Carmel Cacopardo | L-abort: nippruvaw niddiskutu bil-kalma

'L-ebda mara m’għandha tkun soġġetta għal passi kriminali għax ħadet il-pilloli li waslulha bil-posta inkella għax irrikorriet b’xi mod għall-abort wara vjolenza li taqqlitha'

Id-dibattitu dwar l-abort hu wieħed emottiv. L-insulti u t-tgħajjir li għaddejjin huma bla limitu. Huwa f’din l-atmosfera li qed issir id-diskussjoni. Ċerti nies ma jitgħallmu qatt.

Id-dibattitu huwa bbażat fuq l-istess punt fundamentali tad-dibattitu dwar id-divorzju: fil-pajjiż jirrenja l-pluraliżmu etiku. Jiġifieri jeżistu valuri kuntrastanti. Kuntrasti li ilhom jinbnew ftit, ftit tul is-snin imma li ġew moħbija mil-lenti pubblika. Id-diskussjoni kienet waħda ipprojibita. Ma saritx minħabba l-biża’ minn soċjetà intolleranti, frott tal-fundamentaliżmu li għixna fih għal ħafna snin. Is-soċjetà tagħna illum żviluppat f’soċjetà lajka li mmanifestat ruħha fir-referendum dwar id-divorzju u fl-aċċettazzjoni tad-drittijiet LGBTIQ.

Mhux kull abort hu xorta. Mhuwiex ġustifikat li taqbad l-“agħar każ ta’ abort” u tuża lilu bħala eżempju.

Il-kampanja kontra l-abort hi iffukata fuq abort bla limitu li ma jeżisti kważi mkien. Fuq l-iktar każ estrem, kontinwament jinbena argument li jappella għall-emozzjonijiet flok għar-raġuni. Argument li jbezza’ lil uħud imma li ma jikkonvinċix lill-kotra li kapaċi taħseb b’moħħha.

Il-kampanja favur id-dritt tal-għażla (pro-choice) min-naħa l-oħra tagħmel l-argument li mara għandha dritt li tagħżel dak li trid, x’ħin trid u bla ma jindaħlilha ħadd. Dan jinkludi dritt li tagħżel jekk u meta tidħol għal abort. Argument neoliberali fejn il-libertà individwali m’għandhiex limiti.

Id-dibattitu hu kuntrast bejn dawn iż-żewġ estremi. Id-djalogu min-naħa l-oħra taf twasslek x’imkien ieħor li jkun aċċettat abort f’każijiet limitati fejn is-sens komun jgħidlek li dan hu ġustifikat. L-argumenti emottivi dan kollu jinjorawh u allura jimminaw d-diskussjoni matura li tant neħtieġu f’dan il-pajjiż. Il-pajjiż ma jeħtieġx l-abort bħala stil ta’ ħajja imma l-abort bħala rimedju f’ċirkustanzi straordinarji.

F’Malta l-abort isir. Jagħmluh n-nisa li jixtru pilloli online u jeħduhom mingħajr ma jikkonsultaw tabib, bil-kumplikazzjonijiet kollha possibli. Ma teżistix statistika dwar kemm minnhom jidħlu l-isptar bħala riżultat ta’ dan.

L-abort isir ukoll fl-isptar Mater Dei f’ċirkustanzi fejn tittieħed azzjoni biex tkun imħarsa l-ħajja ta’ nisa tqal li jiffaċċjaw kumplikazzjonijiet fit-tqala. Riċentment kellna l-polemika dwar t-tqala magħrufa bħala “ectopic”, jiġifieri meta l-bajda ffertilizzata teħel f’tubu intern fil-mara. Dan it-tubu (Fallopian tube) hu żgħir u jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni jinfaqa’ u jipperikola l-ħajja tal-mara tqila.

Il-kura li tingħata f’dawn iċ-ċirkustanzi hi mediċina li taqla’ l-bajda iffertilizzata minn mat-tubu u tarmiha. Jekk dan idum ma jseħħ jikber il-periklu u tkun meħtieġa operazzjoni. Fiż-żewġ każi dan hu abort li bħalu jsiru numru kull sena f’Mater Dei. Imma ħadd ma jgħid xejn, għax kulħadd jaċċetta li dan hu intervent meħtieġ, anke jekk il-liġi tqis din is-sitwazzjoni bħala illegali.

