Josianne Cutajar| Ħiliet diġitali

Din il-qalba se tkun ta’ sfida imma rridu naħdmu bis-sħiħ sabiex tkun suċċess, b’politiki li jwasslu għal ħajja aħjar

F’dinja li miexja dejjem aktar lejn irkupru mill-effetti tal-pandemija, hemm pedina ċentrali li tilgħab logħba importanti – id-dinja diġitali. F’dan il-kuntest kienet okkażjoni importanti ferm li ipparteċipajt fl-Assemblea Diġitali, avveniment organizzat mill-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Portugiża.

Ħadt gost għaliex l-istedina biex nipparteċipa rrikonoxxietni bħala vuċi t’appoġġ għall-ħiliet diġitali fil-politiki tal-Unjoni Ewropea u wkoll rappreżentanta ta’ Malta mill-gżira żgħira ta' Għawdex. Intant ma setax jonqos li fl-intervent tiegħi komplejt inkun il-vuċi favur politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħiliet diġitali li tħares ukoll lejn gżejjer bħal Għawdex.

Sfidi

Bdejt mal-ewwel billi nistqarr li għandna sfida kbira quddiemna. 

Qabel ma faqqgħet il-pandemija, it-tfassil tal-politika fejn jidħlu ħiliet diġitali kienet tiffoka fuq il-ħiliet diġitali tal-ħaddiema – inkluż dawk li ma kienux messew ma’ din id-dinja moderna u teknoloġika tant meħtieġa llum il-ġurnata.

Iva, għandna nkomplu naħdmu sabiex inżidu l-kapaċitajiet tal-ħaddiema Ewropej. U bħala waħda min-negozjaturi ewlenin tal-istrateġija tan-Negozji Żgħar u Medji jien perfettament konxja tad-distakk diġitali li għadhom jiffaċċjaw bosta kumpaniji. Ħafna drabi, in-nuqqas ta’ ħiliet diġitali għadu jirrappreżenta wieħed mill-ostakli prinċipali sabiex l-SMEs jespandu n-negozju tagħhom.

Imbagħad hemm l-era ta’ wara li faqqgħet il-pandemija. Jekk kien hemm bżonn li wieħed jieqaf u janalizza fejn konna wasalna fil-politika diġitali, il-pandemija għamlet propju dan.

Qed ngħid hekk għaliex kif faqqgħet il-pandemija, ġejna konxji kemm l-isfida f’dawk li huma ħiliet diġitali ma kinitx biss li nressqu l-ħaddiema lejn din it-transizzjoni diġitali imma kien hemm ukoll sfidi aktar bażiċi inkluż l-aċċess taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għal ċertu servizzi essenzjali onlajn. 

U hawn nixtieq nagħmel punt ta’ riflessjoni. Qabel il-pandemija, ħafna minna kienu jaħsbu li konnettività tajba kienet utli biss biex tara films ta’ definizzjoni għolja onlajn jew biex dak li jkun ikun jista’ jsegwi l-isport favorit tiegħu jew jgħaddi l-ħin fuq xi logħba. Madankollu l-pandemija fethitlna għajnejna realtà li kienet hemm imma riedet pandemija biex toħroġ aktar fil-beraħ.

Il-konnettività u l-ħiliet diġitali huma essenzjali biex iwettqu funzjonijiet mill-aktar bażiċi tar-rutina ta’ kuljum tagħna. Dan irrealizzajnieh sew filwaqt li ħafna minnha spiċċaw jaħdmu mid-djar tagħhom u, f’ħafna pajjiżi, waqt il-lockdown.

Nemmen bil-qawwa, kif għidt f’din l-Assemblea, li l-akbar sfida li għandna nindirizzaw hija li jkun hemm eżerċizzju li jwassal biex inressqu l-ħiliet diġitali lejn firxa kbira tal-poplu. L-ewwel u qabel kollox, dan għandu jkollu l-għan li juri l-vantaġġi tad-diġitalizzazzjoni anki lil dawk li, s’issa, mhumiex konxji tal-opportunitajiet li t-teknoloġija tista’ tagħti, imma wkoll li nedukaw dwar ir-riskji li din jista’ jkollha. Edukazzjoni li għandha tkun mifruxa, u fuq skala kemm nazzjonali u anke Ewropea.

Approċċ komprensiv

Ovvjament bidliet kbar ma jiġrux mil-lum għal għada. Għalhekk approċċ komprensiv bħal dan għandu jinkludi azzjonijiet biex intejbu l-kurrikulu tal-iskola u wkoll biex titrawwem il-viżibilità tal-opportunitajiet tat-transizzjoni diġitali. 

