Kenneth Delia | L-Effetti tal-Pandemija – il-perspettiva tal-NGO Hospice Malta

Hospice Malta pprovdiet madwar 44,000 siegħa ta' servizzi lill-pazjenti u l-familji tagħhom matul l-2020

Hospice Malta ilha tipprovdi Kura Paljattiva bla ħlas sa mill-1989.  Matul is-snin, il-Hospice evolviet skont il-bżonnijiet tal-pazjenti u l-familji tagħhom. Matul dan il-proċess, il-pazjenti jkunu evalwati mit-tim ta' professjonisti biex b’hekk is-servizz jingħata skont il-bżonnijiet tagħhom kemm mil-lat mediku, kif ukoll dak prattiku, psiko-soċjali u spiritwali. F’dawn l-aħħar snin, il-Hospice tat servizzi lil iżjed minn 1,300 familja kull sena. Bħal Hospices oħrajn madwar id-dinja, il-maġġoranza tal-pazjenti li jiġu riferuti jinkludu dawk li qed isofru minn kanċer fi stadju avvanzat. Hospice Malta tipprovdi wkoll servizzi lill-pazjenti li jbatu minn Motor Neuron Disease, mard respiratorju, tal-qalb, kif ukoll tal-fwied u kliewi. Fil-maġġoranza l-pazjenti jkunu qed ibatu minn numru ta' sintomi u kumplikazzjonijiet li dan il-mard jista jġib miegħu.

Id-diffikultajiet li ġabet magħha l-pandemija ħolqot diversi sfidi biex niżguraw li s-servizzi jkomplu jingħataw lill-pazjenti. L-aċċesibiltà għas-servizzi, il-follow ups tant meħtiega kif ukoll l-interventi f’waqthom mill-professjonisti kienu u jibqgħu kruċjali biex niżguraw li l-pazjenti kollha ngħataw servizz komprensiv, filwaqt li l-familji baqgħu jirċievu servizz ta' faraġ meta kien hemm il-bżonn. Bil-għan primarju jibqa’l-kuntatt tant bżonnjuż bejn il-professjonisti u l-pazjenti / familji tagħhom, filwaqt li segwejna d-direttivi mill-awtoritajiet tas-saħħa, il-Hospice bdiet toffri xi servizzi b’mod virtwali. Is-servizz ta’ żjarat fid-djar tal-pazjenti kien evalwat il-ħin kollu, filwaqt li servizzi oħra bħal self bla ħlas ta' apparat mediku u s-servizz ta' Care Assistant komplew jingħataw bil-miżuri u prekawzjonijiet kollha meħtieġa.  Żdied aktar il-kuntatt bit-telefon kif ukoll b’sessjonijiet virtwali biex il-familji komplew jingħataw is-sapport li kien hemm bżonn.

Il-pandemija ġabet ukoll diversi bidliet fl-operat b’mod speċjali fid-disponibbiltà għal servizzi ta' IT u modi oħra ta kommunikazzjoni, kif ukoll sapport kontinwu fl-IT biex niżguraw li din il-bidla setgħet  isseħħ. Din il-bidla għenet mhux biss biex il-pazjenti jibqgħu jiġu kkuntattjati b’mod individwali mill-professjonisti, iżda wkoll biex is-sessjonijiet fi gruppi setgħu jkomplu b’mod virtwali. Dawn inkludew is-sessjonijiet virtwali ta' kuljum li ssostitwew is-sessjonijiet fid-Day Therapy Unit. Dan is-setup iffaċilita wkoll il-kuntatt bejn il-membri kollha tal-istaff sew jekk kienu qed jaħdmu mid-dar kif ukoll mill-uffiċċju.

Dan ifisser li faċilment nistgħu nissostitwixxu l-mod ta kif konna nagħtu s-servizz qabel il-pandemija billi nagħtu servizz virtwali? Żgur li le, speċjalment meta fil-Kura Paljattiva il-lat uman, il-kuntatt fiżiku u l-kompassjoni huma tant essenzjali.  Inħass ħafna n-nuqqas tal-attivitajiet li kienu jiġu organizzati għall-pazjenti; attivitajiet ta' teambuilding; l-interazzjoni ta' kuljum mal-voluntiera kif ukoll l-attivitajiet marbutin mal-festi.  Huwa hawnekk fejn naraw l-importanza li nadattaw skont is-sitwazzjoni. Għalhekk, diversi taħdidiet dwar suġġetti varji ġew offruti virtwalment lill-pazjenti tad-Day Therapy Unit; numru ta' video clips b’messaġġi mit-tim ta' professjonisti ġew ixxerjati fuq facebook; fuljetti dwar eżerċizzji li jistgħu isiru mid-dar ġew imqassma lill-pazjenti; ir-Remembrance Event li ssir kull sena ġiet rrekordjata u mxandra fuq it-televiżjoni; il-lectures li kienu ppjanati ġew mogħtija b’mod virtwali; inħoloq facebook group għall-voluntiera u staff kif ukoll saret attivita ta’ teambuilding virtwali.  Iffaċilitajna li numru ta' voluntiera li kienu jgħinu fir-Reception u Fundraising komplew jagħtu l-appoġġ mid-dar.  Dawn kienu ftit mill-miżuri li ttieħdu mil-Hospice waqt il-pandemija. Fuq nota pożittiva, tajjeb li ngħidu li dawn il-benefiċċji ġew innutati u numru ta' miżuri li se jiġu integrati fl-operat meta s-sitwazzjoni terġa’ lura għan-normal.

Dan kollu żgur li ma kienx facli, iżda dan l-adattament irid jibqa’ kostanti waqt li niffukaw fuq kif nistgħu nkomplu noffru l-appoġġ tagħna lill-impjegati tagħna biex b’hekk ikunu jistgħu jipprovdu servizz ta' kwalità għolja lill-pazjenti u l-familji tagħhom.  Se nkomplu nimmoniterjaw is-servizzi tagħna, kif ukoll nikkomunikaw ma' Hospices barra minn Malta biex nużaw l-aħjar għodda ta kejl u benchmarking.  Inkomplu nieħdu l-opinjoniet tal-pazjenti u l-familji, il-pubbliku u wkoll il-voluntiera u staff.  Dan kollu flimkien mal-pjan ta' edukazzjoni fil-Kura Paljattiva, jiżgura l-kontinwità tal-aqwa servizz.

Permezz ta' dan kollu, Hospice Malta pprovdiet madwar 44,000 siegħa ta' servizzi lill-pazjenti u l-familji tagħhom matul l-2020.  Se nkunu qed inkompli nadattaw skont il-bżonn biex niżguraw li l-Hospice toffri l-kura paljattiva effettiva kif u kull meta jkun hemm bżonn. B’dan il-mod inkunu qed niżguraw li l-familji jirċievu l-appoġġ neċessarju, jistgħu jibqgħu flimkien għal aktar żmien u jevitaw fejn hu possibli li l-għeżież tagħhom jkollhom jidħlu fi sptar akut.  Minkejja l-pandemija, dawn jibqgħu l-prinċipji ta' kura paljattiva li tingħata mill-Hospice fil-komunità.

More in Politika