Hu ċar li l-opinjoni pubblika f’Malta, fil-parti l-kbira taċċetta l-abort meta dan hu meħtieġ biex iħares il-ħajja tal-mara. Meta tiddiskuti bosta jaslu biex jaċċettaw li l-abort f’dawn iċ-ċirkustanzi hu tollerabbli.

Hemm ċirkustanzi oħra fejn l-abort hu inqas kontroversjali. Qed nirreferi għal meta jsir abort f’każ ta’ stupru jew f’każ ta’ inċest. Fejn it-tqala hi sfurzata, bi vjolenza, hu ġustifikat li jsir abort preferibilment fil-fażi l-iktar kmieni possibli tat-tqala. Mara li għaddiet minn vjolenza ma tistax issib il-liġi bojja lesta biex tikkastigha, għax inkella tispiċċa soġġetta għal vjolenza doppja.

Xi żmien ilu ktibt artiklu fejn kont ikkumentajt dwar il-fatt li hawn min fil-fażi inizzjali tat-tqala jagħmel xi testijiet u jekk minnhom jirriżulta xi difetti fil-fetu, il-mara tirrikorri għal abort. Dan mhux aċċettabbli. Imma mhux biżżejjed li ngħidu hekk. Hemm ħtieġa li nifhmu lil min jagħmel din l-għażla u nistaqsu jekk parti mir-raġuni hijiex soċjetà li ma tindukrax biżżejjed familji li jgħaddu minn sitwazzjonijiet ta’ disabililtà. Minkejja li sar progress kbir xorta għad hawn nuqqas enormi kemm ta’ komprensjoni kif ukoll ta’ għajnuna iffukata lejn min għandu bżonnha.

Xi kultant naqraw b’min jirrikorri għal abort għax it-tqala u t-twelid jitqiesu xkiel għall-iżvilupp tal-karriera! Hemm soluzzjonijiet diversi għal dawn it-tip ta’ ċirkustanzi, minn edukazzjoni aħjar dwar is-saħħa riproduttiva għal sens ikbar ta’ responsabbilta’ mhux biss tal-mara imma wkoll tar-raġel.

L-aħħar eżempju huwa fejn issir għażla favur l-abort minħabba l-faqar. Jintqal li hawn każi fejn il-mezzi ta’ familja huma tant ristretti li ma jifilħux għal wild ieħor. Anke hawn hemm soluzzjonijiet li minħabba n-nuqqas ta’ dibattitu pubbliku ftit li xejn jiġu esplorati. Irridu nindirizzaw l-għerq tal-faqar u mhux il-konsegwenzi tiegħu. Inkella nibqgħu fejn konna. Anke hawn in-nuqqas ta’ edukazzjoni dwar is-saħħa riproduttiva hu enormi.

Mhux in-nisa biss jeħtieġilhom jitgħallmu iktar imma anke l-irġiel għandhom ħtieġa kbira għal dan: uħud jeħtieġu doża iktar qawwija ta’ rispett u sens ta’ responsabbiltà.

Id-dekriminalizzazzjoni, almenu f’ċerta aspetti, hi parti essenzjali mit-tibdil meħtieġ. L-ebda mara m’għandha tkun soġġetta għal passi kriminali għax ħadet il-pilloli li waslulha bil-posta inkella għax irrikorriet b’xi mod għall-abort wara vjolenza li taqqlitha. Il-mara li tagħmel abort hi ukoll vittma hi stess u teħtieġ l-għajnuna u mhux is-swat tal-liġi.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-proposta ta’ Marlene Farrugia iktar kmieni din il-ġimgha ser isservi biex taċċellera d-dibattitu pubbliku. Imma jkolli ngħid li saret ftit bil-għaġġla u hija nieqsa minn preparazzjoni pubblika dwarha.

Neħtieġu dibattitu kalm għax hu b’hekk biss li nistgħu nifhmu iktar lil xulxin. Dan hu dibattitu li mhux ser jispiċċa fi ftit ġranet iżda ser idum. Jekk ma nagħmluħx bil-kalma ma nkunu wasalna mkien

More in Politika