Editorjal | Paxxejnihom!

'Lil min irid jagħmlilna l-ħsara, lil dawk il-pajjiżi li jaraw blata fil-Mediterran qed toħloq il-ġid, tattira l-investiment, toħloq ix-xogħol u tiġri 'l quddiem f'ħafna aspetti - fosthom tal-Covid-19 - paxxejnihom!  Għax tajnihom l-għodda kollha li hemm bżonn biex meta jasal il-waqt ibambluhulna!'

Malta spiċċat fuq i-Lista l-Griża - dan mhux xi kumpliment!
Malta spiċċat fuq i-Lista l-Griża - dan mhux xi kumpliment!

Malta spiċċat fuq il-Lista il-griża tal-FATF.  Mhux eżattament preġju jew kumpliment dan! U malli ġara hekk - kif jiġri dejjem - id-diskussjoni fuq il-midja soċjali ġiet iddominata minn żewġ tipi ta' argumenti pwerili u infantili: Dawk li jgħidu li huwa 'tort tal-Labour' u dawk li jgħidu 'tort tal-PN'. U għal bosta d-diskussjoni waqfet hemm. U dan huwa l-ewwel żball kardinali. Tort ta' min hu t-tort, issa la qegħdin f'din il-lista xogħol il-Gvern u l-klassi politika huwa li jaraw li Malta toħroġ mil-lista kemm jista' jkun malajr. 

Pero, iva, ejja inħarsu lejn it-tort ukoll. 

Il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa ma bdewx malli tela' l-Partit Laburista fil-Gvern. Evażjoni tat-taxxa dejjem rajna, anzi hija prattikament xi ħaġa li f'diversi oqsma neħduha bħala n-normalità. Il-ħasil ta-flus l-istess, ma bediex ilbieraħ. Dejjem kien hawn nies, speċjalment negozjanti b'intenzjonijiet malinni li jużaw negozji f'pajjiżna biex jaħslu l-flus. 

Ir-riformi kollha li saru fl-aħħar sena u nofs biex ikun miġġieled il-ħasil tal-flus, mil-livell ta' ħanut li qed joffri servizz/prodott u li ma jistax jaċċetta pagamenti kbar fi flus kontanti sa bidliet f'istituzzjonijiet u miżuri ħafna aktar stretti ta' sigurtà, anke fl-ajruport - huma notevoli, tant li l-Moneyval u l-FATF stess jirrikonoxxu kemm sar progress. Dawn ir-riformi kollha jfisser xogħol u bidliet li saru mill-Gvern ta' Robert Abela u li ma sarux, la mill-Gvern immexxi minn Joseph Muscat u lanqas minn Gvern Nazzjonalista qabel. Jiġifieri jekk xejn il-bidliet meħtieġa li messna ilna li implimentajna, illum qed isiru. U dan għandu jkun rikonoxxut. 

Imma dan waħdu mhux soljev biżżejjed. 

Jibqa' fatt li minkejja li ħasil ta' flus, korruzzjoni u evażjoni tat-taxxa dejjem kien hawn jekk mhux lampanti, f'xi każi wkoll - akkużi relatati ma' dawn ir-reati qatt ma laħqu l-ogħla livelli fil-poter daqs is-snin bejn l-2015 sal-2020. 

U allura l-Panama Papers u l-fatt li tnejn mill-aktar nies b'saħħithom fil-pajjiż fetħu kont f'ġurisdizzjoni maħmuġa u ta' segretezza qatt ma messha ġiet aċċettata. Imma mhux talli ġiet aċċettata, talli Keith Schembri u Konrad Mizzi sabu l-appoġġ ta' magna propogandistika b'saħħitha u saħansitra tal-Prim Ministru ta' dak iż-żmien. U allura jekk Keith u Konrad jiftħu kumpaniji - magħmulin biex issir evażjoni tat-taxxa (għax kieku kienu onesti kienu jiftħu kontijiet Malta!) u jsibu l-protezzjoni, Ċikku, Peppi u Mary għaliex għandha tiddejjaq milli tevadi jew ma tħallasx taxxa hi ukoll?

Huwa ovvju li fuq Malta kien ser isir skrutinju qawwi. Imma nofs dan l-iskrutinju qawwi ġibnieh b'idejna aħna stess! Aħna tajna dik l-qasba metaforika lill-kompetituri tagħna biex isawtuna biha!

