Luciano Busuttil | Nibnu l-għaqda bil-fiduċja fin-nies: Gvern eqreb lejn il-poplu
Luciano Busuttil huwa eks deputat Laburista u avukat
Il-politika hi dinamika u tħaddan fiha, kemm il-mumenti ta’ serenità, imma fuq kollox, mumenti ta’ sfida. Dak li jiddistingwi mexxejja b’saħħithom hi l-kapaċità li jwieġbu b’viżjoni u kuraġġ. Mexxejja li jsiru statisti ma jistgħux ikunu biss baħrin tal-bnazzi.
Mexxejja li jkunu qrib il-poplu ma jistgħux jingħalqu f’torrijiet tal-avorju, jiddefendu ruħhom bħal donnhom assedjati, iżda billi jiftħu l-bibien għan-nies u jagħtuhom il-fiduċja u widen. Illum Malta tinsab f’fażi fejn il-Gvern Laburista, taħt il-tmexxija ta’ Robert Abela, għandu l-opportunità juri lis-saħħa tiegħu mhix fil-barrikati jew fil-konfrontazzjoni, iżda fil-bini ta’ pontijiet man-nies. Pontijiet li jgħaqqdu lill-poplu mal-opportunità li tassew il-Gvern ikun Gvern tan-nies, min-nies u għan-nies. Pontijiet li jgħaqqdu lill-istituzzjonijiet mal-kontabbiltà, u lill-pajjiż ma’ futur ta’ fiduċja u kuraġġ.
Gvern li jġedded u jsaħħaħ
Il-Gvern Laburista dejjem kien forza ta’ tiġdid. Kull darba li l-pajjiż kellu bżonn direzzjoni ġdida, kien hemm biex joffri soluzzjoni u jmexxi bidla. Illum, quddiem sfidi globali u lokali bħall-għoli tal-ħajja, il-problema tal-akkomodazzjoni, il-ħtieġa ta’ sostenibbiltà u l-importanza ta’ governanza soda, il-Gvern Laburista jerġa’ juri li hu kapaċi jisma’, jaġġusta u jwettaq. Robert Abela qed imexxi b’serenità u b’viżjoni strateġika, u dan juri li l-gvern hu tassew gvern tan-nies. Il-messaġġ hu ċar: il-politika mhix dwar sopravivenza jew difiża, iżda dwar soluzzjonijiet u direzzjoni favur in-nies.
Is-smigħ bħala prova ta’ saħħa
Il-poplu jistenna gvern li jisma’. F’kuntest demokratiku, is-smigħ ma jfissirx dgħufija, iżda maturità u kunfidenza. Il-Gvern Laburista qed juri l-kuraġġ li jiltaqa’ mal-komunitajiet, mas-soċjetà ċivili u mal-istituzzjonijiet, u li jisma’ l-vuċi taċ-ċittadini. Din il-prattika hi l-ewwel pass biex tinbena mill-ġdid il-fiduċja bejn il-poplu u l-istat. Meta l-gvern jisma’ u jirrispondi b’azzjoni konkreta, il-poplu jħoss li hu parti integrali mill-proċess politiku. Dan hu l-bażi ta’ governanza moderna: li l-vuċi taċ-ċittadin tgħodd u li l-istat juri reattività u responsabbiltà.
Soluzzjonijiet għall-ħajja ta’ kuljum
Il-Maltin u l-Għawdxin ma jridux slogans jew retorika vojta. Dak li jistennew huma soluzzjonijiet konkreti li jtaffu l-piżijiet ta’ kuljum. Akkomodazzjoni affordabbli, kontroll tal-prezzijiet, sistema tas-saħħa b’saħħitha u edukazzjoni ta’ livell għoli huma fost il-prijoritajiet li ma jistgħux jiġu injorati. Dawn mhumiex biss punti fuq programm politiku, iżda ħtiġijiet essenzjali li jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd. Il-Gvern Laburista se jkompli jpoġġi dawn il-prijoritajiet fuq quddiem, biex il-poplu jibqa’ jħoss il-bidla b’mod tangibbli. Dawn huma l-pontijiet li jgħaqqdu lill-gvern man-nies, u li jagħmlu l-politika tal-Gvern Laburista rilevanti u effettiva.