Fil-ħidma tiegħi bħala Membru Parlamentari Ewropew, nemmen bis-sħiħ fil-Programm Ewropa Diġitali u l-irwol importanti li ċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej se jkollhom.

Madankollu l-pass li jmiss huwa li nwessgħu l-ambitu tal-azzjonijiet tagħna billi jkun hemm ħidma li twassal għal poplu aktar imrawwem fil-ħiliet diġitali li hemm bżonn, u li għalhekk ma tieqafx biss mal-ħidma mibdija li nressqu l-ħaddiema lejn aktar ħiliet diġitali u li dawk li ma kienux parti minn din id-dinja moderna nressquhom lejha.

Id-dinja diġitali u gżejjer żgħar

U hawn fejn tidħol il-gżira Għawdxija.

M'hemm ebda dubju li l-gżejjer u ż-żoni periferali jiffaċċjaw sfidi addizzjonali f’dik li hija konnettività diġitali. Bħala Għawdxija, naf kemm din il-gżira hi milquta mill-effetti tal-insularità doppja. U għax konxja sew minn dan, qatt ma waqaft nsemma leħni fil-Parlament Ewropew dwar l-isfidi tal-gżejjer u l-importanza mhux biss tal-ħiliet iżda anke tal-konnettività diġitali.

Punt li nisħaq fuqu huwa li l-Unjoni Ewropea għandha, fost l-għanijiet tagħha, dak li tippromwovi l-koeżjoni territorjali. Aktar minn hekk, l-aċċess għal servizzi essenzjali - u fid-dinja tal-lum l-aċċess għad-dinja diġitali nnifsu huwa essenzjali - huwa wkoll prinċipju li nsibuh inkorporat fil-Politika Ewropea tad-Drittijiet Soċjali.

Nolqtu żewġ għasafar b'ġebla waħda

Il-promozzjoni ta’ bidla li hemm bżonn sabiex żoni rurali u periferali jkunu kapaċi jaqilbu għas-servizzi diġitali jolqtu żewġ għasafar b'ġebla waħda. 

L-ewwelnett, dan ikun ifisser li qed nagħtu spinta lill-konnettività tar-reġjuni l-aktar imbiegħda, li hija ovvjament titjib tal-koeżjoni territorjali. Din l-azzjoni hija essenzjali. Ma nistgħux nitkellmu dwar ħiliet diġitali f'żoni rurali jew periferali jekk dawn ir-reġjuni ma jkollhomx infrastruttura ta’ kwalità għolja li tippermetti l-użu tagħhom.

It-tieni, din il-bidla tgħin biex jingħelbu sfidi li jaffettwaw il-provvista ta’ servizzi pubbliċi f’territorji li strutturalment jaffaċċjaw ostakli addizzjonali.

Ejja nieħdu eżempju prattiku. Huwa ovvju li l-banek apparti li jagħtu servizz, jaħdmu skont dak li jaqblilhom f’sens ekonomiku – li servizz jingħata għaliex qed irendi lura. U huwa għalhekk li żoni mbiegħda, jew żoni ta’ popolazzjoni żgħira, ġieli ibatu minn nuqqas ta’ fergħa ta’ bank.

Għalhekk li jkun hemm infrastruttura diġitali f’dawn iż-żoni jgħin u huwa ta’ servizz essenzjali anke għal dawk l-anzjani li għandhom bżonn jaċċessaw servizz bankarju mill-kumdità ta’ darhom b’mezzi diġitali. F’kull settur l-infrastruttura diġitali hi importanti u magħha dejjem hemm bżonn il-ħiliet diġitali. 

Dan japplika wkoll għal mudelli ta’ e-Health – servizz ta’ saħħa b’mod diġitali.

Intemm billi nisħaq li l-promozzjoni tat-transizzjoni diġitali fil-gżejjer u żoni remoti għandha timmira wkoll li ttejjeb il-qagħda tal-SMEs li fuqhom jiddependu tant u tant familji u ħaddiema. Aktar minn hekk, it-transizzjoni diġitali għandha tiffoka fuq il-benefiċċji li ċ-ċittadini jistgħu jgawdu fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom permezz tal-ħiliet u s-servizzi diġitali. 

Din il-qalba se tkun ta’ sfida imma rridu naħdmu bis-sħiħ sabiex tkun suċċess, b’politiki li jwasslu għal ħajja aħjar.

More in Politika