Robert Aquilina | Il-korruzzjonji fl-elezzjonijiet tagħna

L-aktar element bażiku ta’ demokrazija li tiffunzjona huma elezzjonijiet ħielsa u ġusti. Biex elezzjoni jew votazzjoni jkunu ġusti, il-parteċipanti jeħtieġu kundizzjonijiet ekwi, kemm fuq livell ta’ kandidati individwali u anke fuq livell ta’ partiti politiċi

Fir-rapport annwali tiegħu għas-sena 2017, l-Ombudsman Anthony Mifsud stqarr li jekk irridu niżguraw li l-persuni fdati bit-tmexxija tal-affarijiet pubbliċi jwettqu dmirhom fl-interess tal-ġid komuni, irridu niddefinixxu l-limiti tal-eżerċizzju tas-setgħa tal-kariga tagħhom. Semma li hawn sentiment ġenerali li hemm bosta kwistjonijiet bażiċi relatati mal-governanza tajba u mas-saltna tad-dritt li għad iridu jiġu indirizzati.

L-aktar element bażiku ta’ demokrazija li tiffunzjona huma elezzjonijiet ħielsa u ġusti. Biex elezzjoni jew votazzjoni jkunu ġusti, il-parteċipanti jeħtieġu kundizzjonijiet ekwi, kemm fuq livell ta’ kandidati individwali u anke fuq livell ta’ partiti politiċi.

Huwa naturali li l-kandidati u l-partiti politiċi b’esperjenza fl-amministrazzjoni pubblika jippruvaw juru r-rekord tagħhom biex ikunu jistgħu jiġġustifikaw għala għandhom jiġu eletti jew eletti mill-ġdid fil-kariga tagħhom. M’hemm xejn ħażin f’dan. L-isfida tinħoloq iżda, meta l-partit fil-gvern jew il-kandidati fil-kariga jabbużaw mir-riżorsi biex jinfluwenzaw lill-votanti b’mod li jikkonfermawhom fil-kariga.

F’Malta, l-abbuż minn dak li popolarment nirreferu għalih bħala power of incumbency mhux problema ġdida. Iżda ċertament din mhix skuża biex ma nisfidawx l-istatus quo u t-tolleranza mifruxa għal din it-tip ta’ mġieba ħażina.

Bla ebda dubbju, xejn ma jgħin f’dan ir-rigward il-fatt li l-elezzjonijiet huma fil-kompetenza kważi esklussiva tal-politiċi stess.

Lanqas ma jgħin il-fatt li r-regoli dwar l-imġiba ta’ gvern caretaker, biex tkun żgurata separazzjoni bejn ir-riżorsi tal-Istat u tal-kampanja partiġġjana, u biex jiġu definiti l- prattiċi korrotti fil-proċess elettorali, huma ineżistenti jew, jekk jeżistu, huma vagi jew ilhom għexieren ta’ snin ma jinbidlu.

Id-demokrazija tagħna teħtieġ rikonoxximent tal-abbuż tal-power of incumbency, u li dan jiġi indirizzat kif xieraq. In-nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti tnawwar is-saltna tad-dritt u għalhekk impliċitament id-demokrazija nnifisha. Fl-istess waqt, id-demokrazija tagħna u l-istandards tal-imġiba fil-ħajja pubblika, b’mod partikolari fil-proċessi elettorali, jeħtieġu titjib kontinwu.

Tabilħaqq jixiqirnilna politiċi, partiti politiċi, amministrazzjoni ċivili u persuni fil-kariga f’kull istituzzjoni li jaqdu dmirhom bl-ogħla standards ta’ mġiba etika. Kull min jipparteċipa fi proċess demokratiku jeħtieġ iġib ruħu b’mod li jippromwovi proċess liberu u ġust u li jiskoraġġixxi mġiba li tipperikola l-integrità tal-proċess.

Il-Liġi Maltija tipprojbixxi li persuna “tagħti, tislef jew tiftiehem li tagħti jew tislef, jew toffri, twiegħed jew twiegħed li tipprokura jew li tfittex li tipprokura, flus jew xi ħaġa li tiswa l-flus” lil jew għal xi votant. Din l-imġieba taħt il-liġi tagħna tammonta għal korruzzjoni.