Qed nifhmu x'messaġġ ikrah bgħatna?  Qed nifhmu kemm saret ħsara meta dan il-pajjiż kellu tnejn minn nies taħt dell tqil, li mhux talli warrabnihom, talli ħafna qabżu għalihom?  Allura ħażin li spiċċajna fil-Lista l-Griża u ladarba l-Moneyval stess qalet li konna għamilna progress qawwi, aktar u aktar ma messniex qegħdin f'din il-lista. Pero bir-rispett kollu, il-Gvern ta' Muscat ma għinx lilu nnifsu u lil Malta meta żamm lil tnejn minn nies f'posthom minkejja l-kumpaniji fil-Panama u r-rabtiet dijaboliċi tagħhom ma' 17 Black - li jekk ma tridx sidha qed ikun akkużat bl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia!

Biex tkompli tgħaxxaq fl-istorja ta' dan l-assassinju - li għamel ħsara enormi lill-pajjiżna - jiġu implikati eks uffiċjali tal-pulizija dwar informazzjoni li allegatament għaddiet għand dak u għand l-ieħor.  U jiġi implikat eks Ministru (Chris Cardona) wkoll, biex ikollna dik iċ-ċirasa fuq il-kejk.

Biex tkompli tgħaxxaq il-Kap kurrenti tal-PN kien investigat u mwissi mid-Dipartiment tat-Taxxi li ma ħallasx it-taxxa dovuta għal snin sħaħ - madwar 12-il sena - u tella' kont ta' madwar €62,000 f'taxxa u VAT mhux imħallsa. Xi ħaġa li sirtu tafuha, mhux għax iddikjaraha hu, imma għax kixfitha din il-gazzetta! Bernard Grech mhux eżattament l-aktar persuna kredibbli fuq l-evażjoni tat-taxxa! 

Il-programm ta' ċittadinanza, l-istess. Huwa tajjeb għall-but tal-pajjiż u ġġenera l-miljuni, li uħud minnhom marru għal kawżi ġusti u dan huwa sewwa u xieraq. Imma skużi, ma jistax ikun inbiegħu l-passaport Ewropew (għax ta' Malta huwa awtomatikament Ewropew) lill-ikbar irmixk, sempliċiment għax għandhom il-flus u nippretendu li ħadd ma jgħid xejn.

Huwa ovvju li fuq Malta kien ser isir skrutinju qawwi. Imma nofs dan l-iskrutinju qawwi ġibnieh b'idejna aħna stess! Aħna tajna dik l-qasba metaforika lill-kompetituri tagħna biex isawtuna biha!  U kull darba li qgħadna fis-silenzju, kull wieħed u waħda minnha - inkluż forsi dan l-editorjal ukoll, għax l-ILLUM ma tilgħabhiex tal-oraklu - meta saru l-iżbalji, konna konxjament jew inkoxjament qed niktbu l-istorja u nfasslu dak li ġara din il-ġimgħa.

Bil-Malti inħobbu nużaw l-espressjoni 'paxxejthom'. U hekk għamilna f'Malta! Lil min irid jagħmlilna l-ħsara, lil dawk il-pajjiżi li jaraw blata fil-Mediterran qed toħloq il-ġid, tattira l-investiment, toħloq ix-xogħol u tiġri 'l quddiem f'ħafna aspetti - fosthom tal-Covid-19 - paxxejnihom!  Għax tajnihom l-għodda kollha li hemm bżonn biex meta jasal il-waqt ibambluhulna! U paxxejnihom b'dak li għamilna hawn, pero wkoll u b'dispjaċir ngħiduha, b'kampanja ċara u sistematika biex iktar titrewwaħ l-idea u l-perċezzjoni li aħna xi Mogadishu fil-Mediterran. Fuq quddiem esponenti tal-PN - u bħalma l-poplu qed jieħu kont ta x'għamel il-Gvern, qed jieħu kont ukoll dwar x'qed tagħmel l-Oppożizzjoni!
Imma nħallu t-tort warajna għax issa mhux iż-żmien tat-tfigħ tat-tort, għax min ftit u min aktar - ta' kulħadd it-tort, inkluż ta' dak, dik jew dawk li ma jħallsux it-taxxa dovuta u jduru mas-sistema biex ma jħallsux dak dovut! U s-sistema tippermettilhom!

Issa ż-żmien li naraw x'għad fadal isir, pero naraw ukoll li l-politiċi tagħna jkunu kontabbli lejn il-poplu, trasparenti u onesti. U naraw li jekk xi darba oħra jkollna politiċi li jinqabdu jagħmlu dak li mhuwiex sew, mhux biss jitneħħew pero jsibu lill-poplu jikkundannahom.

Li dħalna fil-lista l-griża tal-FATF mhux l-aħħar tad-dinja, għalkemm hija xi ħaġa ħażina. Tkun l-aħħar tad-dinja jekk dħalna f'din il-lista u mhux talli ma nagħmlu xejn biex noħorġu, talli nippersistu f'ċerti prattiċi li hemm bżonn jinbildlu!

Lil min irid jagħmlilna l-ħsara, ma npaxxuħx aktar! 

 

More in Politika