Ir-riforma bħala prova ta’ serjetà
Governanza soda titlob serjetà u konsistenza. Il-poplu jistenna li l-istituzzjonijiet ikunu b’saħħithom u li l-proċessi jkunu trasparenti. Il-Gvern Laburista se jkompli jsaħħaħ il-qafas tal-finanzi, jiggarantixxi l-indipendenza tal-ġudikatura u jżid l-iskrutinju b’mod trasparenti. Dawn il-miżuri mhumiex konċessjonijiet politiċi, iżda manifestazzjonijiet ta’ reżiljenza istituzzjonali. Gvern Laburista qed iħaddan din ir-riforma u qed juri li hu akbar minn kull episodju jew skandlu temporanju. Gvern Laburista huwa gvern impenjat li jservi lill-pajjiż u lill-komunità kollha, mhux lill-individwi. Din hi l-vera prova ta’ serjetà: li l-istat jibqa’ sod u responsabbli anke quddiem sfidi jew pressjonijiet.
Mexxejja b’umiltà u empatija
Il-Prim Ministru Robert Abela qed juri stil ta’ tmexxija li jikkaratterizza ruħu b’serenità, u li jissaħħaħ permezz ta’ umiltà u empatija. Dawn il-kwalitajiet huma essenzjali f’kuntest politiku fejn il-poplu jistenna minn mexxejja mhux biss deċiżjonijiet effettivi, iżda wkoll dispożizzjoni li jammettu żbalji u li jitkellmu b’lingwa ta’ servizz aktar milli ta’ difiża.
Il-kapaċità li tingħata spazju lill-ġenerazzjoni żagħżugħa u li titħaddan retorika ta’ tiġdid, ma tikkontribwix biss għall-immaġni tal-gvern, iżda turi wkoll livell ta’ fiduċja istituzzjonali. Dan jindika li l-Gvern Laburista hu kunfidenti fir-rabta tiegħu man-nies u fil-leġittimità tal-proċess demokratiku li jmexxi. B’dan il-mod, mexxejja bħal Robert Abela jistgħu juru li l-awtorità politika mhix biss funzjoni ta’ poter, iżda wkoll ta’ responsabbiltà morali u soċjali.
Viżjoni ċara għall-futur
Il-pontijiet li l-Gvern Laburista qed jibni mhumiex biss rispons għall-preżent, iżda wkoll viżjoni għall-futur ta’ Malta. Tkabbir ekonomiku b’sostenibbiltà, innovazzjoni b’inklużjoni u ġustizzja soċjali bħala l-bażi ta’ kollox huma l-elementi li jiffurmaw din il-viżjoni. Malta li tikber b’mod sostenibbli, li tipproteġi l-ambjent tagħha u li toffri opportunità lil kulħadd hi l-mira li l-Gvern Laburista taħt Abela qed u jista’ jkompli joffri. Din mhix viżjoni astratta, iżda programm ta’ azzjoni li jpoġġi l-benesseri tal-poplu u l-futur tal-pajjiż fuq quddiem.
Il-poplu ma jridx barrikati jew konfront bla frott. Dak li jrid hu pontijiet: pontijiet bejn il-gvern u ċ-ċittadini, bejn l-istituzzjonijiet u l-kontabbiltà, u bejn l-isfidi tal-lum u l-opportunitajiet ta’ għada. Il-Gvern Laburista, taħt Robert Abela, jinsab f’pożizzjoni unika biex ikompli jibni dawn il-pontijiet u jsaħħaħ il-fiduċja fil-proċess demokratiku.
Il-mixja ’l quddiem mhijiex dwar sopravivenza politika, iżda dwar kunfidenza. Kunfidenza li tesprimi permezz ta’ smigħ, riforma, empatija u viżjoni. Billi jkompli jibni l-pontijiet, il-Gvern Laburista juri li s-saħħa tiegħu tinsab fir-rinnovament u fil-kuraġġ li jmexxi lil Malta ’l quddiem.
Lin-nies tagħtihom il-fiduċja tiegħek biex huma jagħtuk tagħhom biex tmexxi.
Din hi l-mixja kunfidenti tal-Gvern Laburista: pontijiet għal futur sod, pontijiet li jsaħħu l-istituzzjonijiet, u pontijiet li jagħtu lil Malta dak li tassew jistħoqqilha.