Iżda aħna lkoll nafu li dawn il-prattiċi huma komuni ħafna f’pajjiżna u huma l-qofol ta’ ħafna mill-konverżazzjonijiet li l-kandidati politiċi jkollhom mal-kostitwenti tagħhom fl-uffiċini distrettwali jew waqt żjarat fid-djar. Dawn il-konverżazzjonijiet ħafna drabi jkunu stimulata minn talbiet espliċiti tal-votanti għal “favuri” jew “irranġar” għal impjiegi mas-settur pubbliku, kuntratti jew permessi jew liċenzji.

Il-liġi li tipprojbixxi l-korruzzjoni, tirregola bl-istess mod l-imġieba tal-kandidati li, meta jitwettaq ir-reat, ma jkollhomx poter li jirriżulta minn kariga. Ngħidu aħna, “Jekk nitla’, nara kif nirranġalek għal job” jew “Jekk nitla’, nara kif nista’ ngħinek fl-applikazzjoni għall-permess” huma wegħdi b’tentattiv li tinkiseb konsiderazzjoni bis-serjetà ta’ xi votant u għalhekk, bħala tali, skont il-liġijiet eżistenti tagħna huma korruzzjoni.

Allura l-klijenteliżmu, meqjus bħala rekwiżit ordinarju tal-proċess politiku tagħna, huwa pprojbit bl-aktar mod ċar fil-leġiżlazzjoni eżistenti. Il-piena għal dawn is-sitwazzjonijiet hi multa sa €1,160 jew sentenza ta’ sitt xhur ħabs, jew it-tnejn li huma. Imbagħad hemm projbizzjoni ta’ seba’ snin minn kariga pubblika u għalhekk, dak li jkun jitlef is-siġġu parlamentari tiegħu.

Bħala ċittadini ta’ dan il-pajjiż, għandna dritt nistennew li l-kandidati għal kariga politika jħarsu s-saltna tad-dritt b’aktar minn sempliċi kliem. Għandna dritt nippretendu li dawn iħarsu s-saltna tad-dritt bl-azzjonijiet tagħhom. Jekk wieħed jinjora d-dispożizzjonijiet tal-liġi għax ikunu inkonvenjenti jew inkonsistenti mad-drawwa – “għax kulħadd hekk jagħmel” – dan ikun korrott, u minnu nnifsu jiftaħ bieb għall-klijenteliżmu u jkun parti minn reazzjoni katina ta’ korruzzjoni b’konsegwenzi ferm aktar gravi.

Fl-istess waqt, mhux aċċettabbli li l-istituzzjonijiet tal-Istat inkarigati biex jinfurzaw id-disposizzjonijiet tal-liġi li jirregolaw il-klijenteliżmu u l-politika tranżazzjonali joqogħdu jdejhom fuq żaqqhom. Din l-inazzjoni hi waħda mir-raġunijiet għalfejn il-korruzzjoni hi aċċettata b’mod mifrux ħafna fis-sistema elettorali tagħna. Min iwettaqha għandu ċ-ċertezza li se jgawdi minn impunità sħiħa.

Fenomenu ieħor li ftit li xejn hu dokumentat iżda hu rikonoxxut b’mod wiesa’ f’pajjiżna hu l-użu ħażin tal-fondi pubbliċi meta tkun qed toqrob l-elezzjoni ġenerali. Naraw li jiżdied il-materjal pubbliċitarju mill-ministeri u aġenziji tal-gvern. Jintensifikaw ix-xogħlijiet pubbliċi fil-kostitwenzi tal-ministri li għandhom aċċess għal riżorsi tal-Istat biex iwettquhom, bħal pereżempju tiswija jew bini ta’ toroq, anki f’żoni li mhumiex fil-kompetenza tal-gvern ċentrali jew saħansitra fi proprjetà privata.

Hu ta’ għajb għall-klassi politika Maltija li b’nuqqas gravi ta’ maturità, serjetà u onestà ma tasalx hi stess biex twaqqaf dawn il-prattiċi inaċċettabbli.

Iċ-ċittadin għandu dritt jippretendi li l-partiti u l-kandidati politiċi jħaddmu l-ogħla standards etiċi u jimpenjaw ruħhom li ma jaġixxu bl-ebda mod li jista’ jimmina l-akbar rispett lejn il-prinċipji tad-demokrazija elettorali, is-salvagwardji istituzzjonali, l-infurzar, it-trasparenza u l-akkontabbiltà.

F’dawn il-jiem l-NGO Repubblika ippubblikat dokument dwar dan is-suġġett. Tista’ taċċessah fuq repubblika.org.

More in Politika