdmu fuq l-affarijiet li jridu jiġu indirizzati'

Sa mill-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Moneyval fl-2019, Malta telqet bi programm ta’ riformi biex it-58 azzjoni rrakkomandati f’dan ir-rapport jkunu indirizzati. Fit-18-il xahar li segwew, Malta implimentat diversi riformi kemm fuq materji tekniċi u kif ukoll fil-prattika. Fil-fatt, l-FATF irrikonoxxiet li Malta indirizzat kull azzjoni bis-sħiħ ħlief għal tlieta – minkejja li dawn qed jiġu indirizzati.

Għalhekk, mhemmx dubju li d-deċiżjoni tal-FATF ħalliet warajha sens ta’ inġustizzja max-xogħol kollu li kien qed isir. Fl-istess ħin iżda, bħala Gvern, se nkomplu naħdmu fuq l-affarijiet li jridu jiġu indirizzati.

Se nkunu qed inżidu l-impenn tagħna biex inkomplu mexjin fid-direzzjoni li ninsabu fiha : dik ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli u appoġġ għall-irkupru wara l-pandemija. Wara 15-il xahar ta’ għajnuna u appoġġ bla preċedent, in-negozji f’pajjiżna u l-ħaddiema jafu kemm verament f’dan il-Gvern għandhom tassew sieħeb b’saħħtu li jinvesti fihom, għax verament jemmen fihom.

Bl-istess mod li l-isfida tal-pandemija ma qatatilniex qalbna, se naraw li l-ekonomija tagħna tkompli tissaħħaħ b’direzzjoni ċara lejn mudell ekonomiku sostenibbli li jagħti priorità lit-tisħiħ tal-kwalita’ tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

12-il miljun oħra investiti fin-negozji tagħna

Din il-ġimgħa komplejna nħabbru inċentivi u miżuri li l-għan tagħhom huwa li jkompli jassisti lin-negozji Maltin. Permezz tal-Malta Enterprise se nkunu qed ninvestu xejn inqas minn 12-il miljun ewro mifruxin fuq tlett miżuri ewlenin, bil-għan li jtaffu mill-ispiża tal-operat.

Propju f’din il-fażi li fiha qed naraw il-bidu ta’ rkupru ekonomiku, irridu naċċertaw ruħna li n-negozji Maltin ma jġorrux waħedhom l-ispejjeż li b’mod naturali wieħed jiffaċċja fl-operat tiegħu. Għalhekk se nkunu qed naraw li nassistu billi ninvestu mas-€7 miljun fi skema li tkopri nofs l-ispiża tal-kera ta’ dawk in-negozji li kienu magħluqin minħabba r-restirizzjonijiet li daħħlu fis-seħħ f’Marzu li għadda.

Fl-istess ħin se nkunu qed ninvestu aktar minn €4 miljun sabiex niffrankaw lin-negozji nofs il-kontijiet tal-elettriku għall-ewwel tlett xhur tas-sajf, perjodu li fih normalment dawn il-kumpaniji jaraw żieda fil-konsum u l-ispiża tagħhom.

Għax verament ma rridu li nħallu lil ħadd waħdu, ħabbarna wkoll għotja ta’ €1,000 għal dawk in-negozji li minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija intalbu li jibqgħu magħluqa għal perjodu itwal minn oħrajn. Konxji li dawn in-negozji kellhom jagħmlu sagrifiċċju akbar sabiex il-pajjiż qed jirenxxilu jikseb dan is-suċċess fil-kontroll tal-pandemija u għalhekk irridu li nassistu lil dawn in-negozji wkoll.

Ninvestu f’ekonomija dejjem aktar sostenibbli

Matul l-aħħar ġimgħat komplejt niltaqa’ ma’ negozji Maltin u Għawdxin li qed jinvestu fil-futur taghhom.

