Saviour Balzan | Il-karba tal-imxajtna

Ħa nerġa' nitkellem fuq din l-art ħelwa li ġibniha mandra.  Mhux fuq Din l-Art Ħelwa li tagħmel xogħol tajjeb ħafna imma li qatt ma rnexxielha tiġbor magħha Maltin li mhumiex mneħirhom mxammar

Wara li jgħaddi l-Covid - u ser jgħaddi bħal ma osfru mijiet ta’ pandemiji oħra fid-dinja - ikollna nerġgħu nirritornaw għall-karbiet ta’ qabel.

Tgħidulix li qed inkun monotonu u tad-dwejjaq u mhux ser nitkellem fuq l-għalliema msejkna u stressjati li għandhom vakanza oħra dan ix-xahar għax l-ewwel ta’ Mejju inzerta l-Ħadd. Le fuq dawn għidt biżżejjed… għalissa!

Ħa nerġa' nitkellem fuq din l-art ħelwa li ġibniha mandra.  Mhux fuq Din l-Art Ħelwa li tagħmel xogħol tajjeb ħafna imma li qatt ma rnexxielha tiġbor magħha Maltin li mhumiex mneħirhom mxammar.

Aħna ħallejna min ried jagħmel triq fil-baħar, jagħmlu - għax l-argument hu sempliċi ħafna, is-suċċess ta’ kollox marbut ma kemm timpala liri.

Jien l-isbaħ ikla, hija ftira friska b’taħlita perfetta ta’ basal, tadam, tonn taż-żejt, bżar, melħ, kappar u żejt taż-żebbuġa flimkien ma’ flixkun Cisk kiesaħ.  Hawn min jippreferi n-nejk ta’pranzu b’ħafna sinefeteti, b’xi nokkla ta’ ħuta mdawwra b’xi frott eżotiku b’tiċpisa ta’ xi żejt ta’ żebbuġa li skont l-informazzjoni provduta ikun ġej minn xi masġar organiku! U biex ma ninsiex akkumpanjat minn xi inbid abjad fin li jiswa daqs ġurnata paga minimum wage mill-vallée de la Loire.

Bejn ikla u oħra lanqas dubju ma għandi li l-maġġoranza tan-nies iridu xi ħaġa awtentika – il-ftira Maltija. U biex nieqaf b’dawn il-ħafna stejjer dwar gastronomija, niġi għall-punt.

Ma nistgħux inkomplu naħxu dan il-pajjiż b’deċizjonijiet mgħaġġla bbażati fuq l-idea falza li l-progress huwa kemm kiber il-GDP.  

Jekk għandna riżors, li meta josfor ma jġibux lura, hija proprju din l-art ħelwa.

Jekk għandna estetika li kienet magħna għall-eluf ta’ snin u ġiet stuprata għax is-sur Range Rover bena blokk appartamenti koroh dagħwa b’Alla qishom kaxxi griżi u bojod - ħadd mhu ser iġib dik il-veduta lura.

F’għajnejn il-politiċi u dawk mejtin biex jagħmlu l-flus aħna qisna l-imxjatna.

Imma għadna fil-ħin biex flimkien nqajmu dan il-pajjiż biex jifhem li l-isbuħija u l-kwalità ta’ Malta ma ġġibhiex b’kemm għandek flus fil-bank jew f’xi kont barrani imma b’kemm pajjiżek jidher sabiħ.

Issa jekk ma jimpurtax ħa ndur għal dik il-ftira u dak il-lager u li kont minnkom għamlu bħali! 

More in Politika