Stefan Zrinzo Azzopardi | Iċ-Ċertifikat Diġitali Ewropew tal-Covid: Pass kbir lejn in-normalità

Dan iċ-ċertifikat se jiffaċilità l-ivjaġġar billi jagħmlu aktar sigur u jħeġġeġ aktar Ewropej jaqsmu minn pajjiż għall-ieħor b’inqas biża’ u aktar fiduċja

Kienet aħbar sabiħa ta’ din il-ġimgħa dik li Malta saret l-ewwel pajjiż fid-dinja li laħaq l-immunità kollettiva. It-tragward jippremja l-għaqal fid-deċiżjonijiet li ttieħdu matul il-pandemija, l-amministrazzjoni tal-proċess tat-tilqim u fuq kollox l-imġiba tal-pubbliku u r-rispett lejn ir-restrizzjonijiet imposti u lejn xulxin. 

L-immunità tagħtina aktar fiduċja biex nerġgħu nibdew ngħixu ħajjitna kif konna mdorrijin b’inqas biża’ mit-tixrid u b’inqas biża’ għal dawk fostna meqjusin vulnerabbli. 

F’pass ieħor lejn in-normalità li jżid l-entużjażmu li nkomplu b’ħajjitna b’rasna aktar mistrieħa, wara li intlaħaq qbil politiku bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew dwar iċ-Ċertifikat Diġitali Ewropew tal-Covid. 

Dan iċ-ċertifikat se jiffaċilità l-ivjaġġar billi jagħmlu aktar sigur u jħeġġeġ aktar Ewropej jaqsmu minn pajjiż għall-ieħor b’inqas biża’ u aktar fiduċja. 

Iċ-Ċertifikat Diġitali Ewropew tal-Covid se jkun prova li l-passiġġieri huma mlaqqma kontra l-Covid-19 u li ġew ittestjati għall-Covid u rriżultaw fin-negattiv. 

L-aħbar tagħmel differenza kbira għall-industrija tat-turiżmu li għall-aħħar sena u nofs sofriet il-qilla tal-pandemija. 

Ħabat tajjeb li l-qbil politiku intlaħaq din il-ġimgħa u għalhekk tejjeb iċ-ċans li l-ħruġ taċ-ċertifikat ikun possibbli minn Ġunju li ġej, biex l-Ewropej ikunu jistgħu jgawdu s-sajf. Is-sajf li ġej huwa essenzjali hekk kif dak tas-sena l-oħra xejn ma kien feliċi għas-settur turistiku bit-tixrid tal-virus fin-nuqqas ta’ protezzjoni bit-tilqim, b’ħafna restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar u l-moviment, inkluż il-kwarantina. 
Kienet proposta tal-Gvern Malti, ippreżentata formalment mill-Prim Ministru Robert Abela fl-istituzzjonijiet Ewropej, li l-Unjoni Ewropea tistabilixxi mekkaniżmu li jivverifika li passiġġier huwa sigur biex jivjaġġa. Il-proposta sabet l-appoġġ l-ewwel tal-pajjiżi fin-naħa t’isfel tal-Ewropa li bħal tagħna, l-ekonomiji tagħhom jiddependu ħafna mit-turiżmu, u sussegwentament tal-bqija tal-istati membri kollha. 
Il-qbil li għandu jwassal għall-ħruġ taċ-ċertifikati se jfisser solljev għall-intrapriżi kollha li b’xi mod jew ieħor imissu mat-turiżmu. Mill-qasam tal-ospitalità sal-avjazzjoni,sal-industrija tal-cruises u l-qasam tat-trasport privat, ilkoll qed jittamaw li ma jdumux ma jirkupraw ix-xhur li għaddew.

L-intrapriżi magħmulin minn ħaddiema u wara kull ħaddiem hemm familja li għal dawn is-sena u nofs għexet l-inċertezza. Ħafna madwar l-Ewropa tilfu x-xogħol. F’pajjiżna s-suppliment tal-pagi, minn fondi nazzjonali u b’riżultat tal-iskema Ewropea SURE, fisser investiment ta’ aktar minn €450 miljun u salva eluf ta’ impjiegi. Dan fisser li fl-ewwel lok il-familji setgħu jibqgħu jgħixu ħajja diċenti filwaqt li jagħti garanzija li ma jkunx hemm kriżi soċjali x’tissolva wara li tiġi indirizzata dik tas-saħħa pubblika. 

L-ivjaġġar huwa aspett ta’ divertiment importanti imma mhux biss. Il-moviment ħieles huwa dritt fundamentali taċ-ċittadini Ewropej. Dritt li ġie llimitat bir-restrizzjonijiet imposti sabiex titnaqqas l-imxija. L-aktar li dan id-dritt kruċjali għall-ħajja Ewropea u għall-identità tagħna bħala Ewropej inħass mhedded, kien fil-bidu li faqqgħet il-pandemija fiż-żmien meta l-istati membri nfexxew jieħdu deċiżjonijiet unilaterali fuq l-għeluq tal-fruntieri. 

L-insistenza tal-Gvern Malti li l-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat jitħaddem b’mod koordinat fuq livell Ewropew kellha l-għan li jiġu evitati l-problemi tal-bidu tal-pandemija. Kif deher f’aspetti oħra, inkluż fix-xiri tal-għodod mediċi u oġġetti essenzjali, il-koordinazzjoni tħalli riżultati ferm aħjar għal kulħadd u tipprevjeni milli pajjiżi żgħar isofru minħabba ċ-ċokon tagħhom. Il-koordinazzjoni toħloq aktar ċertezza li hija kruċjali biex biex aktar nies iħossuhom komdi jivjaġġaw. 

Ir-regolament li se jwaqqaf iċ-Ċertifikat Diġitali Ewropew tal-Covid jimpedixxi lill-pajjiżi membri milli jimponu restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-ivjaġġar għal min ikollu ċ-ċertifikat. 

Iċ-Ċertifikat Diġitali Ewropew tal-Covid se jkun mingħajr ħlas u aċċessibbli għal kulħadd, inkluż bil-possibilità li f’ċerti każi ma jinħariġx f’forma diġitali. Huwa pass fid-direzzjoni t-tajba bil-għan li nerġgħu naraw żieda fl-ivvjaġġar b’effett pożittiv fuq is-settur turistiku.

 

More in Politika