Aktar inkoraġġanti minn hekk huwa n-numru dejjem akbar ta’ kumpaniji Maltin li qed jinvestu f’business models dejjem aktar sostenibbli. L-impatt fuq l-ambjent qed issir dejjem aktar kriterju ewlieni fid-deċiżjonijiet tal-intrapriżi Maltin, bħal meta jkunu se jkabbru l-operat tagħhom, jinvestu f’makkinarju ġdid jew meta jiżvilupaw prodotti ġodda.

Propju din il-ġimgħa ltqajt ma’ rappreżentanti ta’ wħud mil-akbar kumpaniji f’pajjiżna. Flimkien magħhom nedejna inizjattiva ġdida li għandha żewġ għanijiet importanti. Filwaqt li permezz tal-entitajiet tal-Gvern se nkunu qed ngħinu lil dawn il-kumpaniji jinvestu f’operat aktar sostenibli, irridu fl-istess ħin ngħinuhom juru aħjar dak li qed jagħmlu f’dan il qasam sabiex ikunu jistgħu jattiraw lejhom investiment dejjem akbar.

Fl-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena, madwar l-Ewropa kollha ġew investiti xejn anqas minn żewġ biljun Ewro kuljum f’kumpaniji li għandhom kredenzjali ambjentali, soċjali u ta’ governanza għolja. Dan huwa dak li jissejjaħ “ESG Investment”. Huwa evidenti li ħafna investituri, illum aktar minn qatt qabel, qed ikunu attenti ħafna li jpoġġu l-flus tagħhom f’kumpaniji li jpoġġu l-investment fis-sotenibilità, bħala wieħed mill-għanijiet primarji tal-kumpaniji tagħhom.

Qed nibnu ekosistema li taġevola l-investiment

Irridu nagħmluha dejjem aktar possibli għall-investituri bħal dawn li jinvestu f’kumpaniji Maltin li huma kommessi li jinvestu f’mudell ekonomiku sostenibbli. Għalhekk huwa ta’ kuraġġ li nara li magħna, bħala partners ewlenin f’dawn l-inizjattivi qed naraw ukoll numru ta’ banek u intermedjarji finanzjarji bħal stockbrokers li jistgħu jgħinu mhux ftit biex jaġevolaw it-tranżizzjoni ta’ investimenti lejn kumpaniji Maltin li jinvestu fis-sostenibilità. Dan il-mudell li issa qed jaħdem sew barra minn xtutna irridu nirrepplikawh f’pajjizna. B’hekk naċċertaw rwieħna li l-kumpaniji tagħna jservu ta’ xprun biex l-ekonomija tagħna tkompli tissaħħah waqt li titrasforma ruħha.

Qed nagħmlu dan għaliex irridu lill-investituri Maltin - li jridu jinvestu flushom f’kumpaniji li qed jimbuttaw ‘il quddiem proġetti sostenibli - jkunu jistgħu jagħmlu dan billi jinvestu primarjament f’kumpaniji Maltin bħal ma diġà qed issir barra minn xtutna. Dan jista’ jsir jekk flimkien nibnu ekosistema b’saħħitha bil-parteċipazzjoni anke tas-settur finanzjarju lokali li taġevola u tgħin biex dan l-investiment ikun jista’ jsir b’mod effettiv.

L-isfidi ma jbeżżawniex u wisq anqas jaqtawlna qalbna. Irnexxilna noħorġu b’suċċess mil-pandemija u se jirnexxilna nibnu ekonomija aktar b’saħħitha għax nafu fejn irridu naslu. Dan kollu li qed nagħmlu mhux riżultat ta’ reazzjoni iżda jirrifletti l-ambizzjoni tagħna, il-viżjoni ta’ fejn irridu naraw lil pajjiżna fis-snin li ġejjin. L-għan tagħna huwa li jkollna pajjiż dejjem aktar b’saħħtu, ekonomija aktar sostenibbli li tipremja l-bżulija tal-ħaddiema u ta’ min iħaddimom u li fuq kollox tiggarantixxi ġejjieni aħjar għal ġenerazzjonijiet futuri.

More in Politika